Jista' l-Ministru jara li tiġi solvuta l-problema ta' parking li għandha l-persuna li tbati minn nuqqas ta' mobilita', li d-dettalji tagħha u d-dokumenti annessi qed jintbagħtu separatament? Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji ħalli tispiċċa din l-inkonvenjenza?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1910 ninfurmah ukoll illi problemi ta’ persuni li jbatu minn nuqqas ta’ mobbilita’ ġeneralment jiġu ndirizzati billi tiġi sottomessa applikazzjoni għal Parkeġġ Riservat għal Persuni b’Dizabbilita’.
L-applikazzjoni tiġi pproċessata mit-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku u tiġi analizzata mill-Bord għal Parkeġġ Riservat Persuni b’Dizabbilita’.
Jista' l-Ministru jara li jitħallas kont pendenti li d-Dipartiment tas-Saħħa għandu jagħti lill-persuna, li d-dettalji tagħha u d-dokumenti annessi qed jintbagħtu separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħlas dovut lill-persuna konċernata sar.
Nikkonferma wkoll li t-taqsima tal-ħlasijiet qatt ma rċeviet xi ilment minn din il-persuna.
Jista' l-Ministru jara jekk din il-mediċina, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħatax mill-Gvern peress li tqum aktar minn €40?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li s'issa l-pilloli ibandronic acid 150mg (Bonviva R) qatt ma kienu speċifikament inklużi fil-formularju tal-gvern. Informat ukoll li bħalissa l-Government Pharmaceutical Sevices qed jipproċessa għall-ewwel darba "open tender" għal xiri ta' pilloli mediċinali ta' l-istess klassi tal-ibandronic acid, biex jingħataw b'xejn lill-pazjenti li qed ibgħatu mill-osteoporosi sekondarja, imħabba xi kundizzjoni li taqa' taħt il-lista tas-Schedule V.
Forzi Armati — Intitolati għall-vista ta' l-għajnejn
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Pulizija huma ntitolati għall-vista ta' l-għajnejn u nuċċali b'xejn waqt li l-istess faċilita ma tapplikax għall-Armata?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-suldati minn Surġent 'il fuq jħallsu kont tal-mess kull sena meta ħafna ma jagħmlux użu minn dan il-mess? Jidhirlu li tali ħlas għandha tkun fuq bażi volontarja u mhux obbligatorja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kull membru tal-forzi armati jappartjeni lil xi waħda mit-tlett messes: l-‘Officers Mess’ għal Uffiċjali, is-‘Sergeants’ Mess’ għas-‘Senior Non-Commissioned Officers’ u l-‘Warrant Officers’ u l-‘Junior Ranks Mess’ għal ‘Junior Ranks’ u l-‘Junior Non-Commissioned Officers’.
Sħubija fil ‘Mess’ hija awtomatika hekk kif membru jisfa promoss minn rank għal oħra. Il-Messes jitmexxew fuq bażi ta’ ‘non-profit’ u sħubija fl-istess ‘Mess’ iġġorr miżata annwali li fil każ partikolari tas ‘Sergeants’ Mess’hija ta’ € 20. Dan kollu jservi sabiex il-prezzijiet jinżammu baxxi meta pparagunati ma stabbilimenti ta’ l-ikel pajżana. Il-flus iservu wkoll biex jiffinanzjaw attivitajiet soċjali li jkunu miftuħa għal membri kollha.
