B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 218 fejn sar magħruf li l-Ministeru tax-Xogħlijiet flimkien mal-MTA qed iħejju programm ta' xogħlijiet biex issir re-paving ta' bankini fiż-żoni kummerċjali, jista' l-Prim Ministru bħala Ministru tat-Turiżmu jgħid x'inhu l-l-ippjanar tal-gvern għal re-paving tal-bankini fix-xatt ta' Tas-Sliema, Triq Bisazza u Triq it-Torri?
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tenders għal diversi proġetti li suppost ikunu iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea hux qegħdin jinħarġu skond il-programm imħejji mill-Gvern Malti?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret mill-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex fuq kotba ġodda għall-libreriji lokali skond il-ftehim bejn il-kunsilli lokali u d-dipartiment tal-libreriji? Jista' jagħti dan it-tagħrif mis-sena 1999 meta daħal fis-seħħ il-ftehim ta' koperazzjoni?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ried ifisser fid-diskors tal-budget meta qal "żewġ proġetti pilot għat-tfassil ta' strateġiji ta' żvilupp sostenibbli fuq livell lokali"?
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema entità/dipartiment/awtorità se tmexxi l-award 'Local Council Green Challenge'? L-assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali se tkun involuta? X'inhuma l-kriterji li se jintużaw għal dan il-Local Council Green Challenge Award?
Jista' l-Prim Ministru jgħid l-€4 miljun li se jibdew jieħdu l-kunsilli lokali f'żieda fl-appoġġ finanzjarju, kif se titħaddem is-sistema u kemm se jieħdu kull lokal?
Kif ġie rrappurtat fid-diskors tal-Budget 2009 li se jsir restawr fis-swar tal-Belt Valletta, l-Birgu, l-Imdina u ċ-Ċittadella għaliex mhux se jsir l-ebda restawrar fuq is-swar ta' l-Isla u Bormla li ftit minnhom jinsabu f'kondizzjoni ħażina ħafna, speċjalment is-swar taħt il-Gardjola ta' l-Isla? X'passi se jieħu l-gvern biex s-swar ta' Bormla u l-Isla jiġu restawrati? Kemm hu proġettat li se jiġi jiswa dan il-proġett tar-restawr fuq is-swar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 2931. Dwar it-tieni parti jien infurmat li r-Restoration Unit għamlet numru ta’ xoghlijiet ta’ restawr fis-snin li għaddew fuq is-swar ta’ l-Isla, inkluż il-Bastjun ta’ San Mikiel u Bieb Sant’Anna) u tas-Santa Margherita Lines fl-inħawi ta’ St Helen’s Gate, inklużi r-restawr ta’ dan il-Bieb prinċipali. Tħejjew wkoll numru ta’ studji fotogrammetriċi għal interventi ta’ restawr fuq il-Ponta ta’ Isla (Senglea Point Bastion - the Spur) u il-Fleur d’Eau Battery ta’ Grunenburgh li tinsab immedjatament taħt is-sur imsemmi.
Jien infurmat li l-proġetti ta’ restawr taħt il-kappa tal-ERDF huma stmati li se jiswew € 39.8 miljun.
Jista' l-Ministru jgħid fejn mistennija joħorġu il-150 post għall-bejgħ, lokal b'lokal? Kemm hu n-numru f'kull lokal? Kemm mistenni ikun l-average price ta' kull unit biex jinbena? Kemm hu mistenni li jinbiegħ l-average price ta' kull unit qabel is-sussidju?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-Awtorita' tad-Djar qegħda fil-proċess li tiffinalizza l-iskeda ta' din l-iskema li ser tiġi varata fil-ġimgħat li ġejjin. Id-dettalji jiġu mogħtija meta din l-iskeda tiġi varata.
