Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tfal — Care Order

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li qiegħdin b'care order, jindika l-età, is-sess u l-lokalità fejn kienu jirresjedu qabel ma nħarget il-care order?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħruġ ta Care Orders

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm ħarġu care orders fl-aħħar tlett snin, jindika r-raġuni, jgħid kemm minn dawn il-care orders kienu jirrigwardjaw aħwa u jekk dawn l-aħwa tħallewx flimkien jew ġewx separati? Jista' jindika l-etajiet u s-sess tat-tfal involuti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li r-raġunijiet għall-ħruġ ta’ Ordnijiet għall-Ħarsien huma varji, inkluż traskuraġni u abbużi fiżiċi, sesswali u emozjonali. Immigranti rregolari minorenni, li ma jkunx akkumpanjati, wkoll jiġu koperti b’Ordni għall-Ħarsien. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tfal — Residential Care

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm hemm tfal f'pajjiżna li qegħdin f'residential care? Kemm minnhom bniet u kemm subien? Kemm hemm tfal f'kull dar u kemm hemm nies f'kull dar li jieħdu ħsieb lil dawn it-tfal?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li ebda Dipartiment jew entita’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jmexxi d-djar għat-tfal li rreferiet għalihom l-Onor. Interpellanti u għalhekk ma tinżammx statistika kif mitluba.

Industrija tat-Turiżmu — medja għal kull Ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja fis-sena għal kull ħaddiem tal-Valur Miżjud Gross kull sena mill-2001 sal-2007 fl-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħtini dan it-tagħrif fi prezzijiet tas-suq kif ukoll fi prezzijiet kostanti ta-2000?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Industrija tal-manifattura — Sehem f'fieri internazzjonali - Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija u negozju li joperaw fl-industrija tal-manifattura f’Għawdex nagħtaw għajnuna mill-MDC/Malta Enterprise biex jieħdu sehem f’fieri internazzjonali barra minn Malta, sena sena mill-1999 'il hawn? Min kienu? X’għajnuna nagħtaw? F’liema fieri ħadu sehem? Jista’ l-Ministru jagħtini l-istess tagħrif dwar kumpaniji u negozji oħra f’Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi: Applikanti li jibbenifikaw għal għajnuna finanzjarja minn Malta Enterprise biex jieħdu sehem f’fieri internazzjonali barra minn Malta jistgħu jibbenifikaw taħt l-inċentivi Trade Fair Support u Trade Mission Support . L-għajnuna li tingħata taħt dawn l-inċentivi tikkonsisti f’ cash grants . L-applikanti ħadu sehem fil-fieri fl-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq, Lvant Nofsani u pajjiżi oħra. L-ismijiet ta’ l-applikanti ma jistgħux jingħataw peress li l-informazzjoni hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabelli li juru 1) In-numru t’applikanti fl-industrija tal-manifattura li bbenifikaw taħt l-inċentiva Trade Fair Support bejn l-2005 u l-2007 u l-ammonti ta’ għajnuna finanzjarja li irċevew; 2) U n-numru t’applikanti fl-industrija tal-manifattura li ibbenifikaw taħt l-inċentiva Trade Mission Support bejn l-2005 u l-2007 u l-ammonti ta’ għajnuna finanzjarja li rċevew.

Kumpaniji reġistrati f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji reġistrati f’Għawdex fl-aħħar ta’ kull sena mill-1999 sal-2007 u fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena li għandhom investiment barrani? Kemm hu l-ammont totali ta’ dan l-investiment barrani?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Kumpaniji - Spejjeż ta' Trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inċentivi li kumpaniji li joperaw f’Għawdex jingħataw għal spejjes ta’ trasport bejn Malta u Għawdex taħt l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali jew taħt l-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju humiex se jibqgħu jingħataw wara l-aħħar ta’ din is-sena? Jekk xi inċentivi minn dawn se jieqfu, hemm ippjanati xi skemi jew miżuri oħra li jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ għajnuna li se jsoffru kumpaniji Għawdxin? Jekk hemm, x’inhuma?

Response (FENECH, TONIO)

L-inċentivi li jingħataw lil kumpaniji fl-industrija li joperaw f’Għawdex għal spejjeż ta’ transport bejn Malta u Għawdex taħt l-Artikolu 23 ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji se jibqgħu jingħataw wara l-2008. Din l-assistenza hija konformi mar-regoli hekk imsejħa de minimis li jaqgħu taħt għajnuna mogħtija mill-istat kif stabbiliti mill-Unjoni Ewropeja. M’hemm l-ebda ħsieb li dawn l-inċentivi jieqfu wara l-2008.

Għawdex — Malta Enterprise - nefqa fuq Kumpaniji li joperaw f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa, xahar xahar fl-2007 u sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, tal-Malta Enterprise fuq kumpaniji li joperaw f’Għawdex? Fiex kienet tikkonsisti kull nefqa? X’tip ta’ inċentivi tkopri kull nefqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa taħt l-inċentiva Industry in Gozo amministrata minn Malta Enterprise fuq kumpaniji fl-industrija li joperaw f’Għawdex fis-sena 2007 tammonta għal €615,315.31 (Lm264,154.86). Din in-nefqa ibbenefikaw minnha kumpaniji fl-industija li joperaw f’Għawdex għal spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex taħt l-Artikolu 23 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji. L-assistenza hawn fuq imsemmija ngħatat f’forma ta’ cash grants. Din l-informazzjoni tittieħed mill-audited accounts li jissottomettu dawn il-kumpaniji lil Malta Enterprise. Bħalissa din l-informazzjoni tkun qed tinġabar u għalhekk l-informazzjoni dwar din it-tip t’assistenza minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena tkun tista’ tingħata biss wara tmien is-sena 2008. Barra minn dawn l-inċentivi, kumpaniji fl-industrija li joperaw minn Għawdex gawdew ukoll minn inċentivi oħra tal-Malta Enterprise bħal Investment Aid Scheme, Trade Fair Promotion, Training Grants (amministrati mill-ETC) u oħrajn. L-ismijiet ta’ l-applikanti ma jistgħux jingħataw peress li l-informazzjoni hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Skejjel — Struttura fiżika

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tal-bżonnijiet li hemm fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex, skola bi skola għal titjib fl-istruttura fiżika tal-iskola: bini, aperturi u faċilitajiet? Tista' tgħid meta hemm il-ħsieb li dawn il-bżonnijiet jiġu ndirizzati u b'liema nefqa fuqhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-lista ta’ bżonnijiet għall-iskejjel hija ġenerika u tista’ tgħid li kull skola għandha l-bżonnijiet tagħha. Wieħed jista’ jgħid li l-iskejjel kollha għaddew minn xi xogħol f’dawn l-aħħar snin. Ix-xogħolijiet li saru jinkludu: bdil ta’ aperturi ta’ ġewwa u ta’ barra, bdil ta’ faċilitajiet sanitarji, bdil u upgrading tas-sistema elettrika, u xogħol ta’ żebgħa fuq ġewwa u fuq barra. Sar wkoll xogħol ta’ tiswija fejn kien hemm bżonn, sabiex jiġi protett il-konkos li kien qiegħed jigi deterjorat f’diversi skejjel.

Relief Teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew reklutati relief teachers għall-iskejjel tal-istat? Kemm hemm maħsuba li jiġu reklutati? Meta se jsir dan ir-reklutaġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s’issa għadu ma ġie reklutat ħadd bħala relief teacher għall-iskejjel ta’ l-istat. Ir-reklutaġġ ta’ relief teachers isir skond il-ħtieġa li jkun hemm matul is-sena skolastika.S’issa ma jirriżultax li hemm ħtieġa għall-relief teachers.

