Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta' l-ajru bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2392 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzoni u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar servizz ta’ l-ajru mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta għal Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-link bl-ajru bejn Malta u Għawdex hi permezz tas-seaplane bejn il-Port il-Kbir u l-Port ta’ l-Imġarr, Ghawdex. Ma hemmx pjanijiet immedjati fir-rigward tas-suġġett partikulari li hu riferut fil-Mistoqsija Parlamentari.

Għawdex — Ġgantija - Rijabilitazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar u kemm intnefqu flus matul l-2007 u matul din is-sena separatament għar-rijabilitazzjoni tal-Ġgantija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li Heritage Malta għandha programm kontinwu ta’ konservazzjoni, tisbiħ u rijabilitazzjoni fit-Tempji Megalitiċi tal-Ġgantija u siti oħrajn f’Għawdex. Dan ix-xogħol qed isir kemm minn fondi Ewropej, bħala parti minn sponsorship tal-Vodafone Malta Foundation u minn fondi interni ta’ Heritage Malta. Fl-2007 saret il-kostruzzjoni ta’ interim ticket booth u museum shop qrib id-daħla tal-Ġgantija. Beda jitneħħa l-ħajt tal- concrete li nbena fl-1957 u nbena ħajt baxx tas-sejjieħ minfloku. Dan ix-xogħol tlesta matul din is-sena. L-ispejjeż totali għas-sena 2007 kienu ta’ €26,700. F’Settembru 2007 Heritage Malta issottomettiet applikazzjoni għall-fondi reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea (ERDF), proġett li jinkudi €3.1miljun Ewro għall-Ġgantija. Il-proġett ikopri studji xjentifiċi u strutturali fuq it-Tempji, il-bini ta’ ċentru għall-vizitaturi, Mużew tal-Preistorja, kif ukoll tisbieħ ta’ l-inħawi ta’ madwar it-Tempji biex dawn jistgħu jiġu mgawda bħala Heritage Park . Aktar kmieni din is-sena ġie mwaħħal railing quddiem it- ticket booth għall-kontroll aħjar tal-viżitaturi. Il-passaġġ ta’ mad-dawra tat-Tempji ġie spostat b’tali mod li l-viżitaturi jżommu aktar ’il bogħod mill-istrutturi megalitiċi u b’hekk tissaħħaħ il-preservazzjoni tat-Tempji. Għaddej ukoll xogħol ta’ tisbiħ fl-għelieqi ta’ madwar it-Tempji fejn ġew imħawwla numru sostanzjali ta’ siġar u pjanti indiġeni. Dan ix-xogħol qed isir bi ftehim mal- Gaia Foundation . Qed isir ukoll xogħol strutturali fuq il- Finds Hut fl-inħawi tal-Ġgantija, fejn hemm miġbur materjal arkeoloġiku mill-iskav taċ-Ċirku tax-Xagħra ( Brochtorff Circle ). L-ispejjeż li intefqu s’issa din is-sena huma ta’ €6100. Ħafna mix-xogħol strutturali u ta’ tisbiħ sar mill- maintenance team tas-sezzjoni t’Għawdex fi ħdan Heritage Malta .

Għawdex — Estensjoniji tal-fdalijiet fil-portijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar u kemm intnefqu flus matul 2007 u matul din is-sena separatament fuq l-estensjoni tal-fdalijiet fil-portijiet f'Għawdex biex ikunu jistgħu jidħlu cruise liners f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega x'ifisser bil-frażi "l-estensjoni tal-fdalijiet".
Leg 11 PQ #3098 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — titjib tas-sistema tal-ġbir ta' l-ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar u kemm intnefqu flus matul l-2007 u matul din is-sena separatament għat-titjib tas-sistema tal-ġbir ta' l-ilma tax-xita għall-użu fl-agrikoltura f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li matul is-sena 2007 u 2008 ma kienx hemm inizjattivi speċifiċi għat-titjib tas-sistema tal-ġbir ta' l-ilma f'Għawdex u li l-Ministeru qiegħed jaħdem biex ikollu pjan integrat f'dan ir-rigward.

