Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma d-deċiżjonijiet ta' l-Ombudsman u tal-Kummissjoni kontra l-Inġustizzja li marru quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku biex jingħata rimedju u dawn ma kenux milqugħa? X'kienet ir-raġuni għal dan każ b'każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1960, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 108 każijiet li ngħatatilhom rakkomandazzjoni favorevoli mill-Kummissjoni Kontra l-Inġustizzji, li din ġiet aċċettata mill-Prim Ministru, iżda li ma ġietx milqugħa mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.
Kien hemm każ wieħed li ngħata rakkomandazzjoni favorevoli mill-Kummissjoni Kontra l-Inġustizzji, iżda li din ma ġietx aċċettata mill-Prim Ministru fuq parir tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.
Fl-2001 kienet ġiet ivvutata s-somma ta’ Lm364,000 li minnha tħallas kumpens
ex gratia
fir-rigward tal-108 każijiet hawn fuq imsemmija.
Kien hemm tlett (3) każijiet fejn ir-rimedju rrakomandat mill-Omudsman ma ġiex milqugħ mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.
Il-każi kollha kienu jirrigwardjaw ħatriet fis-Servizz Pubbliku fejn il-Prim Ministru huwa obbligat mill-Kostituzzjoni ta’ Malta li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma laqgħetx ir-rakkomandazzjoni ta’ l-Ombudsman fit-tlett każijiet hawn fuq imsemmija.
Kunsilli Lokali — Amministrazzjoni ta' proprjeta' pubblika
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1798, jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li talbu u ngħataw, jew għadhom jistennew li jingħataw, id-delega ta' l-amministrazzjoni ta' proprjeta' pubblika? Xi proprjeta' ngħataw u għalxiex issa qed tiġi wżata? Meta ngħataw din il-proprjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1806.
Billi ftit ilu l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali kien ikkonferma li Malta m'għandhiex statistika aġġornata għas-snin li ilna membri ta' l-UE dwar packaging waste u kemm minnu ġie reused u recycled, kif ukoll li minħabba dan in-nuqqas ġew ikkummissjonati Ernst & Young Ltd biex jiġbru d-data tas-snin 2004-2007, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal dan il-proċess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni fir-rigward tal-packaging waste għal Malta għas-snin 2004-2006.
Fir-rigward ta’ l-informazzjoni għas-sena 2007, bħalissa din qegħda tinġabar u mistennija tkun lesta sa ftit xhur oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-parking spaces tal-visitors' parking area tal-MEPA (quddiem id-dogs' home) huma riservati għall-istaff tal-MEPA?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma hemm ebda post riservat għall-istaff tal-MEPA fil-visitors' parking area. Din l'area tal-parkeġġ tintuża prinċiparjament mill-membri tal-Bordjiet (MEPA u DCC) jew minn karozzi uffiċjali ta’ l-Awtorità.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu fondi mill-Good Causes Fund minn Jannar 2008 sal-lum? Jista' jgħid min ibbenefika minnhom, x'kienet is-somma u r-raġuni għaliex ingħatat din is-somma?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dettalji ta’ l-għaqdiet kollha li ibbenefikaw mill-Fond Għall-Kawzi Ġusti minn Jannar sa Marzu 2008 jinsabu fi tweġiba parlamentari li tajt u li ġġib n-numru 283. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-lista ta’ dawk l-organizzazzjonijiet illi ibbenifikaw mill-1 t’April sal-lum.
B'referenza għat-€ 38 miljun cash grants lil SMEs f'dawn l-aħħar tliet snin, jista' l-Ministru jagħti rendikont detteljat ta' dawk li kollha bbenefikaw (inkluż persuni, ditti u kumpanniji) minn dawn il-grants, x'kien l-iskop tal-grants u d-data ta' l-għotja tal-grant?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont li ngħata bħala assistenza lill-intrapriżi żgħar u medji fl-industrija f’dawn l-aħħar tliet snin ma kienx ta’ €38 miljun iżda ta’ €68.1 miljun. Din l-għajnuna ngħatat kif ġej:
€
Lm
Għajnuna finanzjarja:
8.1 miljun
3.5 miljun
Għajnuna fiskali:
60 miljun
25.8 miljun
Ir-rendikont ta’ kif ingħatat din l-assistenza qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Xi intrapriżi żgħar u medji fl-industrija ħadu wkoll għajnuna finanzjarja fi
training grants
mill-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ. Din tammonta għal €461,952.
