Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu f'tul ta' żmien l-iktar bniedem li ngħata s-servizz ta' għassa wara biebu mill-pulizija? Min jiddeċiedi kemm iddum din l-għassa? Iċ-ċittadin li jingħata din l-għassa, jkun irid jobdi xi direttivi mingħand il-pulizija dwar il-mod kif jgħix bħal, per eżempju, fejn imur fil-ħin liberu tiegħu, meta joħroġ jew jidħol fid-dar, x'tip ta' karozza jsuq, meta jsiefer, eċċ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1937.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kmamar tal-logħob tan-nar f'Malta u Għawdex, lokal b'lokal? Kemm hawn persuni li għandhom taħriġ b'liċenzja A u B? Min jorganizza dan it-taħriġ? Kemm idum it-taħriġ li jsir lil dawn il-persuni qabel ma jingħataw il-liċenzja? Min hu responsabbli biex jara li l-istandards fil-kmamar tan-nar jinżammu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent hawn 39 kmamar tan-nar hekk kif jidher fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li hawn 152 persuna li għandhom liċenzja taħt il-kategorija A u 930 persuna li għandhom liċenzja taħt il-kategorija B. Infurmat ukoll li t-taħriġ jiġi organizzat mill-kumitat dwar l-esplossivi u huwa mifrux fuq għaxar sigħat. Id-detentur ta' liċenzja ta' fabbrika liċenzjata għax-xogħolijiet tan-nar huwa responsabbli sabiex jiżgura li tkun qed tiġi mħarsa kull restrizzjoni jew kundizzjoni dwar dik il-fabbrika.
Peress li ċ-ċimiterju tar-Rabat sar żgħir għall-mod kif qed tikber il-popolazzjoni fir-Rabat Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibni ċimiterju ieħor li jkun jista' jaqdi l-bżonnijiet tar-Rabtin? Jekk iva, fejn se jkun dan is-sit il-ġdid u meta se jibda' x-xogħol fuqu?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 1795.
Tista' l-Ministru tgħid min jissettja l-grad u l-ammont ta' kwalifikazzjoniiet meħtieġa sabiex tagħmel kors fl-Universita' ta' Malta? Għaliex għal ċerti korsijiet il-kwalifikazzjonijiet jinbidlu minn sena għal oħra ? Veru li biex tagħmel kors tal-mediċina tliet passes "C" grade f'livell avvanzat huwa biżżejjed jekk dawn ikunu ġabuhom minn eżamijiet ta' l-Ingilterra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-kwalifiki għad-dħul fil-korsijiet ta’ l-Universita’ huma approvati mis-Senat ta’ l-Universita’ fuq rakkomandazzjoni tal-Fakulta’kkonċernata. Mhux korrett li wieħed jgħid li l-kwalifiki mitluba jinbidlu minn sena għall-oħra għalkemm tista’ tinħass il-ħtieġa li jkun hemm tibdil. Meta dan isir jingħata sentejn pre-avviż.
Dwar il-kors tal-mediċina, fejn hu allegat tliet passes ‘C’grade f’livell avvanzat huwa biżżejjed jekk dawn ikunu ġabuhom minn eżamijiet ta’ l-Ingilterra, ir-risposta hi fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1823 u 1501 u cioe': B'referenza għall-Eurostar Programme ta' l-Unjoni Ewropea li huwa ntiż biex ikabbar l-investiment ta' l-SME's fir-riċerka, x'inhi r-raġuni li skond rapport maħruġ nhar il-25 ta' Ġunju, 2008 Malta ma tidhirx li hi parteċipi f'dan il-programm, minkejja li hemm bosta pajjiżi ġodda fl-UE inklużi bħal Ċipru u l-Istati Baltiċi kif ukoll pajjiżi mhux fl-UE bħall-Iżlanda, Izrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1823.
B'referenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari 1511, fid-dawl ta' diversi rapporti dwar dan is-suġġett li dehru fil-media lokali, u kif indikat ukoll fil-ħin tal-mistoqsijiet supplimentari tas-Seduta 29 li jien qajjimt u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru issa jirrispondi din il-mistoqsija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Grazzi għall-intervent tal-Onor. Interpellant, ittraċċajna l-artiklu li deher f'ġurnal lokali. L-artiklu jagħmel referenza għal rapport li bħalissa għadu qiegħed jiġi eżaminat mill-uffiċċjali fil-Ministeru tiegħi. Huwa minnu li hemm spazju għal titjib fil-mod ta' kif qiegħda tinżamm il-Criminal Justice Data fuq krimini razzjali ġewwa Malta. Fid-dawl ta' dan, m'inhix neskludi l-possibbilita' li wara li jkunu saru r-riċerki u r-rakkomandazzjonijiet, nieħdu passi sabiex nintroduċu sistema għal ġbir ta’ informazzjoni dwar il-krimini razzjali f’ pajjiżna.
Sistema komprensiva ta' rappurtaġġ f'dan il-qasam isservi bħala termometru biex tiġi mkejla l-problema, iżda tgħin ukoll fit-tfassil sussegwenti ta' politika sabiex tindirizzaha.
Għaldaqstant, qabel ma jitwettaq dan it-titjib fis-sistema preżenti, li allura jwassal sabiex ikollna ndikazzjonijiet ċari dwar il-livell realistiku ta' krimini razzjali
ġewwa pajjiżna, mhux possibbli f'dan l-istadju li nikkummenta fuq l-aħħar parti tal-mistoqsija.
Skond l-estimi li għandu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni,jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li għandhom jingħataw lura lit-tax payers Maltin maqsuma bejn individwi u kumpanniji?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Għas-Snin ta’ Stima qabel 1999 Individwi: € 7,666,121 Kumpaniji: € 10,291,267
Mis-Sena ta’ Stima 1999 ‘il quddiem Individwi: € 1,334,881 Kumpaniji: € 6,378,069
Total € 9,001,002 € 16,669,336
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' flus, skond l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment ta' l-Artijiet, li għandhom jitħallsu bħala kumpens ta' l-art li kienet esproprijata matul is-snin?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 64.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni, maqsuma bejn irġiel u nisa, li fil-fatt jingħataw is-sapport tal-gvern fil-forma ta' home help? Kif inhuma maqsuma dawn il-persuni skond il-lokalitajiet li jiġu minnhom?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-ftehim għat-tnaqqis tat-taxxa doppja bejn Malta u l-Federazzjoni Russa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim għat-tnaqqis tat-taxxa doppja bejn Malta u l-Federazzjoni Russa kien ġie ffirmat fil-15 ta' Diċembru 2000. Dan għadu ma daħalx fis-seħħ għax għadu mhux ratifikat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni li qed tiġi pproċessata għall-End of Life Vehicle Systems taħt l-isem ta’ kumpannija bl-istess isem li ġiet sottomessa għadd ta’ xhur ilu u li għandha r-referenza tal-Malta Enterprise 6087?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise mhix f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni fuq l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet li tirċievi għax hija koperta bis-segretezza uffiċjali skond Artikolu 33 tal-Kap. 325 tal-Liġijiet ta’ Malta. Għaldaqstant fuq nota ġenerali ta’ min wieħed jgħid li l-applikazzjonijiet li jeħtieġu art għal riċiklaġġ, iridu l-ewwel jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.
Jista' l-Ministru jindika meta ser jinstema' l-appell tat-talba għal-liċenzja ta’ security guard minn persuna, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, liema talba diga’ ġiet rifjutata mill-pulizija għax għadu jaħdem mal-Gvern? Din it-talba saret għaliex dan dalwaqt joħroġ bil-leaveqabel l-irtirar u għandu bżonn urġenti ta’din il-liċenzja għal meta jirtira, aktar u aktar billi m'hemm ebda konflitt max-xogħol li qed jagħmel preżentement.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Liġi ma tippermettix li persuna f'impjieg pubbliku takkwista liċenzja ta' gwardjan privat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1673, 1375 u1093 u jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus li s'issa rċeviet Malta mill-Unjoni Ewropea? Kemm minn dawn il-flus kienu għal proġetti tal-Gvern u kemm għal individwi jew organizazzjonijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1093.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1672 u jieħu l-passi neċessarji biex il-public convenience li hemm Blata l-Bajda taħt il-kiosk jiġu mnaddfa għax hemm abbandun totali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1672.
Jista' l-Ministru jara li s-Sinjuri li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament jieħdu l-arretrati dovuti lilhom? Jista' jgħid meta se jieħdu dan l-ammont dovut lilhom?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk skond l-aħħar budget (kopja ta' dan qed tidher separatament) iż-żieda ta' Lm3.85 (€8.97) ħaduhiex?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li, minbarra madwar 300 pensjonijiet li jridu jiġu riveduti manwalment b’mod individwali, l-miżura mħabbra fid-diskors tal-Budget 2008 dwar dawk il-pensjonanti li għandhom pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali kif ukoll tas-servizz, ġiet attwata.
Ninsab infurmat ukoll li dawn il-pensjonijiet li għadhom pendenti reviżjoni, apparti l-miżura msemmija qabel, għandhom igawdu wkoll minn miżuri oħra, fosthom dawk li jkunu għalqu it-72 sena fejn, għal fini tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali, tiġi njorata nofs il-parti ikkommutata tal-pensjoni tas-servizz, kif ukoll dawk li għandhom żewġ pensjonijiet tas-servizz.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijijiet parlamentari 1939, 1560, 1324, 1138, 833 u 607 u jgħid kemm hu l-ammont ta' arretrati : a) taxxi tad-dħul u b) VAT li l-Gvern għandu jdaħħal sal-lum mingħand persuni privati u soċjetajiet kummerċjali?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 833.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1940 u 1521 u cioe' jqiegħed fuq il-medja tal-Kamra l-Audited Accounts tal-Malta Shipyards Ltd għas-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-preżent il-Malta Shipyards m'hix f'pożizzjoni li tqiegħed l-Audited Accounts tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra għax għadhom ma nagħlqux mill-awdituri.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tkun tista' tiġi megħjuna mill-Gvern biex tmur tieħu l-kura li tant teħtieġ fin-National Hospital ta' Londra, partikolarment tenut kont tal-ftehim bilaterali bejn Malta u l-Ingilterra fuq is-settur tas-saħħa u meta wieħed iqis ukoll li f'Malta m'għandniex ir-riżorsi fl-istess livelli bħal dawk tan-National Hospital?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li t-terapija li qegħda tingħata din il-pazjenta, illum hija l-istess fid-Dipartimenti tan-Newroloġija tad-dinja kollha. Din hija proċedura sempliċi li sabiex wieħed jeċċella fiha jsiru numru żgħir ta’ sessjonijiet taħt superviżjoni ta’ xi speċjalista li jkun kapaċi jagħmilha. Fl-iSptar Mater Dei għandna żewġ konsulenti li ilhom jamministraw din il-kura għal mill-anqas għaxar (10) snin.