Gozo Channel — Poloz ta' Insurance

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm ħalsu flus f’poloz ta’ insurance il- Gozo Channel fis-snin finanzjarji tagħha 2005/2006, 2006/2007 u 2007/2008? Jista’ jgħid kemm poloz ta’ assigurazzjoni kien hemm u kemm hemm illum? Kemm hu l-pagament fuq kull waħda mill-poloz?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3127 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi dwar l-Ambjent

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 2151 u 1857 u jagħti d-dettalji kollha dwar kif qed jiġu implimentati l-provizjonijiet kollha minn Taqsima VIII ta' l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent fir-rigward tal-Fond dwar l-Ambjent? Jista' jipprovdi d-dettalji kollha dwar il-qagħda finanzjarja ta' dan il-fond u dwar kif dawn il-fondi qed ikunu amministrati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Marsa Power Station

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Gvern għandu kull ħsieb li jagħlaq il-Marsa Power Station saż-żmien stipulat ta' tmiem Diċembru 2015?

Response (GATT, AUSTIN)

Nikkonferma li l-impjant tal-Marsa Power Station irid jingħalaq sal-2015 jew wara 20,000 siegħa t’ operazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2008.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tas-Sinjura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għamlet applikazzjoni taħt l-iskema R u li huwa każ ċar li din għandha tingħata kull għajnuna kif mitluba fl-applikazzjoni għaliex hi ma tistax tikri post ieħor alternattiv kif deskritt fir-risposta tal-Housing Authority tat-2 ta' Lulju, 2008, "up to standard"?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-klawsola 5 tal-kunidzzjonijiet dwar Skema R ta’ l-Awtorita tad-Djar li tgħid: Persuna tikkwalifika biex tapplika għal sussidju fuq il-kera taħt din l-iskema, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:- (2) (a) il-fond ikun fi stat tajjeb ta’ tiswija u f’kundizzjoni abitabbli. L-Awtorita’ iżżomm id-dritt li tivverifika dan l-istat. Ninsab infurmat li, mill-ispezzjoni li saret mit-tekniċi ta’ l-Awtorita’, irriżulta li l-post suġġett ta’ l-applikazzjoni ma kienx jissodisfa din il-kundizzjoni u għalhekk il-persuna ndikata ma tistax tikkwalifika għas-sussidju fuq il-kera.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Ċifri tas-safar fl-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Minstru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2526 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Ċifri tas-safar fl-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Minstru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2527 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kient fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3139 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ċifri tas-safar fl-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Minstru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2524 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3158 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar Mater Dei — Ħlas mill-aġenti ta' l-assigurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2554 u jgħid kemm hemm pazjenti Maltin li jħallsu polza privata tas-sigurtà tas-saħħa qed jiġu mħajra mill-istess aġenziji ta l-assigurazzjoni tagħhom biex jagħmlu użu mis-servizzi ta' Mater Dei? Jaf li talli l-pazjent jmur Mater Dei l-aġenzija tippremjahom b'somma nominali ta' flus li hi wisq anqas mill-ammont li kieku kien ikollha tħallas l-aġenzija kieku l-pazjent jagħmlu użu minn xi sptar jew klinika privata? Iħoss il-Ministru li din hija prattika inġusta u abbuż mis-sistema tas-saħħa kemm a skapitu tal-Gvern li ma jdaħħal xejn mill-aġenżiji għall-ispejjeż li jagħmel il-Gvern, kif ukoll a skapitu tal-kliniċi u sptarijiet privati? Iħoss li din il-prattika għandha tiġi mwaqqfa immedjatament anke permezz ta' liġi li tipprojbixxi dan l-abbuż?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern jipprovdi s-servizzi tas-saħħa lil kulħadd, irrispettivament jekk il-persuna jkollhiex polza ta’ assigurazzjoni jew le. Il-proċeduri u / jew regolamenti dwar l-operat ta’ kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru tiegħi. Għalhekk huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #3159 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Ċifri tas-safar fl-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Minstru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2528 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali għas-safar, barra mill-Unjoni Ewropea, bejn Jannar u Settembru 2008 mill-Ministeru, Dipartimenti u entitajie li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi kienet ta’ €126,767.85. Dik ta’ safar fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ €270,943.76. Ninsab infurmat ukoll li din l-aħħar ċifra tinkludi element ta’ rifużjoni ( re-imbursement ) li saret jew li għad trid issir mill-Unjoni Ewropea.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sports — Ċifri tas-safar fl-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Minstru twieġeb mistqosija parlamentari 2530 u tgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-nefqa globali ta’ safar governattiv minn entitatjiet f’dan il-Ministeru hi ta’ €191,658.11 għal safar barra mill-Unjoni Ewropea u € 358.865.19 għal safar fl-Unjoni Ewropea. In-nefqa globali mill-Universita’ tammonta għal € 255,257.03.