L-ismijiet ta’ l-applikanti ma jistgħux jingħataw minħabba l-fatt li din l-informazzjoni hija ta’ natura kunfidenzjali u koperta bis-segretezza taħt l-Artikolu 33 ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Kap. 325 tal-Liġijiet ta’ Malta) kif ukoll taħt l-Artikolu 21 tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-sussidju li preżentement qed jingħata fuq il-prezz taz-zokkor? Meta ser jitneħħa dan is-sussidju?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-sussidju li qed jingħata preżentament fuq il-prezz taz-zokkor huwa għal zokkor li jiġi mportat biex jintuża f’Malta jew bħala parti minn prodott maħdum f’Malta għal pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Din is-sena kien ivarja bejn €160 u €80 kull tunellata.
Għal zokkor li jintuża f’pajjiżi li mhux qegħdin fl-Unjoni Ewropeja is-sussidju din is-sena kien ivarja bejn €1.50 (one euro fifty cents) u €50 kull tunellata.
Skond il-ftehim milħuq ma’ l-Unjoni Ewropeja dan is-sussidju jista’ jibqa’ jingħata sa 2010.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-prattika li sptarijiet/kliniċi privati jikru appart mediku mingħand l-istpar Mater Dei? Jekk teżisti din il-prattika, x'effett tħalli fuq iż-żmien li jkollhom jistennew iċ-ċittadini biex jinqdew fil-Mater Dei? F'liema ħin jiġi mikri dan l-appart, u b'liema rata ta' ħlas, biex ma jħarbatx ix-xogħol f'Mater Dei?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li hemm qbil bejn il-partijiet konċernati kollha (sptarijiet u kliniċi tal-Gvern u privati) li jsir self ta’ apparat mediku mingħajr ħlas mill-ebda parti. Dan isir meta jkun hemm apparat mediku bil-ħsara u bil-kundizzjoni li ma jfixkilx l-operat tal-partijiet rispettivi. Għalhekk din il-prattika qatt ma ħalliet impatt negattiv fuq il-perjodu ta’ żmien li jkollhom jistennew iċ-ċittadini biex jinqdew f’Mater Dei. Għall-kuntrarju, b’dan l-arranġament, f’każ ta’ ħsara fuq xi apparat mediku, iċ-ċittadin ikun jista jinqeda xorta waħda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji li fix-xhur li għaddew suppost irċevew ic-children allowance u baqgħu ma rċevewhx? X'inhi r-raġuni li ma tħallsux dawn il-benefiċċji soċjali?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li sat-30 ta’ Settembru n-numru ta’ applikazjonijiet pendenti għall-Allowance tat-Tfal huwa ta’ 1500. Tajjeb jiġi ċċarat li dawn il-familji diġa rċevew ir-rata fissa ta’ l-Allowance tat-Tfal għal din is-sena, u l-applikazjonijiet pendenti iridu jiġu proċessati biex tiġi stabbilita rata ta’ Allowance tat-Tfal ogħla mir-rata fissa maħduma skond it-test tad-dħul tal-familja.
Id-dewmien biex isir l-assessment ta’ dawn il-każijiet, huwa dovut prinċipali għal fatt li l-applikazzjonijiet ikunu waslu wara d-data ta’ l-egħluq, u/jew d-Divizjoni kienet tinħtieġ dokumenti mingħand l-applikanti biex tkun tista’ tiġi stabbilita r-rata ta’ l-Allowance dovuta u dawn għadhom sal-lum ma waslux għand l-istess Divizjoni. Meta jaslu d-dokumenti meħtieġa l-każ ikun jista’ jinħadem.
Jista' l-Ministru jgħati statistika ta' kemm damu ħajjin l-anzjani tagħna wara li daħlu jgħixu ġewwa home ġewwa r-residenzi tagħna f'dawn l-aħħar ħmistax-il sena? Hemm xi residenża fejn l-anzjani jdumu jgħixu iktar ġo fiha u għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li d-Dipartiment m'għandux l-informazzjoni li qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2358 u1179 li saru lill-Ministru għal Għawdex u lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, peress li r-residenti ta' Triq Fanal, Għasri qed jilmentaw minħabba l-fatt li qed jgħaddu ħafna vetturi b'ċertu veloċità, tista' l-Ministru tara l-possibilità li ssir hump biex jiġi evitat l-perikolu li qed jilmentaw dwaru dawn ir-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li s-suġġeriment ta’ l-Onorevoli Interpellant jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali Għasri, id-dipartiment ikkonċernat għadda dan is-suġġeriment lill-istess Kunsill Lokali. Irrid ngħid li rriżulta li l-Kunsill Lokali ġa kien ħa azzjoni neċessarja sabiex jibda l-proċess kif rikjest skond il-policy.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew meħlusa ċittazzjoniet fis-sena 2007 u 2008 sal-lum, li kienu ġew mogħtija mill-wardens, xahar b’xahar? Fl-liema lokalitajiet weħlu iċ-ċittazjoniet ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi ċ-ċitazzjonijiet kollha li ġew meħlusa, xahar b’xahar, lokalità b’lokalità, permezz tat-Tribunali Lokali fis-sena 2007 u 2008.
