Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tfal u żgħażagħ abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm persuni (tfal jew żgħażagħ taħt is-16-il sena) intabu abbandunati, jew ittieħdu fl-għases ta' kull waħda mill-lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ghall-fini ta din ir-risposta, Agenzija APPOGG tiddefinixxi tfal abbandunati meta ma jkunx hemm tracci tal-genituri fil-punt tal-Ordni tal-Harsien. Matul dawn l-ahhar hames snin, u fid-distretti imsemmija, kien hemm kaz wiehed fis-seba` distrett ta’ minuri abbandunat/a. Rigward in-numru ta’ tfal jew zghazagh taht is-16-il sena li ittiehdu fl-ghases, din l-informazzjoni tinzamm mill-Pulizija.

Awtorità tad-Djar — appartamenti għall-kiri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwarr kemm kien hemm appartamenti li ġew offruti għall-kiri lill-Awtorità tad-Djar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar separatament? Kemm minn dawn l-offerti ġew aċċettati? Kemm hemm applikazzjonijiet pendneti għal post alternattiv minn persuni li ġejjin minn dawn il-lokalitajiet u kemm hemm applikazzjonjiet pendenti għal dawn il-lokalitajiet?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar rċeviet 6 applikazzjoni għall-iSkema Kiri mill-Mellieħa, 171 applikazzjoni minn San Pawl il-Baħar, u l-ebda applikazzjoni min-Naxxar, u dan kif muri f’Tabella 1 li turi ukoll kemm sallum ġew aċċettati. Tabella 1 l-1 Fazi it-2 Fazi Appl. Aċċettati Appl. Aċċettati Buġibba 24 14 51 0 Burmarrad 4 0 11 0 Qawra 21 7 29 0 Salina 1 1 0 0 San Pawl il-Baħar 30 17 1 0 Mellieħa 6 6 5 0 Naxxar 0 0 0 0
Leg 11 PQ #38470 Sitting 529 2012-11-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — Working Capital

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 38100, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali kellhom surplus fil-working capital tagħhom fl-aħħar tal-2011? Kif inbidlu dawn is-surpluses fl-aħħar ta' Marzu, fl-aħħar ta' Ġunju 2012? Fejn l-informazzjoni daħlet ukoll għal Settembru 2012, jista' jagħti ukoll l-informazzjoni għal dan il-perjodu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 48/2012 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Mosta — Triq ix-Xitwa - xogħlijiet fi Triq Ġdida

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq Ġdida fi triq ix-Xitwa fil-Mosta li tinstab fi stat ħażin ħafna u ukoll hemm aktar minn 80 fil-mija minnha mibni, tingħata wiċċ xieraq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Tkabbir ta' Għeneb għal Għasir

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bdiewa li huma reġistrati li qed ikabbru l-għeneb għal għasir? Minn liema lokalitajiet huma dawn il-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37610 rigward l-informazzjoni dwar bdiewa skont il-lokalitajiet, ninfurmah li preżentement hemm 3,000 bidwi reġistrat bid-dwieli f’Malta u Għawdex.

Bdiewa li jbiegħu l-għeneb għal għasir

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministru hux infurmat li l-bdiewa li jbiegħu l-għeneb tagħhom għal għasir qed idumu bosta xhur biex jitħallsu għal għeneb li jmur għal għasir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dan huwa settur kummerċjali ħieles u l-arranġamenti kuntrattwali jsiru bejn il-bidwi u l-għassar. Minn-naħa l-oħra ninfurmah li dan il-Ministeru huwa sensittiv għal-qagħda ta’ dawn il-bdiewa u għalhekk dawn l-ilmenti qiegħdin jkunu notati.

Arriva — karozzi tal-linja liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' karozzi tal-linja li għandha liċenzjati l-kumpanija Arriva f'Malta għal xogħol ta' transport Malta? Kemm minn dawn il-vetturi huma bendy buses? Minbarra l-karozzi tal-linja, kemm hemm minibuses jew vetturi oħra li qed jintużaw għat-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Arriva Malta Ltd għandha 285 karozzi tal-linja liċenzjati fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku. Minn dawn hemm 68 vettura li huma vetturi tat-tip articulated. Infurmat ukoll li l-kumpanija Arriva Malta Ltd għandha vettura waħda subcontracted tat-tip minibus li topera fuq ir-rotta 401.

