Legislature:
Category:
Reset
Active:

Abitanti fiż-Żurrieq imressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni reġistrati bħala abitanti taż-Żurrieq li ġew imressqa quddiem il-Qorti akkużati b’reati kriminali f’dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.

Irranġar ta' Gallarija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2567 u jgħid jekk gallarija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi stat perikoluż u li għandha valur storiku, min għandu d-dritt li jirranġaha jekk hux il-Gvern, jekk hux is-sid jew jekk hux għaqdiet ambjentali biex ma jintilifx il-preġju storiku tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-gallarija li qed jirreferi għaliha l-Onor Membru hija proprjetà privata. Sadanittant, it-Taqsima tar-Restawr qed tara tistax tintervjeni, wara li rċeviet talba biex tagħmel dan mill-Onor Jason Azzopardi, xi xahrejn ilu.

Ta' Qali — Villaġġ tal-Artiġjanat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2827 u jgħid kemm hemm negozji fil-villaġġ il-ġdid ta' l-artiġjanat ġewwa Ta' Qali? Kemm qed jimpjegaw nies dawn in-negozji? Kemm kien l-investiment tal-Gvern? Kemm minnhom huma fondi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 878.

Unjoni Ewropea — Żoni Industrijali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2826 u jgħid kemm kienet in-nefqa matul din is-sena biex jitjiebu ż-żoni industrijali għall-intrapriżi ż-żgħar? Fejn sar dan ix-xogħol u kemm ġie jiswa f'kull każ separatament? Kemm kienu l-fondi li ġew mill-Unjoni Ewropea għal dan l-iskop?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2826.

Liġi għall-promozzjoni ta' l-Industrija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2823 u jgħid liema kienu l-inizjattivi li ġew introdotti matul din is-sena li joħorġu mil-Liġi għall-Promozzjoni ta' l-Industrija? Kemm kienet din l-ispiża u fiex kienet tikkonsisti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2823.

Raħal Ġdid — Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3114 u jara li minnufih tiġi investigata s-sistema tad-drenaġġ fis-suq tar-Raħal il-Ġdid peress li din qegħda tfur u litteralment tgħarraq il-ħwienet li hemm fis-sular t'isfel?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li ninsab infurmat li din hija problema tas-sistema nterna tad-drenaġġ tal-flats tal-Housing (Block A – Arcade Street) li jinsabu fuq il-ħwienet, nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Litter Act — Kontravvenzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3209 u 3029 u jgħid kemm kien hemm kontravenzjonijiet tal-'Litter Act' f'Għawdex matul Awwissu u Settembru? Minn dawk li ġew imħarrka, kemm kienu: i) residenti f'Għawdex? ii) residenti f'Malta? iii) barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Eżami tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna resqet għal eżami tas-sewqan, kategorija b'kategorija, xahar b'xahar din is-sena? Kemm m'għaddewx minn dan l-eżami? Kemm baqgħu m'għaddewx għal aktar minn darba, u għal kemm-il darba ġara dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Medicina Sparine

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha nieqsa l-mediċina Sparine mill-istock tal-ispiżerija tal-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Promazine 25 mgs kienu out of stock minħabba li kien hemm problemi ta’ manifattura ta’ dawn il-pilloli. L-ewwel konsenja diġa waslet għand id-Dipartiment tal-Procurements u intbagħet lill-iSpizerija ta’ l-iSptar Mater Dei fil-15 ta’ Ottubru li għadda. Konsenja oħra waslet din il-gimgħa u ser titqassam fl-ispiżerji taċ-Ċentri tas-Saħħa u tal-POYC.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol kollu fil-bypass ta' San Pawl il-baħar b'mod li din it-triq tinfetaħ kompletament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ toroq relatat mall-bini tal-By Pass ta’ San Pawl il-Baħar huwa komplut għajr għall xoghol ta’ tibdil ta’ parti mill-wiċċ li qed isir bħalissa fuq partijiet mit-triq wara li testijiet magħmula fuq l’istess wiċċ irriżultaw fin-negattiv. Dan ix-xogħol għandu jkun lest sa l-ewwel ta’ Novembru 2008. Il-“lane” ta’ ġewwa ta’ parti mill-karreġjata fid-direzzjoni ta’ Burmarrad huwa lest izda temporanjament magħluq għat-traffiku peress li hemm xogħol ta’ irfid għaddej wara li kien sar xi skavar illegali minn terzi li kkomprometta l’isabilta’ kemm tat-triq kif ukoll ta’ xi propjetajiet adjaċenti. Dan ix-xogħol qed jiġi esegwit minn terzi fil-propjeta’ tagħhom u l- “lane” ġie magħluq temporanjament bħala prekawzjoni sabiex tiġi evitata ħsara fit-triq li tlestiet reċentament. Għaldaqstant huwa mbassar li l-“bypass” tinfetaħ kompletament għat-traffiku meta dan ix-xogħol jiġi konkluż u ċċertifikat.