Toqob għall-ilma tax-xita

Question

B'referenza għat-tweġieba għal mistoqsija parlamentari 2331, jista' l-Ministru jindika fuq pjanta l-partijiet fejn hemm it-toqob għall-ilma tax-xita fil-parti tat-triq li ndikajt? Jista' fl-istess ħin jagħti indikazzjoni ta' fejn suppost qed jispiċċa l-ilma tax-xita li jgħaddi minn dawn it-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tlett ritratti u pjanta. Ninsab infurmat li l-ilma jispiċċa fis-Salini.
Leg 11 PQ #3165 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Proċeduri għall-persuni li jkunu qed jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-proċedura li permezz tagħha, persuni li jkunu qed jirreġistraw jiġu attached ma' entitajiet governattivi fosthom mal-kunsilli lokali, għall-perjodu ta' żmien biex jagħmlu xogħol f'dawn il-kunsilli? X'inhi r-raġuni li mbagħad dawn il-persuni, anke jekk ikunu għamlu xogħol tajjeb ħafna, lanqas biss ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għal impjieg ma dak il-kunsill, għaliex ma jkollhomx per eżempju "O" levels?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Korporazzjoni tax- Xogħol u Taħrig għandha skemi, bħal ma huma l- Work Start Scheme u l- Job Experience Scheme (liema skema hija iffinanzjata mill- Fondi Socjali Ewropej) biex, waqt li jkunu qed ifittxu mpjieg, persuni jakkwistaw esperjenza ta’ xogħol. Dawn l-iskemi ta’ esperjenza ta’ xogħol huma maħsuba biex wieħed ikompli jikseb ħiliet u jtejjeb il- prospetti tiegħu għax-xogħol. Biex Kunsill Lokali jimpjega n-nies, hemm proċeduri u proċessi stabbiliti li huma differenti u separati minn skema ta’ esperjenza ta’ xogħol. Il-Kunsill irid jagħmel talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig, fejn jispeċifika il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa, biex jiġu referuti nies minn fuq ir-reġistru li għandhom dawn il-kwalifiki. Dan skond l-Att dwar Servizzi ta’ Impieg u Taħriġ. Persuni li jsegwu skema ta’ taħriġ jew esperjenza ta’ xogħol mal-Korproazzjoni ma jistgħux isiru impjegati tal-Kunsill mingħajr ma jgħaddu minn dan il-proċess.

Nefqa tal-gvern f'delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa t-total li nefaq il-Gvern f'Dar Malta? Kemm nefaq f'delegazzjonijiet li telgħu minn Malta għall-Brussell u Lussemburgu relatati ma' xogħol tal-Unjoni Ewropea minn Mejju 2004 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3186 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Interim From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ammont ta' flus mill-aħħar trattat mal-Italja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali li Malta rċiviet mill-aħħar trattat li kellha mal-Italja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3187 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Social worker li ma żaritx lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' żewġ anzjani indikati separatament li għandhom 'l fuq min 82 sena peress li filwaqt li għal dan l-aħħar xahar, is-social worker kienet qed tgħidilhom li ser iżżurhom, baqgħet ma marritx?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li ż-żewġ anzjani li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant sarilhom l-assessment u l-każ ser jidher quddiem il-Bord.
Leg 11 PQ #3188 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reuse and Recycle of Packaging Waste

Question

Billi ftit ilu l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali kien ikkonferma li Malta m'għandhiex statistika aġġornata għas-snin li ilna membri ta' l-UE dwar packaging waste u kemm minnu ġie reused u recycled, kif ukoll li minħabba dan in-nuqqas ġew ikkummissjonati Ernst & Young Ltd biex jiġbru d-data tas-snin 2004-2007, jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2271 u jgħid fiex wasal dan il-proċess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2271.