Transport Malta — Rotta 401

Question

Jista' l-Ministru jara jekk ir-rotta 401 tista' tkun mibdula biex tibda tkopri dawn il-lokalitajiet b'din l-ordni: Rabat, Ta' Salib, Għammieri, Żebbieħ, Wardinja u Buġibba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r- Rotta 401, mill-11 ta’ Novembru 2012, ġiet estiża sabiex tkopri fiha l-lokalitajiet taż- Żebbiegħ u Għemmieri. Dan sabiex ir-residenti tal-Għemmieri jingħataw servizz ta’ trasport pubbliku li ma’ kellhomx qabel. Infurmat ukoll illi Transport Malta sejra tkun qegħdha tevalwa r-rakkommandazzjoni illi testendi din ir-rotta għall-inħawi tas-Salib u r-Rabat fil-futur.
Leg 11 PQ #38479 Sitting 529 2012-11-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Msida — Swatar - Tower Road - triq magħluqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37991 li oriġinajrament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jinvestiga l-ilment ta' bosta residenti tas-Swatar, Msida, dwar il-fatt li f'Tower Road, Swatar, tgħalaq minħabba li ngħqalet bankina b'mod li ġie ristrett l-aċċess għall-bypass u b'konsegwenza ta' dan ir-residenti qed ikollhom jinżlu Ta' Paris biex joħorġu għal main road? Tista' tinstab soluzzjoni anqas inkonvenjenti mill-arranġament preżenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li l-kunsill kien talab parir dwar dan is-suġġeriment lil Transport Malta u rriżulta li l-awtorità kienet tal-istess fehma, jiġifieri li jekk din it-triq tinfetaħ jista' jinħoloq periklu lis-sewwieqa.

MTA — kunċert tal-MTV

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa totali tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu konnessa mal-inawgurazzjoni tal-kunċert tal-MTV f'Malta is-sajf li għaddha? Jista' jagħti l-breakdown ta' din in-nefqa?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — manutenzjoni fuq residenzi

Question

B'referenza għall-iskema li l-Awtorità tad-Djar nidiet din is-sena għall-persuni 'l fuq minn 60 sena sabiex tgħin lil dawn in-nies f'xogħlijiet ta' rranġar u titjib fir-residenza tagħhom, jista' l-Ministru jikkonferma jekk din l-iskema kenitx teżisti bejn is-sena 2009 u s-sena 2011 u għal kemm perjodu damet miftuħa din is-sena? Kemm l-Awtorità tad-Djar qed tistma li se tiswa din l-iskema?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l-iskema msemmija ghall-persuni ‘l fuq minn 60 sena kienet skema gdida, u l-Awtorita’ tad-Djar ma kellhiex skema bl-istess kundizzjonijet bejn is-sena 2009 u s-sena 2011. L-iskema ‘Nirranga d-Dar Tieghi’ giet ippubblikata fit-28 ta’ Mejju 2012 u damet miftuha xahrejn. l-Awtorità tad-Djar qed tistma li din l-iskema tiswa €800,000.

dejn nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38205 u jgħid kemm kien id-dejn nazzjonali gross fl-aħħar ta' kull sena mill-1986 sal-2011 u fl-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena? Jista' jgħid jekk il-gvern għandux pjan/programm biex jibda jitnaqqas id-dejn nazzjonali? Jekk fl-affermattiv, x'inhuwa l-pjan/programm? Jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? X'miżuri huma maħsuba li jittieħdu biex jonqos id-dejn nazzjonali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

korporazzjonijiet, fondazzjonijiet u awtoritajiet — Garanziji finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38144 u jgħid kemm huwa tal-garanziji finanzjarji li l-gvern għandu llum biex jagħmlu tajjeb għal self li għandhom korporazzjonijiet, fondazzjonijiet, awtoritajiet u kopri u organizzazzjonijiet oħra parastatali? Jista' jagħti dan it-tagħrif kull entità għaliha? Jista' jagħti d-data ta' meta ngħatat kulll garanzija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Għawdex — nefqa kapitali - investiment produttiv, infrastruttura, u soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38145 u jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-Gvern f'Għawdex kull sena mill-2004 sal-lum? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment bħal per eżempju investiment produttiv, infrastruttura u soċjal?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Għawdex — fond konsolidat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38202 u jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-gvern mill-fond konsolidat f'Għawdex kull sena mill-2004 sal-lum? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, per eżempju investiment produttiv, infrastruttura u soċjal? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta mill-fond konsolidat għall-istess oqsma ta' investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38203 u jgħid kemm kienet in-nefqa kollha ta' fondi Ewropej f'Għawdex kull sena mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid kemm flus tħallsu s'issa minn din in-nefqa? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, per eżempju investiment produttiv, infrastruttura u soċjal u jgħid x'inhuma l-proġetti f'kull każ u jagħti n-numru ta' referenza ta' kull proġett? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta ta' fondi Ewropej għall-istess oqsma ta' investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

entitajiet li ġew privatizzati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38133, 36845, 37626 u 37931 u jgħid kemm entitajiet ġew privatizzati mill-1999 sa Diċembru 2011? Liema huma? Kemm kienu jħaddmu nies magħhom kull waħda minnhom f’Malta u f’Għawdex separatament meta ġew privatizzati? Liema huma l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati? Kemm qed iħaddmu nies magħhom illum f’Malta u f’Għawdex separatament kull waħda minnhom l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Servizzi veterinarju f'razzett