Nitlob ukoll lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 2338 fejn hemm elenkat lista ta’ dawk iċ-ċitazzjonijiet kollha li kienu inħafru mill-Bord dwar il-Petizzjonijiet.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2413 u tgħid x'inhuma l-postijiet battala li hemm fid-Divizjoni tal-Edukazzjoni? Meta se jsiru l-ħatriet għal dawn il-postijiet battala għall-kategoriji kollha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li fid-Direttorat Edukattiv hemm dawn il-postijiet battala:
Service Managers 3
Principal Education Officers 6
Education Officers 17
Assistant Heads (Primary) 1
Il-ħatriet isiru fl-iqsar żmien possibli meta joħorġu s-sejħiet għall-applikazjoni u jsir il-porċess tal-għażla.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-iskemi ta’ għajnuna tal-Malta Enterprise għal Malta u għal Għawdex separatament kull sena mill-1999 sal-lum? Kemm kienu u x’kienu l-benfiċjarji ta’ dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament? Kemm intefqu flus kull sena fl-istess perijodu fuq dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi:-
· Id-dokument anness imsejjaħ Amount of Assistance 2005 – 2007 Large and SMEs jiġbor fiħ l-informazzjoni segwenti:
1. L-ismijiet ta’ l-iskemi ta’ għajnuna tal-Malta Enterprise mill-2005 sa l-2007;
2. L-ammont ta’ assistenza mogħtija taħt kull skema f’kull sena mill-2005 sa l-2007;
3. It-total ta’ tliet snin (mill-2005 sa l-2007) ta’ l-ammonti ta’ assistenza taħt kull skema;
4. It-total ta’ l-ammonti t’ assistenza taħt l-iskemi kollha ta’ tliet snin (mill-2005 sa l-2007);
5. In-numru ta’ benefiċjarji (kbar, ta’ daqs medju u zgħar) taħt kull skema f’kull sena mill-2005 sa l-2007;
6. It-total ta’ benefiċjarji taħt l-iskemi kollha.
Dan id-dokument jiġbor fih ukoll informazzjoni dwar ammonti t’ assistenza li ngħatat taħt l-iskema
Industry in Gozo
. Din l-iskema tipprovdi assistenza lill-kumpaniji fl-industrija li joperaw f’Għawdex għal spejjeż ta’ transport bejn Malta u Għawdex taħt l-Artikolu 23 ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Kap. 325 tal-Liġijiet ta’ Malta). Hemm l-ammonti t’ assistenza f’kull sena bejn l-2005 u l-2007 kif ukoll it-total għal dawn it-tliet snin. Hemm ukoll it-total ta’ benefiċjarji li jinkludi impriżi kbar, ta’ daqs medju u zgħar.
Barra mill-iskema
Industry in Gozo
, l-kumpaniji fl-industrija li joperaw minn Għawdex gawdew ukoll minn inċentivi oħra tal-Malta Enterprise bħal
Investment Aid Scheme
,
Trade Fair Promotion
,
Training Grants
(amministrati mill-ETC) u oħrajn.
· Id-dokument anness imsejjaħ Assistenza Fiskali Impriżi Kbar u Zghar jiġbor fih din l-informazzjoni:
1. L-iskemi ta’ għajnuna fiskali tal-Malta Enterprise;
2. L-ammont t’ assistenza li ngħatat taħt kull skema fis-snin 2005 u 2006 lill-impriżi kbar, ta’ daqs medju u
zgħar;
3. In-numru ta’ benefiċjarji taħt kull skema għal dawn is-sentejn.
· Malta Enterprise ilha mwaqqfa mill-2004 u l-informazzjoni li l-Korporazzjoni għandha disponibbli hija miġbura fid-dokumenti annessi.