It-tradizzjoni tal-Messess fil-Forzi Armati hija waħda antika u hi mifruxa ma għadd sostanzjali ta’ Forzi Armati barranin. Il-Forzi Armati ta’ Malta ma jħossux li għandhom iwaqqfu din it-tradizzjoni fejn il-membri għandhom post ta’ rekreazzjoni għalihom u għal familji tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata tal-qgħad fl-ewwel u fit-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta' kull sena mill-2001 sal-2007?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li r-rata tal-qgħad fl-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta' kull sena mill-2001 sa l-2007 kienet hekk : -
Sena Rata tal-qgħad fl-ewwel u fit-tieni parti
Diċembru 2001 5.12%
Diċembru 2002 5.18%
Diċembru 2003 5.63%
Diċembru 2004 5.57%
Diċembru 2005 5.08%
Diċembru 2006 4.88%
Diċembru 2007 4.14%
Ir-rata tal-qgħad inħadmet fuq dawk il-persuni li għandhom impjieg full time bħala xogħol ewlieni tagħhom.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-MEPA waqqfet l-Urban Improvement Fund Scheme? X'inhu l-iskop ta' din l-iskema? Mnejn kull sena daħlet flus u x'kien l-ammont imdaħħal kull sena? Kemm qassmet flus kull sena lill-kunsilli lokali minn din l-iskema, u kemm kull kunsill lokali ngħata kull sena? Xi pjani għandha l-Awtorita' għall-iżvilupp ta' din l-iskema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Urban Improvement Fund (UIF) hija skema li twaqqfet mill-Gvern permezz ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f'Ottubru 2006, biex applikazzjonijiet ta' żvilupp li ma jistgħux jipprovdu spazju ta' parkeġġ fl-iżvilupp tagħhom, ikun jistgħu jintalbu jagħtu kontribuzzjoni ta' flus li mbagħad jintużaw fl-istess lokalità għal tisbieħ urban.
Il-proġetti li huma eliġibbli għal dawn il-fondi jridu jiġu proposti mill-kunsilli lokali jew mill-gvern ċentrali, u jridu jkunu fuq art pubblika u fil-parti urbana tal-lokalità.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi minn liema lokalitajiet daħlu l-flus, sena b'sena, kif ukoll kemm intużaw fondi f'kull lokalità sena b'sena.
Il-MEPA bħalissa qed tikkunsidra tagħmel emendi għal-lista tat-tipi proġetti li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-culvert tal-ilma li jwassal l-ilma tax-xita fl-inħawi tal-perched beach fil-Qawra, jitnaddaf biex jiġu evitati danni fuq il-propjetà privata wara li l-ilma jkun inġabar f'diversi toroq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-culvert in kwestjoni ser jiġi mnaddaf mill-Kunsill fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Prim Ministru jassigura li dawk il-kunsilli lokali li għandhom preżenza qawwija ta' turisti fil-lokalità tagħhom, jingħataw fondi partikolari minħabba dan il-fatt? Jista' jagħti konsiderazzjoni għat-talba li għamilt ftit tal-ġimgħat ilu, li l-kunsilli jingħataw allokazzjoni ta' €2 għal kull turist li joqgħod f'dik il-lokalità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-suġġeriment tiegħu ġie inkluż għal konsiderazzjoni fil-proċess tar-riforma tal-Kunsilli Lokali. Il-metodu preżenti ta’ finanzjament lill-Kunsilli Lokali mill-Gvern Ċentrali ma jieħux in konsiderazzjoni fatturi bħalma huma aspetti turistiċi, soċjali u ta’ impatt qawwi fuq l-infrastruttura. Preżentament qed isir eżerċizzju sabiex kemm il-metodu ta’ finanzjament jiġi rivedut kif ukoll jinstabu forom oħra li permezz tagħhom jiġu indirizzati aspetti bħal dawk imsemmija mill-Onor Interpellant u f’dan l-istadju mhu inkluż jew eskluż xejn.
Is-suġġeriment ta’ l-Onor Interpellant qed jiġi magħdud mal-proposti għar-riforma tal-Kunsilli Lokali u ser jingħata konsiderazzjoni xierqa.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex permezz tal-Awtorità dwar it-Trasport, triq ġdida fi Triq il-Konventwali, Buġibba, San Pawl il-baħar, liema triq tinsab ħdejn il-knisja tal-Qawra, tiġi mogħtija t-tarmac, biex forsi ma jibqax jintrema terrapin u ħmieġ ieħor?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT spezzjonat it-triq imsemmija fejn irriżulta li din trid tinbena għall-ewwel darba u għalhekk hija responsbbilta' ta' l-ADT. It-triq imsemmija ser tiddaħħal fil-lista ta' toroq li jridu jsiru mill-ADT.