Question

B'referenza għall-individwu li d-dettalji dwarhu qed jingħataw separatament li s-Servizz Veterinarju marru fir-razzett tiegħu u qatlulu 'l fuq minn 200 nagħaġ għar-raġuni li dawn il-bhejjem ma kienx irreġistrati mas-servizz veterinarju, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk jaqbilx ma' din l-azzjoni li ttieħdet? Jaħsibx il-Ministru li din l-azzjoni fejn bhejjem (fosthom nagħaġ tqal) ġew maqtula u meqruda, ma kienet xejn dinjituża u kienet, fil-fatt, ħarxa li tmur kontra kull konsiderazzjoni etika ta' animal welfare? Jaħsibx li l-qatla ta' tant bhejjem, mhux għax kienu morda, iżda minħabba allegat nuqqas tar-raħħal li jirreġistrahom mas-servizz veterinarju, ma kenux kif jistabbilixxu r-regolament? Jaħsibx li s-servizz veterinarju għamel l-istess dnub ta' moħqrija fuq dawn in-nagħaġ, li jagħmel persuna bla qalb li joqtol il-kelb tiegħu sempliċiment għax jkun iddejjaq minnu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37867 fejn spjegajt li dak li jesiġu r-regolamenti huwa xejn anqas biex tkun salvagwardata is-saħħa tal-konsumatur. Il-provenjenza ta’ annimal li ma’ jkunux reġistarati kif titlob il-liġi ma tkunx magħrufa u dawn għalhekk ma jkunx hemm għarfien jekk kielux affarijiet li jkun fihom residwi bħal diossina, ormoni, kloranfenikol jew beta agonists, li huma kollha sustanzi projbiti apparti ħafna residwi oħra. Barraminnhekk ma jkunx jista’ jkun aċċertat mill-liema merħla jkunu gejjin u għalhekk l-istat ta’ saħħa taghhom ma jkunx maghruf b’risku li jkollhom xi mard li ma jidhirx. Dan jista’ joħloq problemi kbar. Hemm mard li huwa ta’ periklu għall-bniedem, bħal ma hija l-Iscrapies, li ma jistax jiġi dijanjostikat waqt li l-annimal huwa ħaj. Huwa għalhekk li fil-liġi Maltija u f’dik Ewropeja (bħal ma huma l-Artiklu 76 tal-Kapitlu 36; l-Artikolu 54 ta’ Council Regulation 882/2004; Artikoli 7 u 18 ta’ Council Regulation 178/2002.) hemm definit il-bżonn ta’ traċċabilita serja fil-produzzjoni ta’ l-ikel u li kull annimal li mhux taħt il-kontroll tal-programmi dettati mir-regolamenti kollha l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropeja kif ukoll dawk Maltin, ma ghandhomx post fil-katina ta’ l-ikel. L-annimali tal-produzzjoni ta’ l-ikel huma regolarizzati b’serjeta kbira ghaliex is-saħħa tal-poplu hija ħafna aktar importanti u trid tkun garantita il-hin kollu. Huwa riżultat ta’ dan li ma hemm l-ebda mekkaniżmu fil-liġijiet Maltin u Ewropej kif annimali bla reġistrazzjoni jistgħu jiddaħħlu fil-katina ta’ l-ikel. Għalhekk ma jibqa’ l-ebda forma ta’ soluzzjoni oħra ħlief dak, li għal minn mhux intiż, tista’ żbaljatament tidher bħala azzjoni drastika meta dawn jitneħħew. Nassumi li bħali l-Onorevoli Interpellant jaqbel li s-saħħa tal-konsumatur hija primarja u ta’ priorita’ u għaldaqstant ma nkunx żbaljat jekk ngħid li quddiem dan ir-raġunar jasal biex jaqbel miegħi li dawn ir-reġolamenti ta’ traċċabilità huma mandatorji u li l-azzjoni meħuda kienet f’waqtha. Rigward l-aħħar part ital-mistoqsija, ninfurmah li l-mezz ta’ kif jinqatlu l-annimali fuq razzett f’kaz ta’ depopolament huwa ukoll preskrtitt mir-Regolamenti Ewropej fejn hemm kontemplat l-mod ta’ kif isir dan id-depopolament fil-parametri tal-kunsiderazzjonijiet ta’ Annimal Welfare. Waqt li nagħmel referenza għar-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea CR 1099/2009, niġbed l-attenzjoni tal-Interpellant li l-mod li jintuża biex jinqatlu dawn il-bhejjem huwa dak ta’ captive bolt penetranti li huwa mnizzel Numru 1 f’Anness 1, f’Kapitolu 1, Tabella 1 ta’ dan ir-Regolament. Dan il-metodu jiżgura li l-annimali jkunu maqtula bl-aktar mod rapidu u mingħajr ma jkun kkawżat eċitament jew biża żejda lill-istess annimali qabel il-qatla. Ghalhekk naċċerta lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ etika jew ksur ta’ regolamenti ta’ Animal Welfare. Deċiżjonijiet bħal dawn ma jeħodhomx direttament il-politiku. Jien noqgħod fuq il-pariri li jagħtu nies esperti u tekniċi abbażi tar-regolamenti u direttivi Ewropej.