Fid-dawl ta' diskors tal-budget 2009, jista' l-Ministru jgħid liema awtorità/dipartiment ser imexxi l-iskema speċjali ta' darba għar-restawr tal-faċċati ta' binjiet residenzjali? Min hu intitolat biex jibbenifika minn din l-iskema? Id-djar domestiċi/residenzjali biss jew anke binjiet kummerċjali? Min hu inkwilin, jista' japplika għal din l-iskema? Jekk wieħed ibiegħ id-dar li fuqha ibbenefika minn din l-iskema jrid bilfors irodd lura il-flus? Post li hu mibni mhux skond il-permess jew li għandu l-aluminium fil-faccata u dan l-istess post jinsab fil-qalba tal-bliet jew village core (fejn dan skont il-policy tal-MEPA mhux suppost) ikun jista' jibbenefika minn din l-iskema?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1450, fejn il-MEPA allegat li m'għandha l-ebda ħjiel li kien hemm it-taraġ li ssemma f'dik il-mistoqsija rispettiva, għaldaqstant qed inwassal lill-MEPA ritratt tat-taraġ li kien jeżisti u li qed jidher separatament. Jista' l-Prim Ministru jara li l-MEPA tindika għaliex twaqqa' dan it-taraġ u għalhekk jara li dan it-taraġ jerġa' jinbena biex jitnaqqas l-inkonvenjent li hemm fil-preżent fejn min irid jgħaddi minn naħa għal oħra llum irid jgħaddi minn slipways perikolużi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li ġie provdut ir-ritratt mill Onorevoli Interpellant, setgħet issir investigazzjoni iżjed dettaljata fejn fil-fatt jirriżulta dan li ġej.
It-taraġ qadim muri fir-ritratt kien fil-fatt demolit minn terzi minħabba l-istat perikoluż li kien jinstab fih. Dan it-taraġ reġa’ nbena mill-ġdid ftit wara mingħajr ma ġie mitlub permess. Iżda wara li ġiet ipproċessata applikazzjoni ta’ żvilupp sottomessa mill-istess persuna li bnit it-taraġ u li kienet applikat biex isir xi xogħol fil-'
boathouses
' sottoposti, il-Kummissjoni dwar il-Kontrol ta’ l-Iżvilupp (DCC) ordnat li dan it-taraġ (illegali) irid jitwaqqa' qabel jinħareġ il-permess mitlub mill-applikant.
It-taraġ in kwistjoni fill-fatt twaqqa’ fil 28 ta' Frar, 2008 fejn allura setgħa jinħareġ il-permess mitlub (PA 3655/05) skond id-deċiżjoni meħuda.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3372 u 2565 u jara li jsir bus shelter fi Triq Żejtun/Church Street Tarxien li issa li ser tibda x-xita lanqas jkun hemm fejn jistkennu n-nies? X'inhu jżomm il-Gvern li dan isir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-twaqqif ta’ l-bus shelter fit-Triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hi fir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali Tarxien.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha tieħu flus ta' bejgħ ta' post mingħand id-Dipartiment ta' l-Artijiet u li dan il-bejgħ sar fl-2005, minkejja li d-dipartiment dejjem jgħidulha li ser tirċievi l-flus, għadda ż-żmien u ma rcevit xejn?
Jista' l-Prim Ministru jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma ġietx rifuża lura l-multa li kienet ġiet ikkundannata tħallas mit-tribunal ta' San Pawl il-Baħar meta dan kien appella u kien ġie liberat mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta)?
Jaf li din il-persuna ilha tikteb konsistentement lill-awtoritajiet kollha konċernanti iżda qatt ma ħadet risposta. Jidhirlu li b'hekk din il-persuna ġiet misruqa mill-Gvern u li għandu jintervjeni immedjatament sabiex issir ir-rifużjoni neċessarja?