Assenteiżmu fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-rata ta' assenteiżmu fis-sena skolastika 2007-2008 f"Malta u f'Għawdex fl-iskejjel primarji u fl-iskejjel sekondarji? X'passi hemm maħsuba biex jiġi ndirizzat l-assenteiżmu ta' l-istudenti primarji u sekondarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li r-rata ta’ assenteizmu fis-sena skolastika 2007-2008 f’Malta u f’Għawdex kienet: Skejjel Primarji - 3.90% Secondarji - 8.52% L-i School Social Work Service għandu, bħala parti mix-xogħol priċipali tiegħu, li jintervjeni f’każijiet ta’ assenteiżmu. Is- social workers jassessjaw il-każijiet u jmorru kemm home visits u kemm school visits biex jaraw xi jkun qed itellef l-istudent milli jattendi. Isiru mbaghad l-interventi li hemm bżonn għal kull każ. Barra minn hekk, meta jkun possibli, din is-sezzjoni tagħmel proġetti li jiffokaw fuq gruppi ta’ studenti speċifiċi eż. Is-sena l-oħra kien hemm il- progett “ Absenteeism in Primary Schools – Summer Project ” u l- proġett “ Project Chance 2007-2008 ” li kien indirizzat għal drop-outs minn Form V. Meta l-ġenituri ma jikkoperawx, ma jkunx hemm soluzzjoni oħra ħlief li jittellgħu il-qorti.

Għadd ta' edukaturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuwa l-għadd ta' a) Kindergarden Assistants f'Malta u Għawdex b) Għalliema primarji regolari f'Malta u f'Għawdex ċ) Supply Teachers fl-iskejjel primarji f'Malta u f'Għawdex d) Għalliema fl-iskejjel sekondarji u Junior Lyceums? X'inhi l-qagħda inġenerali tal-kwalifiki tal-edukaturi f'dawn is-setturi differenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba

Laqgħat ta' konsultazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena skolastika 2007-2008 kemm laqgħat ta' konsultazzjoni saru ma' i) ġenituri ii) studenti iii) edukaturi iv) in ġenerali a) dwar it-tneħħija ta' l-istreaming? b) dwar tibdil fl-eżami tal-Junior Lyceum? Kemm hemm maħsuba li jsiru minn dawn il-laqgħat fis-sena 2008- 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Working Group li ppreżenta r-“Rapport dwar it-Tranzizzjoni mill-Iskejjel Primarji għal Skejjel Sekondarji” lill-Ministru tal-Edukazzjoni fis-sena 2007 kellu ‘focused interviews’ ma’ studenti, għalliema, ġenituri, trade unions, partiti politiċi, awtoritajiet tal-Knisja u oħrajn interessati fil-qasam ta’ l-Edukazzjoni. Intbagħat ukoll kwestjonarju lill-għalliema waqt li għamlu użu minn rapporti u studji lokali u internazzjonali. Fil-ġimgħat li ġejjien se titħabbar strateġija ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ ġenituri, studenti, edukatturi u l-pubbliku inġenerali.

Suġġetti Mgħallmin

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'materjal edukattiv qed jiġi maħdum f'kull suġġett mgħallem fl-iskejjel primarji biex inġeddu dak li jiġi mgħallem fil-klassijiet biex l-għalliema ma jkomplux jgħallmu skond it-testi qodma li għandhom? Min hu responsabli għall-produzzjoni ta' dan il-materjal edukattiv? X'riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji qed jintużaw għall-produzzjoni ta' dan il-materjal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fl-iskejjel tal-Primarji jużaw kotba li huma aġġornati. Il-kotba tal-Malti mill-Year 1 sa’ Year 6 ġew mibdula fis-sena skolastika 2007-08. Dan ġara wkoll bil-kotba tal-matematika peress li fl-2008 kien hemm il-“Euro Changeover”. Fil-każ tal-kotba ta’ l-Ingliz, f’din is-sena skolastika ser tispiċċa l-phasing in tal-kotba ġodda għall-istudenti tal-Year 6 wara li fis-snin ta’ qabel imbidlu l-kotba mill-Year 1 sa’ Year 5. Il-workbook ta’ l-Istudji Soċjali ġie wkoll mibdul is-sena li għaddiet. Kemm ir-riżorsi tad-Direttorat li jinkludi l-Kapijiet tad-Dipartimenti, l-Uffiċjali Edukattivi u l-għalliema kif wkoll ir-riżorsi tas-suq ħieles jintużaw biex l-istudenti jkollhom l-aħjar materjal f’idejhom. Ir-responsabbilta’ għall-produzzjoni ta’ materjal edukattiv taqa’ fi ħdan id-Dirtettorat tal-Kurrikulu u eLearning

Attivitajiet Sportivi — Bejgħ ta' Biljetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret VAT minn bejgħ ta' biljetti għall-attivitajiet sportivi matul is-sena 2007? Minn liema dixxiplini sportivi nġabru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux l-informazzjoni mitluba fis-sistema tieġħu, għaliex il-figuri ta’ VAT rappurtati minn għaqdiet sportivi jinkludu wkoll ammonti oħra ta’ VAT miġbura fuq attivitajiet oħra li huma rraportati flimkien f’kaxxa waħda.

Dipartiment tal-VAT — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fid-Dipartiment tal-VAT maqsuma skond il-grad?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fid-Dipartiment tal-VAT hemm jaħdmu 138 persuna. Dawn huma mqassma fi gradi kif spjegat hawn taħt: Director General 1 Director 3 Assistant Director 6 Principal 22 PRO 1 Assistant Principal 20 Programmer II (IT) 1 Officer i/c Minor Staff 1 Executive Officer 17 Senior Clerk 32 Senior Customs Assistant 1 Senior Postperson 4 Clerk 13 Other Industrial Grades 7 Mail Inspector 1 Mailing Officer 1 Group III 3 Casuals/Part-timers/Trainees 2 On loan/Contract 2 138

Kumpless Sportiv tal-Kottonera — Użu minn organizzazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm organizzazzjonijiet li qed jużaw il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera? Liema huma dawn l-organizzazzjonijiet? X'inhu l-ħlas, jekk hu l-każ, li hu mitlub sabiex jintuża?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba

Kunsill Malti għall-iSports — Flus miġbura minn kirjiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inġabru flus mill-Kunsill Malti għall-iSports għall-kirjiet li jeżistu mal-għaqdiet sportivi matul is-sena 2007?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li matul is-sena 2007, l-ammont ta’ flus li nġabru minn kirijiet ma’ l-għaqdiet sportivi kien kif ġej: Ħlas ta’ kiri/użu tal-faċilitajiet €66,932.00 Ħlas fuq ċens /kera ta’ artijiet €186,752.00 Total €253,684.00

Karozzi Second Hand — Impurtar u Registration tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi second hand matul din is-sena, maqsuma skond iċ-ċilindraġġ u l-pajjiż ta' l-oriġini? Jista' jgħid ukoll kemm inġabret registration tax f'dan l-istess perijodu għal dawn il-karozzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ karozzi second hand importati matul din is-sena, maqsuma skond ic-cilindraġġ u l-pajjiz ta' l-origini maħduma mill-1 ta’ Jannar 2008 sa 26 ta’ Settembru 2008. Ninsab infurmat li nġabar l-ammont ta’ €14,738,155.50 f’ registration tax f'dan l-istess perjodu għal dawn il-karozzi. Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta bid-dokument Nru. 1375 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 69 tat-13 ta' Jannar 2009.

Karozzi Ġodda — Impurtar u Registration Tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret registration tax matul din is-sena minn fuq karozzi ġodda? Jista' jgħid kemm ġew importati karozzi ġodda matul l-2008, maqsuma skond iċ-ċilindraġġ u l-pajjiż tal-oriġini?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' karozzi ġodda mpurtati matul din is-sena, maqsuma skond iċ-ċilindraġġ u l-pajjiż ta' l-oriġini maħduma mill-1 ta' Jannar 2008 sa 26 ta' Settembru 2008. Ninsab infurmat li nġabar l-ammont ta' Eur 23,145,775.30 f'registration tax f'dan l-istess perjodu għal dawn il-karozzi.