Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1699 u jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern biex residenti li jgħixu qrib il-miżbla tal-Magħtab u qrib l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin jingħataw sussidju speċjali mill-gvern fuq is-surcharge tal-kontijiet tad-dawl tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat,
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1510 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid jekk sarux xi studji dwar l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żidiet fil-prezz tal-fuel u partikolarment tal-fatt li d-diesel issa sar jiswa iktar mill-petrol bla ċomb? F'każ li saru studji bħal dawn, jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1818 u 1509 u jgħid jekk tlestiex ir-rapport li kellu jsir mill-ADT dwar dak li seta' tefa' l-proġett tal-pont Manwel Dimech lura fit-tlestija tiegħu u jekk ir-rapport huwa lest, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat mill-ADT illi l-"Project Implementation Report" għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx database mill-Gvern dwar kemm hawn SMEs f'Malta u f'Għawdex? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ s-SME’s f’Malta u f’Għawdex huwa kif jidher f’din it-tabella:
2007
Micro
(1-9)
Żgħar (10-49)
Medji (50-249)
Total
Total Malta
33,112
1,207
280
34,599
Total Għawdex
1,986
87
6
2,079
Total
Gross
35,098
1,294
286
36,678
Jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq il-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Small Business Act, u b'mod speċifiku jekk il-gvern għandux pożizzjoni fuq ir-rakkmandazzjonijiet kollha msemmija fl-10 prinċipji elenkati fil-COM (2008) 394 tad-19 ta' Ġunju, 2008? Jista' jagħti tweġiba fuq kull rakkmandazzjoni waħda, waħda jekk għandu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ta’ min jinnota li d-dokument ‘Small Business Act’ huwa biss komunikazzjoni b’lista ta‘ ‘best practice recommendations’ biex jassistu lil SMEs. Il-Kelma ‘Act’ fl-isem hija simbolika u ma timponi ebda obbligazzjoni legali lil membri tal-UE biex jimplimentaw dawn ir-rakomandazzjonijiet.
Madanakollu Malta Enterprise tifhem is-sens u l-valur ta’ dawn ir-rakomandazzjonijiet u fil-fatt numru tajjeb minnhom (ara lista) diga’ qegħdin jiġu prattikati. Oħrajn ġodda qed jiġu diskussi u ppjanati.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ rakomandazzjonijiet applikabbli għal ME u deskrizzjoni qasira ta’ azzjonijiet relatati li qiegħda tagħmel l-ME.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali matul is-sena 2007 fuq abbużi minn benefiċċji? Kemm-il każ ta' abbuż instab u x'kienet id-deċiżjoni fuq dawn il-każi?
Response (DALLI, JOHN)
L-entita` li tinvestiga abbużi minn benefiċċji maħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali hi d-Direttorat (Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni). Ninsab infurmat li, matul is-sena 2007, dan id-Direttorat ikkonkluda l-investigazzjonijiet fuq 1,444 każ.
Ninsab infurmat ukoll li minn dawn il-każijiet instab li 1,045 kienu qegħdin jitħallsu l-benefiċċji bi ksur tal-provvedimenti ta’ l-Att dwar is-Sigurta` Soċjali u ttieħdu l-passi biex id-Diviżjoni tas-Sigurta` Soċjali twaqqaf il-pagament fejn dan kien għadu għaddej u kull ħlas żejjed li sar jinġabar.
Tista' l-Ministru tgħarrafni dwar x'costing u investigazzjonijiet saru biex it-ticketing system li kellha Heritage Malta ġiet imwarrba u ddaħħlet oħra minflokha? Kemm kien jiswa upgrading tas-sistema li tneħħiet fl-aħħar tas-sena li għaddiet u kemm qed tiġi tiswa s-sistema preżenti? X'approvazzjonijiet kien hemm u fuq liema bażi ngħataw? F'liema laqgħa u meta ngħatat l-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta' Heritage Malta biex titneħħa t-ticketing system li ġiet tiswa eluf ta' liri li kellha l-aġenzija u tiddaħħal dik eżistenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Informata li l-Heritage Malta riedet tbiddel is-sistema għal waħda li tkun aktar flessibli li setgħet twassal ukoll għall-ħolqien ta’ multi-site tickets speċifiċi kif ukoll biex tiffaċilita x-xogħol tat-Tour Operators. Fil-fatt bis-sistema l-ġdida, ġie eliminat il-bżonn li jinħareġ biljett għal kull viżitatur għax is-sistema l-ġdida tippermetti li jinħareġ biljett wieħed li jkollu fuqu reġistrati n-numru ta’ nies fil-grupp li jistgħu jidħlu fis-sit partikolari.
