Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dwana ta' Malta — Attivita' Illegali fil-Portijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-impenn tad-dwana ta' Malta kontra kull attivita' illegali fil-portijiet (inkluż il-Port Ħieles) fil-yatch marinas u fl-ajruport? F'kull każ, x'kien ir-riżultat ta' dan l-impenn mill-2005 'l hawn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dwana ta’ Malta fit-twettieq tal-ħidma tagħha tfittex li tħares l-għanijiet ewlenin komuni għall-Istati membri tal- EU. Dawn għandhom firxa wiesgħa u jinkludu: · Il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunita’ u l-Istati Membri. · Il-protezzjoni tal-Komunita’ minn kummerċ illegali u inġust filwaqt li tiffaċilita l-attivitajiet kummerċjali legittimi. · Il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-Komunita’ u r-residenti tagħha u l-protezzjoni ta’ l-ambjent b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra. · Bilanċ meqjus bejn kontrolli doganali u faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu. Id-Dwana ta’ Malta hija kontinwament impenjata f’attivitajiet ta’ kontroll u infurzar fit-territorju Malti kollu speċjalment fl-ajruport u l-portijiet. Mill-2005 ‘l hawn, bħal snin oħra, twettqu ammont sostanzjali ta’ tfittxijiet u kontrolli fuq persuni, bagalji, containers , merkanzija, yachts etc. Din il-ħidma tat diversi rizultati: Ajruport – L-iktar notevoli huma diversi każi ta’ qbid ta’ droga, sigaretti u xorb, armi u munizzjon, għasafar u speċi oħra protetti, prodotti kontrafatti u flus kontanti. Portijiet inkluż yacht marinas – Hawnhekk ukoll id-dwana kellha diversi riżultati mhux biss fil-ġlieda kontra d-dħul ta’ droga imma wkoll sigaretti u xorb alkoħoliku, prodotti kontrafatti, għasafar u speċi oħra protetti, vetturi u fuel . Ta' min isemmi, li l-impenn tad-Dwana, jiġi eżerċitat ukoll għan-nom u in rappreżentanza ta' diversi Dipartimenti/entitajiet oħra. Huwa diffiċli li wieħed jikkwantifka fid-dettal imma ta’ min isemmi li minn l-2005 l-hawn ġew konfiskati xejn inqas minn: - 20,9 kg kokaina - 26,8 kg eroina - 75,715 pillola ristretti / kontrollati - iktar minn 140 miljun sigarett li minnhom 73 miljun instabu li huma kontrafatti - 142 container bi prodotti kontrafatti li jvarjaw minn żraben, ħwejjeġ, aċċessorji tal-karozzi, prodotti elettroniċi, kożmetici u toothpaste sa ball pens . Huwa ukoll fatt li l-preżenza tad-Dwana tirriżulta ta' deterrent għal min ikun qed jikkontempla li jwettaq xi reat ta' kuntrabandu, iżda jerġa' jdawwar fehmtu minħabba din il-preżenza.
Leg 11 PQ #1962 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Membri ta' l-Armata

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1296, jista' l-Prim Ministru jikkonferma allura li ġaladarba m'hemmx differenzi jew diskrepanzi bejn il-forzi msemmija se jibda' jitħallas l-overtime lis-suldati b'mod immedjat u li fil-budget li jmiss għas-sena 2009 se jibda jkun hemm line item għall-overtime bħal tal-pulizija? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx suldati fil-preżent qed jitħallsu ta' l-overtime kemm mill-finanzi ta' l-armata jew minn x'imkien ieħor? Jekk iva, fejn qegħdin jaħdmu dawn is-suldati u min qed iħallashom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-mistoqsija parlamentari 1296 li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tikkonċerna r-ringaġġ fil-Forzi Armati u mhux ħlas ta’ overtime, l-Onorevoli Membru hu ġentilment mitlub jikkonferma mill-ġdid in-numru tal-mistoqsija parlamentari inrefernza.