Direttur tas-Sajd — co-ordination meeting - laqgħat importanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'kienet ir-raġuni li d-Direttur tas-Sajd ma kienx preżenti l-bieraħ, 12 ta' Novembru 2012, f'Agadir, il-Marokk għall-1st co-ordination meeting tal-18th Special Meeting of the Commission tal-ICCAT? Japprezza li din il-laqgħa importanti, li baqgħet sejra sa' nofs il-lejl, sar ħafna lobbying, xogħol ta' kordinament bejn il-pajjiżi, u diskussjoni dwar materiji ta' importanza għas-sajjieda tat-tonn u li minħabba n-nuqqasijiet tad-Direttur is-sajjieda Maltin kienu żvantaġġati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant , li d-Direttur tas-Sajd ma kienx preżenti għal 1st Co-ordination Meeting imsejjaħ mill-Unjoni Ewropeja minħabba li t-tluq tal-ajruplan minn Malta ttardja bil-konsegwenza li ntilfet il-connecting flight lejn Agadir. Madankollu, wieħed irid jgħid li f’dan l-ewwel Co-ordination Meeting id-diskussjoni kienet konċentrata fuq id-definizzjoni tat-traps tat-Tonn li huwa rkaptu li ma jaffetwax lis-sajjieda Maltin. Din id-diskussjoni tkompliet fil-Co-ordination Meetings msejjħa mill-Unjoni Ewropeja it-Tlieta, 13 ta’ Novembru u fil-ġranet ta’ wara. Dawn il-co-ordination meetings kienu jissejħu kemm qabel u kemm wara kull sessjoni tal-Konferenza li għalqet fis-19 ta’ Novembru 2012. Id-delegazzjoni Maltija pparteċipat b’mod sħiħ u attiv fid-diskussjonijiet li saru f’dawn il-co-ordination meetings. Fil-fatt kien bil-ħidma tad-delegazzjoni Maltija li l-kwota globali żdiedet b’600 Tunnellata kif ukoll biex l-istaġun tal-Purse Seiners ikun imċaqlaq għal perjodu aktar favorevoli għal qbid tat-tonn. Id-delegazzjoni Maltija tat ukoll kontribut biex jiġu simplifikati il-proċeduri ta’ kontroll li għandu jsegwi kull sajjied li jistad għat-tonn biex b’hekk titnaqqas il-burokrazija żejda. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li r-riżultati miksuba mid-delegazzjoni Maltija kienu nkoraġġanti u li jkomplu jagħmlu kuraġġ lis-sajjieda Maltin u Għawdxin biex ikomplu fil-mistier tagħhom għal sajd responsabbli u sostenibbli.

Mosta — Karozza tal-linja li tgħaddi minn Triq San Pawl tal-Qlejja

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex it-trasport pubbliku min-naħa ta' Triq San Pawl tal-Qlejja fil-Mosta, fejn qabel ir-riforma kienet tgħaddi l-karozza tal-Imġarr, li llum għandha n-numru 44, issa mhux tgħaddi l-ebda waħda? Jista' jara li terġa' tibda tgħaddi din il-karozza minn Triq San Pawl tal-Qlejja Mosta lejn l-Imġarr u lura minn hemm lejn il-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi fis-sistema preċedenti kien hemm biss karozza waħda li kienet tgħaddi kull siegħa. Illum l-eqreb bus stop li jinsab fil-viċinanzi ta' San Pawl tal-Qlejja tal-Mosta huwa l-bus stop bl-isem 'Għolja' 1 li hemm fi Vjal Indipendenza Mosta, ċirka 700 metru bogħod, iżda minn dan il-bus stop minnflok servizz wieħed jgħaddu jgħaddu dawn ir-rotot fid-direzzjoni lejn iċ-ċentru tal-Mosta: · Rotta 31 bi frekwenza ta 20 minuta · Rotta 41 bi frekwenza ta 30 minuta · Rotta 42 bi frekwenza ta 60 minuta · Rotta 44 bi frekwenza ta’ 30 minuta · Rotta 205 bi frekwenza ta’ 60 minuta Minkejja dan, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta ħadet nota ta' dan is-suġġeriment, liema suġġeriment ser ikun qiegħed jiġi kkunsidrat fil-futur.