Dan qed iwassal biex it-tour operators ikunu jistgħu jagħmlu t-tibdil meħtieġ fiż-żjarat li jippjanaw, aktar u aktar issa li l-prezzijiet għad-dħul fis-siti ta’ Heritage Malta ivarjaw minn sit għall-ieħor.
Dan kellu impatt ambjentali ukoll għaliex il-Heritage Malta kienet tistampa ‘l fuq minn miljun biljett kull sena.
Heritage Malta riedet tinvesti b’mod sostanzjali f’din is-sistema sabiex tiġi konformi mal-ħtiġijiet u l-bżonnijiet ta’ l-aġenzija. Kien għalhekk li ġie deċiż li tinbidel is-sistema.
Is-service provider jieħu kummissjoni nominali fuq kull biljett li jinħareġ. Dan ifisser li l-aġenzija m’għamlet l’ebda investiment kapitali għal din is-sistema. Anki t-turnstiles elettroniċi li qed jitwaħħlu fis-siti u mużewijiet m’hu ser jiswew l-ebda investiment kapitali għall-aġenzija.
Kien hemm l-approvazzjoni kollha mid-Dipartiment u entitajiet konċernati u kien hemm qbil li din kienet l-aħjar sistema li l-aġenzija Heritage Malta kellha bżonn.
Il-bord kien informat f’kull stadju tad-diskussjoni u approva id-deċizjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li titfassal u titwettaq xi policy dwar l-isqaqien fir-raba' tagħna (dawn l-istess sqaqien//toroq fil-fatt qed ikunu ta' tbatija għall-bdiewa tagħna) fis-sens li dawn ikunu jistgħu jingħataw xi forma ta' wiċċ ġdid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li fil-Program ta’ Żvilupp Rurali għal Malta li jkopri l-perjodu bejn 2007-2013 hemm miżura li tindirizza l-bżonn li sqaqien fir-raba’ eżistenti jiġu riabilitati. Din il-miżura, li se tiġi mnedija f’qasir żmien, toffri għajnuna finanzjarja lil gruppi jew assoċjazzjonijiet ta’ bdiewa li jixtiequ jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol fuq bażi reġjonali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti li hemm għand it-Joint Office biex jinfeda ċ-ċens ta' propretajiet residenzjali u kummerċjali rispettivament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi jien infumat li sat 30 ta’ Ġunju 2008 l-Uffiċċju Konġunt irċieva 5360 applikazzjoni għall-fidi ta’ ċens jew xiri ta’ proprjetajiet residenzjali taħt l-iskema prezenti. Minn dan l-ammont baqa 2837 applikanti li, għalkemm il-maġġoranza tagħhom irċevew is-somma li biha jistaw jixtru il-fond jew jifdu ċ-ċens impost fuqu, għad irid jiġi ippublikat il-kuntratt relatat.
M’hemm l-ebda skema għal talbiet ta’ fidi ta’ ċnus fuq proprjeta’ kummerċjali u għaldaqstant, l-Uffiċċju Konġunt ma jzommx tali statistika dwar dawn il-proprjetajiet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ilha li tqiegħdet fis-seħħ ir-rotta diretta li twassal miċ-Ċirkewwa sa l-airport? X'tip ta' skeda ġiet użata sal-lum, fis-sajf u fix-xitwa? Kemm kien in-numru ta' passiġġieri li nġarru sal-lum, u kemm tħallas sussidju mill-gvern fuq din ir-rotta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-rotta li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant hi operata b'kuntratt li l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku għandha m'entita pubblika terza u allura l-informazzjoni li qed jitlob ma tinżammx mill-ADT. Is-servizz mhux eliġibbli għal sussidju taħt il-ftehim ta' bejn l-ADT u l-ATP.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li għaddew bord kull sena matul l-aħħar 5 snin f'kull wieħed mill-lokalitajiet tas-7,11 u 12-il distrett?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal persuni li bdew jirċievu Pensjoni għall-Invalidita’, mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li mietu kull sena mill-2003 sal-lum? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b'xahar?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bejn 1-ewwel ta’ Jannar tas-sena 2003 sa’ l-aħħar ta’ Ġunju tas-sena 2008, ġew irreġistrati li mietu 17,355 resident Malti u Għawdxi.
Ser inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi n-numru ta’ persuni li mietu xahar b’xahar.