Malta Industrial Parks — EU Structural Funds

Question

Jista' l-Ministru jagħti xi dettalji dwar x'xogħol huwa maħsub li jsir mill-Malta Industrial Parks minn fondi ta' l-EU Structural Funds? Hemm proġetti oħra li għadhom li ma ġewx approvati u li l-Malta Industrial Parks applikat għal fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, fiex jikkonsistu dawn il-proġetti? X'inhi r-raġuni li dawn ma ġewx aċċettati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Industrial Parks ipproniet proġetti mill-fondi l-ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013. Il-proġetti jikkonsistu fit-tisbieħ u titjib ta’ ħames żoni industrjali li huma indikati hawn taħt: Ħal Far – Jitkompla l-proġett ta’ tisbiħ u titjib taż-żoni industrijali permezz ta’ żewġ fażi oħra li jinkludu xogħol ta’ titjib fl-infrastruttura (toroq, ġbir ta’ l-ilma tax-xita, dranaġġ, fire hydrant system , eċċ.) u tiżdied il- landscaped area Bulebel – Jiġi implimentat it-tieni fażi ta’ titjib u tisbiħ taż-żona industrjali u b’hekk ix-xogħol f’dan l- estate ikun tlesta. In-natura tax-xogħolijiet huma simili għal dawk ta’ Ħal Far Kordin – Jinbeda il-proċess ta’ upgrading f’din iż-żona permezz ta’ l-ewwel fażi li jinkludi xogħol ta’ titjib fl-infrastruttura tat-toroq prinċipali u l-bini ta’ administration block li jiġi mħares mit- tenants u li fih ser ikollu child day-care centre Xewkija – Isir upgrading komplet f’dan l- estate permezz ta’ titjib fl-infrastruttura, il- landscaping u l-bini ta’ administration block li jiġi mħares mit- tenants u li fih ser ikollu child day-care centre Mosta – Jinbena sular ieħor fl- administration block preżenti sabiex ikun jista’ jitwaqqaf child-care centre . L-għan ta’ dawn il-proġetti huwa biex Malta tkun aktar kompetittiva permezz ta’ żoni industrijali ta’ livell internazzjonali u anke biex jitjiebu il-faċilitajiet u l-ambjent għall-impjegati f’dan is-settur. Dawn il-proġetti ġew approvati mill- Project Selection Committee fi ħdan l-OPM u bħalissa għaddejjin it-tħejjijet neċessarji sabiex jitlestu t- tenders . Il-proġetti ser jiswew ma l-20 Miljun Ewro.

Fuel Importati — Taxxa tas-Sisa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabbret taxxa tas-sisa fuq id-diversi tipi ta' fuel importati f'Malta għas-snin 2005, 2006, 2007 u 2008 (Jannar sa Ġunju)?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-taxxa tas-sisa fuq id-diversi tipi ta’ fuel importati f’Malta għas-snin 2005, 2006, 2007 u 2008 (Jannar sa Settembru) hija kif jidher fit-tabella li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra:

Camping sites — Regolamenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-regolamenti li jirregolaw il-camping sites? Jista' jidentifika dawk l-areas fejn jistgħu jiġu pparkjati l-caravans? X'inhuma r-regolamenti li jirregolaw dawn l-areas u l-caravans?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan ta' Struttura jirreferi għal din it-tip ta' attività fil-policy REC 11 fejn iż-żoni tal-White Rocks u l-Marfa ġew identifikati għal din it-tip ta' attività. Fl-1997 ġew approvati linji gwida biex jirregolaw proposti għall-iżvilupp ta' Camping and Caravan sites . Il-pjanijiet lokali wkoll identifikaw żoni fejn din it-tip ta' attività tista’ tiġi kkunsidrata. Dawn huma: Fil-Pjan ghan-Nofsinhar ta' Malta (2006) ġew identifikati żewġ żoni - Il-bajja ta' San Tumas, M'Scala u l-Ponta taż-Żonqor, M'Scala Fiż-żona tal-pjan lokali tal-Majjistral ta' Malta (2006) hemm żewġ camping sites uffiċjali li huma regolati bil-permess tal-MEPA: il- camping site ta' Għajn Tuffieħa mmexxijja mill-iScouts u l- camping site ta' Daħlet ix-Xmajjar fil-Marfa li hija mmexxijja mill-privat. Fl-istess żona għad m'hemmx caravan site stabbilità iżda hemm proposta biex titwaqqaf waħda fil-Marfa. Fiż-Żona tal-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna (2006) hemm proposta biex tiġi identifikata żona għal camping site f'Kemmuna fil- policy GZ-Ghjn-10. Bħalissa hemm eżistenti camping site ġewwa Kemmuna. Ma hemm ebda żona oħra identifikata f'dan il-pjan għal dan it-tip ta' użu ta' l-art. Fil-Pjan tal-Portijiet tat-Tramuntana ma ġewx identifikati siti għal dan l-użu. Fil-Pjan Lokali għaż-Żona Ċentrali ġiet identifikata żona fl-inħawi ta' l-Għadira s-Safra.