Jista' l- Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu t-talbiet li saru biex jiġu maħfura ċitazzjonijiet li jkunu ħarġu minn wardens jew pulizija? Jista' l-Prim Ministru jagħti dan it-tagħrif maqsum f'lokalitajiet differenti?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal lill-MEPA biex ftit tal-ġimgħat ilu waqqfet pellegrinaġġ li kellu jiġi organizzat mill-komunità tal-Patrijiet Frangiskani ta' San Pawl il-Baħar, fil-preżenza tal-isqof t'Għawdex, għall-gżejjer ta' San Pawl?
Water Services Corporation — Interventi u telf ta' ilma
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-interventi tal-Water Services Corporation fl-inħawi ta' Buġibba, San Pawl il-Baħar, Qawra, Xemxija, Burmarrad u Wardija matul ix-xhur April - Awwissu 2008? Kemm kien it-telf ta' ilma reġistrat mill-Water Services Corporation f'dawn l-istess inħawi matul il-perjodu msemmi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi tibdil għall-Avviż Legali Nru 150 tal-1995 (dwar l-industrija fid-djar – cottage industry)? Jekk sar, meta? X’inbidel mill-Avviż Legali? Kemm nies ibbenefikaw mit-tibdil li sar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma kienx hemm tibdil fil-kontenut u l-assistenza mgħotija permezz ta’ l- Avviż Legali Nru 150 ta’ l-1995 (dwar l-industrija fid-djar – cottage industry), ħlief l-Avviż Legali 425 tal-2007 dwar l-introduzzjoni tal-Euro.
Investigazzjoni dwar xiri ta uniformijiet tal-iskejjel
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni li ordna ssir dwar ix-xiri tal-uniformijiet tal-iskejjel? Jikkonferma li kien wiegħed li l-investigazzjoni kellha tintemm qabel il-bidu ta' sena skolastika li digà bdiet u allura l-uniformijiet laħqu nxtraw?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qabel xejn nixtieq nikkjarifika li dak li nieda l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta kien stħarriġ ex officio sabiex jagħmel evalwazzjoni tas-suq. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ ġew analizzati u sussegwentement l-Uffiċċju ħareġ b’diversi rakkomandazzjonijiet. Bħalissa r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju qed jiġu evalwati mill-awtorita konċernata u għaddejjin taħdidiet dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati tal-Malta Enterprisemaqsumin skond il-grad? Jista' jagħti break-down tal-ħaddiema maqsumin bejn min qala' sa €15,000, sa €30,000, sa €40,000 jew aktar, għas-sena 2007?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi kif jidher hawn taħt:
Malta Enterprise staff complement as at today
Grade
No. of Employees
CEO
1
Chief Officers
3
Heads
18
Managers
30
Senior Executives
18
Executives
17
Support Officers
5
Messengers/Drivers
3
Housekeeper
1
Total Employees
96
Fis-sena 2007 mal-Malta Enterprise kien hemm 100 impjegat u kienu maqsumin hekk:
Min qala' sa €15,000
Min qala' sa €30,000
Min qala' sa €40,000
12Min qala’ aktar minn €40,000 6
(LM 6,440)
(LM 12,880)
(Lm 17,172)
13
69
TOTAL 100
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Donazzjonijiet lill-għaqdiet sportivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn (2007/2008) ingħataw donazzjonijiet mill-Ministeru lill-għaqdiet sportivi? Liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minnhom? X'kien l-ammont f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu indikat ma sarux donazzjonijiet mill-Ministeru lill-għaqdiet sportivi kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Donazzjonijiet għall-għaqdiet sportivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn (2007/2008) ingħataw donazzjonijiet mill-Ministeru lill-għaqdiet sportivi? Liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minnhom? X'kien l-ammont f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma ngħatawx donazzjonijiet mill-Ministeru tiegħi lill-għaqdiet sportivi f'dawn l-aħħar sentejn.