Bridge Manwel Dimech — Ċertifikazzjoni tal-ħadid

Question

B'riferenza għall-allegat nuqqas fiċ-ċertifikazzjoni tal-ħadid li ntuża fil-Bridge Manwel Dimech, jista' l-Ministru jgħid x'testijiet qiegħda tagħmel jew se tagħmel l-ADT sabiex taċċerta li l-bridge hu b'saħħtu biżżejjed sabiex jiflaħ il-piż li ġie ddisinjat għalih?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT għandha konferma mingħand is-Supervizuri illi saru kalkoli strutturali minn naha tal-istess Supervizuri bbazzati fuq ir-rizultati tal-post tensioning bil-mod kif ġie ezegwit waqt ix-xogħol. Minn dawn il-kalkoli, is-Supervizuri ikkonfermaw illi l-Pont għandu s-saħħa biex jiflaħ it-traffiku li ġie ddissinjat għalih. Minbarra hekk, saret spezzjoni fuq l-istruttura tal-Pont skond l-Istandard DIN 1076 li huwa Standard Ġermaniż bl-isem “Highway Structures – Testing and Inspection”, li wkoll ikkonferma dan.

Bonds ta' Leeham Brothers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellhom bonds il-BOV p.l.c. u l-HSBC Bank Malta p.l.c jew kumpanniji subordonati jew assoċjati magħhom tal-Leehman Brothers fl-ewwel ta' Jannar 2008 u kemm kien il-valur ta' dawn il-bonds, u jista' jgħid x'tip ta' bonds kienu dawn? Jista' l-Ministru jgħid kemm kellhom bonds ta' Leehman Brothers l-istess banek u kumpanniji assoċjati magħhom fil-15 ta' Lulju 2008 u kemm kien il-valur tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid kemm biegħu mill- bonds tagħhom il-banek fuq imsemmija fil-kwalità tagħhom ta' stock brokers lill-klijenti rispettivi tagħhom fil-perijodu fuq indikat, u x'kien il-valur ta' dawn il- bonds u x'tip ta' bonds kienu; jekk kinux per ezempju straight bonds jew subordinated bonds ? Jista' l-Ministru jispjega il- bonds mibjugħa mill-BOV p.l.c. fil-perijodu ta' bejn l-1 t'April 2007 u l-1 ta' Lulju 2007 kenux bonds propjetà tal-bank jew kenux xi subscription ġdida maħruġa mill-Leehman Brothers? Jista' l-Ministru jispjega jekk il- bonds imsemmija mibjugħa f'dan il-perijodu indikat kenux straight bonds jew subordinated bonds ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din il-materja diġa kienet suġġett ta’ statements uffiċċjali tal-gvern reċentement f’dan ir-rigward. Ninsab infurmat li hekk kif tħabbar il-falliment ta’ Lehman Brothers fil-15 ta’ Settembru, kemm l-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kif ukoll il-Bank Ċentrali kienu ħadu passi sabiex ikunu infurmata b’kemm titoli (securities) jew strumenti finanzjarji oħra kienu f’idejn istituzzjonijiet finanzjarji liċenzjati f’Malta, sew fil-qasam bankarju, sew ta’ l-assigurazzjoni kif ukoll fil-kamp ta’ servizzi ta’ investiment. Bħalma jaf l-Onorevoli Membru, l-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u l-impjegati tagħha jittrattaw kull informazzjoni li tinkiseb waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bħala konfidenzjali u m’għandhomx, la direttament u lanqas indirettament, jikxfu dik l-informazzjoni lil ebda persuna oħra. Għaldaqstant, mhux il-kaz illi jingħataw dettalji dwar istituzzjonijiet speċifiċi, inklużi dawk imsemmija fil-mistoqsija. Dan japplika wkoll għall-Bank Ċentrali u l-impjegati tiegħu. Tajjeb jingħad, iżda, illi dawk l-istituzzjonijiet illi għandhom l-ishma tagħhom fuq il-Borża ta’ Malta għandhom obbligi stretti skont il-Listing Rules tal-Borża li jippublikaw informazzjoni dwar fatti li jistgħu jaffettwaw il-prezz ta’ l-ishma u li ma tkunx informazzjoni pubblika. Huwa magħruf illi l-Bank of Valletta ħareg company announcement l-għada li tħabbar il-falliment ta’ Lehman, u fih spjega li l-portafoll tal-Bank fih holding ta’ Senior (non-subordinated) Lehman paper. Il-Bank spjega wkoll illi, għalkemm għadu kmieni biex tgħid kemm jista’ jiġi rkuprat minn dan il-holding, huwa mifhum illi kwalunkwe telf li jista’ jirrizulta minn dan il-holding għandu jkun modest fil-kuntest tar-riżultati tal-Bank għas-sena finanzjarja sa issa. Ma jiniex f’posizzjoni li nagħti d-dettalji ulterjiri li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant.