Sezzjoni dentali tal-kirurġija — Pażjenti li jitraqqdu bil-loppju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi twila l-waiting list tal-persuni b'diżabilita' fiżika li, minħabba d-diżabilita' tagħhom, ikollhom jitraqqdu bil-loppju fis-sezzjoni dentali tal-kirurġija biex isir filling jew tinqala' sinna? Jaħseb li l-ġenituri ta' dawn it-tfal m'għandhomx ikunu mġiegħla jmorru fi sptar privat bilfors, tenut kont li fil-kliniċi tad-dentisti mhux aċċettat li jitraqqdu l-pażjenti bil-loppju? Japprezza li kwestjonijiet bħal dawn ikunu urġenti u jeħtieġu azzjoni malajr?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat illi dan is-servizz jinvolvi grupp ta’ madwar 30 persuna b’diżabilità fiżika. Kull intervent dentali (inkluż filling jew qlugħ ta’ snien) li dawn ikollhom bżonn, irid isir bilfors taħt loppju ġenerali. Sabiex ma ssirilhomx ħsara billi jingħataw loppju ta’ spiss, ix-xogħol dentali ta’ rutina fuq dawn il-persuni b’diżabilità huwa programmat fuq firxa ta’ bejn 12 u 18-il xahar skond il-ħtieġa. Madankollu, każijiet urġenti jingħataw attenzjoni immedjata.
Informat ukoll li sadanittant saru arranġamenti ġodda biex issir sessjoni kull 5 ġimgħat minflok kull 10 ġimgħat kif kien isir qabel.
Ġenituri ta' tfal bi bżonnijiet speċjali — kontijiet tad-dawl u ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu r-roħs li jgawdu minnu l-ġenituri ta' tfal bi bżonnijiet speċjali fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma? Jagħmel sens li dawk it-tfal li ma jeħtieġux l-użu ta' magni jibbenifikaw biss minn roħs ta' €5 - €7 f'kull kont?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jispjega jekk huwiex ippjanat li jsir embellishment fiż-żona ta' taħt il-lukanda Dolmen fil-Qawra? Stante li għadd ta' anżjani jmorru jgħumu f'din iż-żona, jista' jara li s-sellum li jagħti għall-baħar u l-blat nnifsu jkunu aġġustati skond il-liġi biex ikunu aċċessibbli aħjar għall-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’konsultazzjoni diretta mall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, l-MTA lestiet l-ewwel fażi tal-proġett li kien jikkonsisti fi blokka tal-concrete li tagħti aċċess għall-baħar u f’żewġ wooden pathways fuq ir-ramel biex jagħtu aċċess għat- toilets u għal ħdejn il-blokka.
L-Awtorità ser tinvesti f’
hoist
sabiex persuni neqsin mill-mobilità ikunu jistgħu jinżlu fil-baħar bl-aktar faċilità. Din it-tieni fażi tal-proġett ser tkun lesta fix-xitwa li ġejja.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies jaħdmu mal-PBS li qabel kienu mpjegati mal-Media Link jew staff ta' ministri u segretarji parlamentari? Kemm hemm nies mill-Media Link li issa marru jaħdmu mal-ministri jew segretarji parlamentari jew fil-ministeri tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li matul dawn l-aħħar 4 snin (jiġifieri minn wara r-restructuring) il-PBS ħarġet diversi sejħiet biex jimtlew postijiet vakanti mall-Kumpanija. Minn 17-il persuna li ġew impjegati tlieta kienu jaħdmu mal-Media Link u wieħed kien staff ma’Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw siringi mill-polyclinics mingħajr riċetta minn Jannar sa Ġunju 2007 u 2008? Kemm nies qed jirċievu l-għajnuna SA/F u SA/M u kemm huma l-etajiet tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-numru ta’ siringi li ngħataw mingħajr riċetta miċ-ċentri tas-saħħa matul il-perjodi indikati, huwa kif jidher fit-tabelli li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlametari 1584 u 1091 u jgħid kemm mill-budget allokat għat-toroq ġodda u għal irranġar ta' toroq għas-sena 2008 ġew komessi? Kemm tħallsu u x'baqa' x'jitħallas? Kemm hemm penalitajiet għal xogħol li sar ħażin jew tard?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1582 u jgħid kemm il-bord u l-awtorita' kellhom il-membri mibdula jew konfermati? Min huma l-membri ta' kull bord? Min minnhom servew f'bordijiet oħra qabel u x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull membru f'kull bord?