Tobba — Settur primarju u pubbliku

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm għandu tobba li jaħdmu fis-settur primarju? Kemm minn dawn it-tobba jaħdmu fis-settur privat biss? Kemm hemm tobba li jaħdmu kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li n-numru ta’ tobba li jaħdmu fis-settur primarju huwa kif ġej : Director 1 Consultants 3 Principal Gen. Practitioner 1 Senior Gen. Practitioners 11 General Practitioners 62 Medical Officers 33 Total 111 It-tobba li jaħdmu fis-settur primarju, ma humiex esklużi li jaħdmu fis-settur fil-privat.
Leg 11 PQ #2101 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema l-Gvern jaħdmu għalih bħalissa li l-main employer tagħhom huwa kuntrattur? Jista' jgħid kemm ilhom jagħtu dan is-servizz dawn il-ħaddiema u ta' liema skali huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Homes ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġih ras għal ras resident f'xi home ta' l-anzjani? Jista' jagħti breakdown ta' kif wasal għal din is-somma? Jista' jgħid jekk għandux il-ħsieb li jżid il-persentaġġ li l-Gvern jieħu mill-pensjoni ta' kull pensjonant residenti f'xi home bħala fee li kull resident irid iħallas?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għad ma sar l-ebda ħsieb fuq żieda fil-persentaġġ li l-Gvern jieħu mill-pensjoni.

BillBoards

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1606 u jgħid min huwa responsabbli mill-approvazzjoni ta' l-istampi fuq il-BillBoards? Jeżistu ċensura u regolamenti dwar x'tip ta' ritratti u stampi għandhom jitwaħħlu fuq il-billboards? X'għandu jagħmel ċittadin jekk xi stampa fuq xi billboard jħossha baxxa u li toffendi s-sentimenti tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport tipproċessa applikazzjonijiet għall- billboards fuq kriterja ta' sigurta' tat-toroq u pjanijiet għall-futur ta' l-Awtorita'. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-kumplament tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Elezzjonijiet tal-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1603 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali jinbidel t-terminu tagħhom u minflok kull 3 snin jibdew isiru kull 4 snin, u minflok terz tal-poplu jibda jivvota l-poplu kollu għall-kunsill tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru. 1603.

Mosta — Roundabout bejn Triq il-Kostituzzjoni u in-niżla ta' San Ġużepp

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru t-tiswijiet neċessarji fil-wiċċ tat-triq speċjalment mad-dawra tar-roundaboutli hemm wara li tħalli Triq il-Kostituzzjoni qabel ma' taqbad in-niżla ta' San Ġużepp il-Mosta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT ser tagħmel stimi tax-xogħlijiet biex din it-triq tiddaħħal fil-lista ta' xogħlijiet li jridu isiru fil-futur.
Leg 11 PQ #2253 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Centri ta' Matul il-Jum għall-Anzjani

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li waħedhom jew bi sħab mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani fetħu jew qed imexxu xi Ċentru ta' Matul il-Jum għall-Anzjani fil-lokalita' tagħhom? Meta nfetħu dawn iċ-ċentri ? X'inhu n-numru ta' anzjani li jattendu dawn iċ-ċentri? X'kien jew għadu s-sehem li kull kunsill lokali qed jagħti f'dan ir-rigward? Hemm xi talbiet pendenti minn kunsilli lokali oħra għal ftuħ u jew it-tmexxija ta' Ċentri ta' Matul il-Jum għall-Anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Rapport dwar Renewable Energy Sources

Question

Fir-rigward ta' l-istudji li qed isiru mill-Gvern Malti u l-konsultenti ġodda tiegħu, jista' l-Ministru jgħid liema aspetti tar-rapport dwar renewable energy sources ta' Mott MacDonald tas-sena 2005 ser jiġu nkorporati - liema rapport kien ġie kkummissjonat fi żmien il-Ministru ta' dakinhar, Ninu Zammit?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jispeċifika għal liema studji qiegħed jirreferi.