Budget allokati għat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlametari 2873, 2122, 1584 u 1091 u jgħid kemm mill-budget allokat għat-toroq ġodda u għal irranġar ta' toroq għas-sena 2008 ġew komessi? Kemm tħallsu u x'baqa' x'jitħallas? Kemm hemm penalitajiet għal xogħol li sar ħażin jew tard?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-budget allokat għat-toroq ġodda u għall-irranġar ta’ toroq għas-sena 2008 ġew komessi Eur15,426,810 li minnhom tħallsu Eur8,031,778. Mill-ammont li ġie kommess fadal x’jitħallas Eur7,395,032. Rigward penalitajiet u rimedji oħra kien hemm tliet każi:- Hal-Far Road – €15,414.79 - bankina ħażina Triq l-Avjazzjoni Civili Luqa – €406.94– rati mhux approvati San Pawl il-Baħar – fejn kien hemm ħazin inbidel jew qiegħed jinbidel bħalissa.
Leg 11 PQ #3461 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Parroċa ta' Ħat-tarxien — permess

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 2869, 2172 u 1907 u jara li jitmexxa l-permess tal-Parroċċa ta' Ħal-Tarxien fuq lanterna u faċċata li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid għaliex il-permess għadu ma ħariġx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ applikazzjonijiet (PA 7090/06 u PA 7091/06) jirreferu għar-restawr fuq il-faċċata tal-knisja parrokkjali ta' Ħal Tarxien u anke fuq il-lanterna tagħha. Minħabba n-natura sensittiva tax-xoghol marbut speċifikament mal-lanterna ntalab studju dettaljat dwar il-metodoloġija tal-konservazzjoni. Dan l-istudju ntalab mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Iżvilupp u sussegwentement ġie analizzat mid-Direttorat fi ħdan il-MEPA. Irriżulta li kien hemm bżonn ta' aktar tagħrif, u għalhekk, fit-12 ta' Ġunju 2008, intbagħtu żewġ ittri identiċi lill-Perit taż-żewġ applikazzjonijiet sabiex jissottometti dan it-tagħrif, liema tagħrif wasal l-Awtorità fis-16 ta’ Settembru, u l-kontenut tiegħu ġie eżaminat fis-16 ta’ Ottubru. Issa l-applikazzjonijiet reġgħu ġew riferuti lill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp għad-decizjoni.
Leg 11 PQ #3483 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Ħaddiema impjegati part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema impjegati fuq bażi part-time mal-entitajiet governattivi? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk il-ħaddiema li ilhom part-time għal iktar minn tliet snin u jekk hemmx xi ħsieb li dawn jiġu ingaġġati full-time?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Ħaddiema impjegati part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema impjegati fuq bażi part-time mal-entitajiet governattivi? Tista' tgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk il-ħaddiema li ilhom part-time għal iktar minn tliet snin u jekk hemmx xi ħsieb li dawn jiġu ingaġġati full-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata aktar tard.
Leg 11 PQ #3485 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema impjegati part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema impjegati fuq bażi part-time mal-entitajiet governattivi? Tista' tgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk il-ħaddiema li ilhom part-time għal iktar minn tliet snin u jekk hemmx xi ħsieb li dawn jiġu ingaġġati full-time?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata aktar tard.
Leg 11 PQ #3493 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Apparat eco friendly

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri ħa l-Ministeru f'dawn l-aħħar tliet snin biex l-istess bini tal-ministeru jkun eco friendly? Kemm swiet kull ħaġa magħmula? Hemm kontijiet pendenti għar-rigward l-istallar ta' apparat eco friendly? Jekk fl-affermativ kemm ilhom pendenti l-kontijiet, għalxiex u lil min?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li matul l-aħħar tlett snin ġiet installata sistema fotovoltaika fiċ-Ċentru Amministrattiv li swiet Euro 60,198 u sitt Air Conditioners (Klassi A ta' effiċjenza) li swew Euro 4355.92 u li minn dawn hemm ammont ta' Euro 1840.20 lli għadhom mhux mħallsa minħabba li d-dipartment rispettiv qiegħed jistenna xi dokumenti mingħand id-ditta li għamlet l-istallazzjoni.
Leg 11 PQ #3494 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Wied il-Mielaħ — xogħol fuq il-main tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ser jibda x-xogħol fuq il-main tad-drenaġġ biex tiġi indirizzata l-problema tad-drenaġġ li għadu qed jintefa f'Wied il-Mielaħ? Kemm hija stmata l-ispiża għal dan ix-xogħol?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li x-xogħlijiet tad-drenaġġ huma responsabilta' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.