L-informazzjoni dwar l-għajnuna fiskali li ngħatat matul is-sena bażi 2007 mhix disponibbli minħabba li tali informazzjoni tittieħed mill-formola tat-taxxa tad-dħul. L-intrapriżi huma obbligati li jissottomettu din il-formola tat-taxxa tad-dħul għal sena partikolari sa Ottubru tas-sena ta’ wara. Ir-Regolament 20 tar-Regolamenti tal-Promozzjoni tan-Negozju (Legislazzjoni Sussidjarja 325.06) jippermetti tliet xhur oħra sabiex din il-kopja tal-formola tat-taxxa tad-dħul tingħata lill-Korporazzjoni.
· L-ismijiet ta’ l-applikanti ma jistawx jingħataw – din l-informazzjoni hija ta’ natura kunfidenzjali u koperta bis-segretezza taħt l-Artikolu 33 ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Kap. 325 tal-Liġijiet ta’ Malta) kif ukoll taħt l-Artikolu 21 tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta).
·
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-Valur Miżjud Gross fi prezzijiet bażiċi għal Malta u għal Għawdex separatament fl-1999, fl-2006 u fl-2007? Kemm kien jammonta l-kontribut tad-diversi setturi ta’ l-ekonomija individwalment għal dan il-valur?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-aħħar data fuq il-Valur Miżjud Gross ippublikata mill-NSO hija dik numru 205/2007 Prodott Gross Domestiku Reġjonali: 2000-2006 (ippublikata fit-28 ta’ Diċembru 2007). Din tkopri data sas-sena 2006. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra:
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu s'issa mill-fondi allokati taħt vot kapitali numru X mill-fondi allokati għall-MIP taħt l-item 7210? Kif ġew minfuqa u kemm f'kull każ
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-fondi murija f’Item 7210, Malta Industrial Parks Ltd, ma ntużawx. Il-Malta Industrial Parks Ltd, fil-fatt, tiffinanzja l-operat tagħha, ta’ bini u manutenzjoni ta’ fabbriki li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-MIP Ltd, tramite d-dħul mill-kirjiet ta’ dawn il-fabbriki u faċilitajiet bankarji jekk ikun jinħass il-bzonn.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, kemm kien hemm persuni akkużati bi stupru li:
a.) nżammu taħt
house arrest
b.) nżammu l-ħabs
sakemm instemgħu l-każi tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2408, tista' l-Ministru tgħid f'liema lokalitajiet hemm:
a.) il-klassijiet mhux
streamed
year
5?
b.) il-klassijiet mhux streamed year 6?
u kemm ilhom mhux streamed dawn il-klassijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Systems of Knowledge — lingwa li biha l-istudenti wieġbu l-eżami
Question
Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar sentejn kemm kellna studenti li għażlu li jwieġbu:
a.) bil-Malti
b.) bl-Ingliż
l-eżami tas-Systems of Knowledge tal-MATSEC?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-informazzjoni rikjesta ma tiġix normalment mizmuma mill-MATSEC Support Unit. Għalhekk, tali informazzjoni għas-sena 2007 ma hix referibbli billi l-iscripts ta’ dik is-sessjoni ma għadhomx disponibbli.
Saret riċerka fuq il-karti ta’ l-ezami tal-Oqsma tal-Għerf (Systems of Knowledge) tas-sessjoni ta’ Mejju 2008. kien hemm total ta’ elfejn tlett mija u sitta u ħamsin (2,356) kandidat li applikaw, li minnhom tmenin (80) ma attendwx għall-ezami.
Minn dawn il-kandidati li marru għall-ezami, mija u ħamsa u sebgħin (175) wieġbu l-mistoqsijiet kollha bil-Malti, filwaqt li ħamsa u tletin (35) oħra wieġbu xi mistoqsijiet bil-Malti u oħrajn bl-Ingliz. Il-kumplament wieġbu l-karta kollha bl-Ingliz.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li m'humiex Maltin li jaħdmu fiċ-ċivil? F'liema dipartiment qegħdin u jekk għandhomx kuntratt indefinit? Jista' jgħid kemm hemm ħaddiema mhux Maltin li jaħdmu mal-Gvern b'mod ġenerali? F'liema gradi qegħdin u liema pajjiż fl-Unjoni Ewropea jew barra l-Unjoni Ewropea ġejjin minnu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fis-Servizz Pubbliku hemm 158 ħaddiema li m’humiex Maltin. Dawn huma mqassma hekk:
61 fuq kuntratt definit,
66 fuq kuntratt indefinit, u
31 għandhom xi tip ta’ ħatra oħra.
Id-dettalji kollha ta’ dawn l-impjegati kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant jidhru fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra.