Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bini tas-Sea Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jiġi ntegrat il-bini ta' Sea Malta fil-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir meta xi ġimgħat ilu inħarġet sejħa għall-offerti għall-bejgħ ta' l-istess bini? Kemm ġew sottomessi offerti għal dan il-bini?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bord ta' riabilitazzjoni — Kumitati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-persuni li hemm fuq kull bord ta' riabilitazzjoni (3 kumitati)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li dan l-aħħar dawn it-tliet Bordijiet ta’ Riabilitazzjoni kienu ristrutturati bil-għan li l-operat jitjieb u jkun hemm iktar koordinazzjoni u kooperazzjoni bejniethom. Kif jidher mid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra issa ċ-Chairperson huwa komuni għat-tliet Bordijiet. Komuni wkoll huma, nukleu ta’ nies tekniċi, l-Koordinatur Eżekuttiv u s-Segretarju. Il-bqija tal-membri l-oħra ta’ kull Bord jidhru fuq id-dokument imsemmi.

Appuntar ta' kawżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu twil normalment il-perijodu ta' żmien biex kawża tiġi appuntata? B'referenza għal kull maġistrat u mħallef, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem kull wieħed u kemm hemm kawżi li għad iridu jiġu appuntati quddiem kull wieħed?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel domanda u fit-tieni parti tat-tieni domanda għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra. Għar-rigward l-ewwel parti tat-tieni domanda din, flimkien ma' informazzjoni oħra tinsab fuq il-website www.justice.gov.mt. Din l-informazzjoni qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.

Servizz ta' l-elettriku — Dewmien

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li applikat għas-servizz ta' l-elettriku li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata dan is-servizz għax din diġa' qed tabita f'dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Servizz ta' l-ilma — Dewmien

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li applikat għas-servizz ta' l-ilma li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata dan is-servizz għax din diġa' qed tabita f'dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-KSI qed tieħu l-passi meħtieġa biex dan is-servizz jingħata fl-iqsar żmien possibli.

Employment and Training Corporation — Kuntratti tal-għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-ETC se terġa' ġġedded il-kuntratti tal-għalliema part-time f'xogħol/taħriġ tekniku, li bħala self-employed jgħaddu minn diffikultajiet finanzjarji sakemm dan isir?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ torganizza korsijiet, minn żmien għal żmien, skond il-domanda fis-suq tax-xogħol għal persuni b’ċerti ħiliet u skond il-bżonnijiet tat-taħrig ta’ dawk li qed ifittxu mpjieg. Għalhekk il-Korporazzjoni ma timpjegax għalliema iżda tixtri servizzi ta’ taħrig skond u meta jkun hemm dawn il-bżonnijiet. Ninsab infurmat li dawn is-servizzi jinxtraw wara sejħa u li dawk li japplikaw jafu sew il-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-għoti tas-servizz tagħhom.
Leg 11 PQ #2569 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Interim From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mosta — Triq il-Farinall

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1996 u 2206 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jara li jsir it-tindif neċessarju f'għalqa żdingata u abbandunata li hemm fi Triq il-Farinall, il-Mosta biswit il-bring-in site?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #2572 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — Nies jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm hemm nies li qegħdin jirreġistraw fuq Part 1 mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u li huma illitterati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni illitterati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru, fl-aħħar ta’ Awwissu 2008, kien ta’ 751.

Installazzjoni tal lifts — Appartamenti tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomu milli titwettaq l-installazzjoni ta' lift f'dawn l-appartamenti tal-Gvern: i.) 71, Triq il-Miratur, Floriana? ii.) 1 Triq Sant' Anna, Floriana? iii.) Block C1, Pjazza Madonna ta' Fatima, Pietà?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li, dwar: · 71, Triq il-Miratur, Floriana, mhux teknikament possibbli li jiġi stallat lift . Ir-residenti kollha kienu ġew mgħarrfa b’dan b’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2002; · 1, Triq Sant’Anna, Floriana, ma hemmx indani quddiem il-fetħiet ta’ lift jekk isir fi 2 mit-3 appartamenti tal-blokk. Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni alternattiva għal din il-problema l-Awtorita’ tad-Djar kienet infurmat lir-residenti dwar dan b’ ittra li kienet iġġib id-data tat-8 ta’ Lulju 2002; · Blokk C1, Pjazza Madonna ta’ Fatima, Pietá, l-Awtoritá tad-Djar hi fil-proċess li tissottometti applikazzjoni lill-MEPA għall-permess biex tistalla l- lift . Suġġett li jinħareġ il-permess meta jiġi stallat il- lift jiddependi mill-prijoritá li tingħata lil każ. Ninsab infurmat ukoll li, dwar l-ewwel żewġ każijiet ma nbidel xejn li jimmerita rikonsiderazzjoni.

Valletta — Triq Zekka - Berġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ngħalqet il-berġa fi Triq Zekka, l-Belt? Irrealizza d-dipartiment li l-użu tal-Berġa l-oħra fil-Camarata hi wisq inkonvenjenti għall-anzjani li joqgħodu n-naħa ta' fuq tal-Belt?

Response (DALLI, JOHN)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Proċess tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex jinsab wieqaf il-proċess tal-Pharmacy of your Choice?

Response (DALLI, JOHN)

L–Onorevoli interpellant huwa mitlub jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2532.

Akkomodazzjoni socjali — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm applikanti għal social housing li l-applikazzjoni tagħhom tmur lura għal qabel Mejju 1987? Jista' jara li dawn jitqassmu fil-kategoriji differenti skond il-lokalità, età, stat, raġuni eċċ.?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li mir-rekords miżmuma mill-ex Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali l-ewwel applikazzjoni reġistrata f’dak id-Dipartiment tmur lura għal Awwissu 1988.

Florianna — Triq l-Argotti - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-proġett ta' bini ta' appartamenti fi Triq l-Argotti, kantuniera ma' Triq l-Iljun, Floriana? Tirrealizza l-Awtorità l-inkonvenjenza li qed iġarrbu l-ġirien minħabba dan il-proġett li ilu għaddej diversi snin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsaqb infurmat li inħarġet sejħa għall-offerti għat-tkomplija tal-proġett indikat mill-Onor. Interpellant.

Importazzjoni ta' mufflers għall-muturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2302 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilu u jinfurmani jekk għadhomx jiġu mportati mufflers- cioe' dak l-apparat li jitwaħħal mal-mutur biex jagħmel iktar ħoss fis-sewqan? Jekk le, kemm ilha li twaqqfet l-importazzjoni tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm ġew importati minnhom din is-sena u jekk humiex aċċettati għall-fini ta' ambjent minħabba n-noise pollution? X'kontrolli hemm fuqhom? Kemm-il ċitazzjoni nħarġet fuq kontravvenzjoni ta' ħoss eċċessiv minn dawn il-muturi bil-mufflers?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jara li l-uffiċjali mid-Dipartiment tad-Djar jispezzjonaw il-gallarija ta' Flat 6, Block B, Triq il-Ġanfra, Mġarr peress li partijiet minnha huma f'periklu li jċedu?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Informazzjoni — MEPA mingħand l-ADT

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1420, jista' l-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni neċessarja għaddietx lil MEPA? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jassigura li din l-informazzjoni tgħaddi immedjatament u mingħajr aktar dewmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni neċessarja li tirrigwarda informazzjoni fuq il-linja tat-triq ngħaddiet lill-MEPA.
Leg 11 PQ #2661 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Herceptin — kanċer tas-sider

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li f'ċerti każi ta' kanċer tas-sider qed ikun hemm preskrizzjonijiet ta' Herceptin?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.