Riżorsi ta' ilma

Question

Billi diversi esperti u idroloġisti ġew ikkwotati jgħidu fil-media li l-pajjiż dieħel f'sitwazzjoni ta' krizi ta' riżorsi ta' l-ilma, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan ta' azzjoni konkret li għandu l-Gvern biex jindirizza din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-impjanti tar-Reverse Osmosi huma kapaċi jfornu lill-pajjiżna l-ammont kollhu ta' l-ilma li hu neċessarju, mhux il-każ li pajjiżna jista' jidħol ''f'krizi ta' rizorsi ta' ilma''. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-sitważżjoni tal-aquifer allura nitolbu jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Użu ta' plastic bags

Question

Huwa minnu li l-Gvern qed jaħseb biex jintroduċi miżuri ġodda dwar l-użu ta' plastic bags wara li l-miżuri ntrodotti fis-sena 2005 ma rnexxewx? Jista' l-Ministru jikkonferma f'mod kategoriku jekk in-numru ta' plastic bags fil-waste stream ta' pajjiżna kibirx jew naqasx mis-sena 2005 'l hawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninforma l-Onor Membru li l-gvern qed kontinwament jixtarr il-possibilitajiet kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex l-użu tal-boroż tal-plastik ikompli jkun ikkontrollat wara l-introduzzjoni tal-miżuri tal-2005. Sadanittant jekk l-Onor Membru għandu xi ideat dwar miżuri li jwasslu sabiex ikompli jonqos l-użu tal-boroż tal-plastik, nitolbu jgħaddihomli ħalli jkunu kkunsidrati. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob l-Onor Membru biex jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #2270 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Djalogu nazzjonali dwar id-divorzju

Question

Billi l-Prim Ministru oriġinarjament iddikjara ruħu kategorikament kontra d-divorzju - kif kien għamel il-Prim Ministru ta' qablu - u issa ftit ġimgħat ilu wara li l-Ministru tal-Politika Soċjali qal li kien lest li jniedi djalogu nazzjonali dwar din il-kwestjoni, l-Prim Ministru jidher li qed japprova dan il-proċess, jista' jgħid meta ser jibda dan il-proċess ta' djalogu? X'inhuma l-modalitajiet li ser jaderixxi għalihom? Minn min ser jitmexxa dan id-djalogu? X'medda ta' żmien għandu f'moħħu l-Gvern għal konklużjonijiet tal-proċess kollu ta' djologu, diskussjoni u deliberazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politikà tal-Gvern hi waħda ċara u iffukata fuq it-tisħiħ tal-familja u l-interess tat-tfal. Hi wkoll politika tal-Gvern li pajjiżna għandu jiffoka fuq min hu l-aktar dgħajjef speċjalment ma’ dawk il-familji fejn iż-żwieġ jidħol fi kriżi. Inżid ngħid ukoll li l-politikà tal-Gvern hi imniżżla fil-Programm Elettorali u riflessa fid-diskors tal-President fil-ftuħ tal-Parlament. Il-poplu Malti jħaddan demokrazzija b’saħħitha u huwa fil-libertà li jiddiskuti kull suġġett li jidhirlu.

Attard — Wied Irmiedi

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xogħol ta' tindif u kontinwazzjoni ta' rijabilitazzjoni ta' Wied Irmiedi limiti ta' H'Attard? Jista' jgħid meta kien l-aħħar li sar tindif u x'xogħol beħsiebu jsir fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li x-xogħol fuq Wied Irmiedi jsir fuq bażi regolari minn sena għal sena skond il-program ta’ manutenzjoni u t-tindif tal-korsa ta’ l-ilma. Din is-sena peress li dan ix-xogħol hu meqjus bħala prijorità, sar fil-bidu tas-sajf matul Ġunju. Ix- xogħol li sar kien jinkludi: a) tneħħija ta’ depożiti akkumulati tul mhedda ta’ kilometru tal- korsa ta’ l-ilma; b) manutenzjoni fuq ir-reċensjonijiet tal-ilma, u l-kanal ta’ l-ilma l-antik ( storm-water ); c) ġbir ta’ skart goff u oġġetti tal- plastic mormija fil-wied; d) tneħħija ta’ ħaxix. Naturalment kull meta jinħass il-bżonn ta’ xi interventi oħra jittieħdu l-passi neċessarji biex ix-xogħol isir.
Leg 11 PQ #2283 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Raħal Ġdid — Restawr ta' faċċata

Question

Jista' l-Ministru jara li t-talba tar-residenti li joqogħdu fid-dar, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiġi restawrata l-faċċata tagħha li hija ta' valur storiku?

Response (DALLI, JOHN)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Direttorat tal-Bini u Tisuwja ta’ Djar fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar biex jinvestiga.