Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni l-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum? Kemm huma nisa u kemm irġiel? X'eta' għandhom? Kemm huma Maltin? Kemm minnhom huma sentenzjati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sal-11 ta' Settembru 2008, kien hemm 426 persuna ġewwa l-Faċilta' Korrettiva ta' Kordin. Minn dawn 407 huma irġiel u 19 nisa. L-eta' ta' l-irġiel tvarja bejn l-14 u l-71 sena, filwaqt li fil-każ tan-nisa l-eta' hija ta' bejn il-15 u s-60 sena. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' Maltin huwa ta' 286, li minnhom hemm 228 sentenzjati.
Leg 11 PQ #1889 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gwidi — Persuni Liċenzjati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni liċenzjati biex jaħdmu bħala gwidi turistiċi u f'liema lingwi huma liċenzjati biex jagħmlu dan? X'inhu l-impenn tal-Gvern biex jikkontrolla l-abbużi f'dan il-qasam u cioe' biex Maltin u barranin li m'humiex liċenzjati bħala gwidi ma jkomplux jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli. Interpellant li sitt mija, ħamsa u għoxrin (625) persuna għandhom liċenzja sabiex jaħdmu bħala gwidi turistiċi skond il-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Il-maġġoranza tal-gwidi huma liċenzjati li jiggwidaw b’aktar minn lingwa. L-ispettorat ta’ l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kontinwament jorganizza spezzjonijiet sabiex jikkontrolla l-abbuż li Maltin u barranin li m’humiex liċenzjati bħala gwidi ma jkomplux jagħmlu dan ix-xogħol. Inoltre waqqaf grupp ta’ nies li għal erbgha u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa jkunu stand by b’numru ta’ telefon ċellulari magħruf mal-gwidi kollha sabiex kif l-Awtorità tirċievi ilment f’dan ir-rigward ikunu jistgħu jistħarrġuh immedjatament.
Leg 11 PQ #1958 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — Latrini

Question

Min kien responsabbli għall-bini tal-latrina ħdejn is-Sirens f'San Pawl il-Baħar? Kemm ġiet tiswa din il-latrina? Min kien il-perit jew kumpannija ta' periti nkarigat mill-bini ta' din il-latrina? Għaliex din il-latrina għandha ma nfetħitx għall-użu tal-pubbliku? Meta beħsiebhom jlestu din il-latrina u tiġi miftuħa għall-użu tal-pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Manuel Dimech Bridge — Solidbase Laboratory Ltd

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1412 u jgħid x'kienet il-ħtieġa li l-kumpanija Solidbase Laboratory Ltd tqabbdet tagħmel xogħol fuq il-pont Manuel Dimech tul il-proċess li kien qiegħed jinbena mill-ġdid? Biex sar dan ix-xogħol, il-Ministeru ta' dan iż-żmien ħareġ sejħa għall-offerti u jekk fl-affermattiv, min kienu l-kumpanniji li tefgħu l-offerta tagħhom? Jekk fin-negattiv, min kien responsabbli biex ix-xogħol ingħata b'direct order? Kemm kien jammonta x-xogħol li sar mill-kumpannija in kwestjoni? F'dawn l-aħħar erba' snin, kemm-il biċċa xogħol ingħatat din il-kumpannjia mill-ministeru preċedenti u kemm kien jammonta l-ħlas totali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ADT qabbdet lill-Kumpanija msemmija biex tagħmel xogħol ta' "coring" ta' erba' ċilindri tal-konkos u li tqabbdu għaliex il-kumpanija kienet diġa mobilizzata "on site" minn terzi. L-ispejjes kienu minimi ħafna. F'dawn l-aħħar erba' snin din il-kumpanija ingħatat 7 biċċiet xogħol li kienu jammontaw għal €7,825.58.

Importazzjoni ta' Muturi — Dazju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1442 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jekk ir-riforma tad-dazju fuq l-importazzjoni tinkludix ukoll riforma tad-dazju ta' l-importazzjoni fuq muturi b'żewġ u b'erba' roti? Din tinkludi wkoll muturi u magni li jintużaw fuq il-baħar minn dgħajjes, laneċ u speed boats?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex ippjanat li jinbnew aktar kulleġġi? Fejn se jkunu mibnija dawn il-kulleġġi? Kemm huwa stmat li ġej jiswa kull kulleġġ? Meta hu ppjanat li jitlestew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li skond il-liġi ta’ l-edukazzjoni kif emendata fl-2006, il-kunċett ta’ kulleġġi ifisser ġabra ta’ skejjel primarji u sekondarji mnisġa flimkien taħt id-direzzjoni tal-Prinċipal tal-Kulleġġ biex jitwettaq programm edukattiv ta’ kwalita’ skond il-ħiliet u bżonnijiet ta’ l-istudent. Il-Gvern għaddej bi pjan ta’ bini u modernizzar f’diversi skejjel fosthom il-bini ta’ skejjel ġodda fil-Kottonera, Għawdex, Mosta u Pembroke. Qed jiġi diskuss bħalissa l-fażi li jmiss ta’ bini ta’ skejjel ġodda. L-iskejjel s’issa swew anqas minn 7 miljun ewro-il waħda.

Studenti jistudjaw il-lingwi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex iħajru aktar studenti jistudjaw il-lingwi, fosthom biex intejbu l-livell ta' l-Ingliż miktub u moqri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li dawn l-aħħar sentejn, fis-settur primarju kellna proġett pilota fejn numru żgħir ta’ skejjel kellhom proġett ta’ language awareness biex meta l-istudenti jidħlu fis-settur sekondarju ikunu aktar imħajjra jagħżlu l-lingwi. Fis-settur sekondarju hemm numru ta’ skejjel li fl-ewwel xhur tas-sena skolastika jesponu lill-istudenti għal numru ta’ lingwi imbagħad id-deċiżjoni biex jagħżlu lingwa waħda fl- Option tittieħed aktar tard fis-sena. B’hekk l-istudenti jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħmlu għażla tajba. Biex inkomplu ntejbu l-livell ta’ l-Ingliż kemm mitkellem kif ukoll miktub u moqri, fil-Primarja nbeda proċess ta’ tibdil ta’ kotba li huma aktar attraenti u komunikattivi minn dawk li kien hemm qabel.

Studenti li għamlu l-"O" Levels

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti poġġew għall-eżamijiet ta' l-"O" Level tal-maths, Ingliż u Malti fis-sena 2008? Kemm minn dawn l-istudenti għaddew u x'marka ġabu? Kemm kienet kbira l-popolazzjoni ta' studenti li setgħu jpoġġu għal dan l-eżami? Kemm poġġew għal dawn l-eżamijiet u kemm ma poġġewx għalihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #2151 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fond dwar l-Ambjent

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1857 u jagħti d-dettalji kollha dwar kif qed jiġu implimentati l-provizjonijiet kollha minn Taqsima VIII ta' l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent fir-rigward tal-Fond dwar l-Ambjent? Jista' jipprovdi d-dettalji kollha dwar il-qagħda finanzjarja ta' dan il-fond u dwar kif dawn il-fondi qed ikunu amministrati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #2152 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Politika Nazzjonali għall-Enerġija

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1858 u jispjega x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern għall-proposta ta' Politika Nazzjonali għall-Enerġija li tmur lura għal Settembru 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kontroll ta' l-emissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1864 u jgħid x'miżuri qed tieħu l-Enemalta sabiex tikkontrolla l-varji tipi ta' emissjonijiet mill-power stations tal-Marsa u Delimara? Jista' jikkonferma jekk l-apparat għall-kontroll ta' l-emissjonijiet hux qiegħed jopera kif suppost kemm fl-impjant tal-Marsa u dak ta' Delimara? Meta kien l-aħħar darba li sar il-manteniment ta' dan l-apparat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Enemalta dejjem tara li tnaqqas l-emissions kemm jista’ jkun permezz ta’ diversi misuri nkluz it-tip ta’ ‘fuel’ li jinxtara u tara li ssir manutenzjoni fuq l-impjant b’mod regolari. L-impjant kollu, kemm dak tal-generation kif ukoll tal-‘emissions control’ qegħdin jaħdmu tajjeb u l-manutenzjoni ssir regolari hekk kif huwa mitlub mil-manifattur tal-impjant.

Malta Drydocks

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1827 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-accounts tal-Malta Drydocks mill-1967 - 1971 sena b'sena? Jista' l-Gvern jippubblika cabinet minutesand documents ta' aktar minn 30 sena ilu?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant, illi mhuwiex possibli li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Accounts tal-Malta Drydocks (1967-1971). Rigward it-tieni parti, nħoss li din għandha tiġi referuta lill-Ministru konċernat.

Azzjonisti ta' kumpanniji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2008 u jagħti l-ammont globali ta' persuni naturali Maltin li huma azzjonisti ta' kumpannija/kumpanniji reġistrati taħt l-MFSA? Minn dawn, kemm hu l-ammont ta' persuni li għandhom bejn 18 u 35 sena separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2008.
Leg 11 PQ #2188 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Direct Action

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1873 u cioe': B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28493 tal-leġislatura l-oħra li kienet ġiet mwieġba mill-Ministru ta' dakinhar responsabbli mill-MEPA, x'qed iżomm lill-MEPA milli tieħu l-passi meħtieġa dwar il-fond, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn allegatament qed jiġu akkomodati persuni barranin f'basement li dwaru suppost ittieħdet direct action, li jinsab taħt żewġ basements oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Xemxija — Masġar taż-Żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jara li b'konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar isiru pjanijiet biex masġar taż-żebbuġ li hemm ix-Xemxija fil-fatt jiġi riabilitat u forsi jsir ġnien pubbliku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li saret proposta minn għaqda mhux governattiva biex tingħata l-permess li tibdel dan il-masġar fi ġnien pubbliku kif ukoll li tieħu f’idejha l-manutenzjoni u tmexxija tiegħu. Il-gvern qiegħed jevalwa din il-proposta. Kull deċiżjoni tittieħed wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali.

Xemxija — Restawr ta' akwadott

Question

Tista' l-Ministru titlob lill-Heritage Malta tagħmel evalvazzjoni tax-xogħol li hu meħtieġ biex jiġi restawrat l-akwadott li hemm fit-triq prinċipali bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa? Tista' tara li dan isir matul ix-xhur tas-sajf biex imbagħad ikun jista' jiġi mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra wara s-sajf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-Heritage Malta fuq evalwazzjoni tax- xogħol li hu meħtieġ biex jiġi restawrat l-akwadott li hemm fit-triq prinċipali bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa.
Leg 11 PQ #2193 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Theddid ta' Bombi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba matul l-2007 u l-2008 sa l-aħħar ta' Ġunju, xahar b'xahar, saru interventi mill-Forzi Armati ta' Malta biex jivverifikaw jekk it-theddid ta' bombi kenux reali jew le? Kemm kien hemm każi li fihom verament irriżultat preżenza ta' bombi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Armata jqisu bħala theddida ta’ bomba dawk l-inċidenti kollha li jaqgħu taħt: a. theddid dirett li ġeneralment jirriżulta minn telefonati anonimi, b. oġġetti suspettużi li potenzjalment jistgħu jkunu “Improvised Explosive Devices”, c. Ordinanza mhux sploduta bħal bombi tat-Tieni Gwerra u logħob tan-nar li jinstabu minn żmien għall-ieħor partikolarment waqt xogħlijiet ta’ skavar. Il-każijiet kollha li ltaqghu maghħom il-Forzi Armati ta’ Malta mill-2007 sal-lum huma kif ġej: 2007 Theddid ta’ bombi - 32 każ li kollha kienu fin-negattiv “Improvised Explosive Devices”- 15-il każ li minnhom 2 kienu pożittivi Ordinanza mhux sploduta - 46 każ li minnhom 33 kienu fil-pożittiv. 2008 Theddid ta’ Bombi - 12-il każ li kollha kienu fin-negattiv “Improvised Explosive Devices” - 4 każi li minnhom każ wieħed kien pożittiv Ordinanza mhux sploduta - 40 każ li minnhom 30 kienu fil-pożittiv.
Leg 11 PQ #2195 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Turtisti bżonn l-isptar

Question

Sabiex jitaffa il-piż minn fuq Mater Dei u sabiex il-pażjenti Maltin jieħu preferenza u jiġu moqdija aħjar, jidhirlu l-Ministru li turisti li jkollhom bżonn ta' sptar għandhom jiġu riferuti lejn l-isptarijiet privati speċjalment ġaladarba dawn ikunu inxurjati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-Gvern Malti joffri servizzi tas-saħħa f’każijiet urġenti lil dawk kollha li jinħtieġuhom, kemm jekk huma turisti li ġejjin mill-Unjoni Ewropeja kif ukoll minn pajjiżi oħra. Informat ukoll li turisti mill-Unjoni Ewropeja li jippreżentaw il-European Health Insurance Card (EHIC) jingħataw is-servizz meħtieġ skond id-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar servizzi tas-saħħa koperti mis-sigurtà socjali. Il-Gvern Malti jitlob u jingħata rifużjoni ta’ l-ispejjez ta’ dawn is-servizzi. Fil-każ ta’ turisti minn pajjiżi oħra jew turisti mill-Unjoni Ewropeja li ma jippreżentawx il-European Health Insurance Card, jiġu applikati tariffi stabbiliti għas-servizzi offruti.