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fil-ħsieb tal-gvern li jwessa' Triq Ramija s-Siġġiewi, meta din inbniet aktar minn 30 sena ilu u sal-lum dan it-twessiegħ baqa' ma seħħx? Jista' jara li l-familja li l-proprjetà tagħhom tista' tkun milquta minn dan il-proġett tingħata risposta min-naħa tal-Awtorità dwar it-Trasport dwar jekk għadx hemm dan il-ħsieb jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara l-każ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? Għalfejn ċertu każijiet qed idumu ma jiġu appuntati?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-każ li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant ġie ppreżentat fis-26 ta' Awwissu 2008, jiġifieri fil-vakanzi tas-sajf. It-Tribunal reġa’ beda jiltaqa' f'Ottubru u, kunsidrat il-perjodu ta' 20 ġurnata għall-pre-avviż lill-kontro-parti, l-ewwel dehra ġiet appuntata għall-15 ta' Diċembru 2008.
Ninsab infurmat ukoll li l-każijiet li jkunu presjeduti minn
Chairman
waħdu jiġu appuntati fi żmien raġjonevoli ħafna u ma jidhirx li hemm xi każijiet li qed idum iktar minn oħrajn biex jiġu appuntati għall-ewwel dehra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal sisa l-Gvern minn fuq xiri ta' żejt (petrol, diesel u pitrolju) fis-snin 2004, 2005, 2006 u 2007? Kemm huwa maħsub li jdaħħal sisa fis-sena 2008 fuq dawn il-prodotti? X'inhu l-persentaġġ tas-sisa li l-Gvern idaħħal fuq ix-xiri taż-żejt minn barra l-pajjiż? Jista' jgħid jekk dan il-persentaġġ huwiex beħsiebu jċaqalqu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
(a) Is-sisa li daħħal il-Gvern fuq xiri ta’ żejt (petrol, diesel u pitrolju) fis-snin 2004,
2005, 2006 u 2007 hija kif ġej:-
2004
2005
2006
2007
Lm
Lm
Lm
Lm
PETROL
11,913,908
11,678,507
15,289,862
18,195,695
DIESEL
11,831,938
12,131,025
14,318,759
19,883,457
PITROLJU
56,511
237,866
278,333
257,941
b) Sa l-aħħar ta’ April 2008, il-Gvern daħħal
€26,392,867
bħala sisa fuq dawn il-
prodotti.
Għalhekk huwa maħsub li fis-sena 2008 il-Gvern jista’ jdaħħal sisa ta’ bejn wieħed u ieħor €80 miljun fuq il-prodotti msemmija hawn fuq.
c) Ir-rati ta’ dazju tas-sisa (li huma speċifiċi u mhux
ad valorem
jew persentaġġ) li l-Gvern idaħħal fuq ix-xiri taż-żejt minn barra l-pajjiż huma kif ġej:-
PETROL
€404.38/Lm173.60 kull 1000 litru
DIESEL
€332.40/Lm142.70 kull 1000 litru
PITROLJU
€332.40/Lm142.70 kull 1000 litru
d) Deċiżjonijiet fiskali jittieħdu f’ambitu ta’ tfassil ta’ Budget.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1743 u 1379 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttur, Transport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti time frame meta sejjer jibda x-xogħol ta' asfalt fi Triq Ta' Mlit, fil-Mosta li tinstab wara l-ground tal-football, liema triq tinstab fi stat ħażin ħafna u qed tikkawża ħsarat fil-vetturi tar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ re-surfacing li hemm bżonn isir f’din it-triq huwa responsabbiltà tal-Kunsill Lokali Mosta.
Jista' l-Prim Ministru jara li jitqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista sħiħa u komprensiva ta' l-environmental infringements kollha li ġejna sottomessi għalihom jew notifikati dwarhom s'issa kemm ilna membri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3190.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29625 u 29700 li saru fl-aħħar leġislatura u ċioe': B’referenza għall-ftehim li ġie milħuq dan l-aħħar ma' l-organizazzjoni ta’ riċerka CERN fl-Isvizzera, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk dan kienx ftehim formali jew biss memorandum of understanding li għad irid iwassal għal sensiela ta’negozjati intensivi qabel ma l-kollaborazjoni tiġi fis-seħħ u ċ-ċittadini Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu? Meta huwa mistenni li jintlaħaq il-ftehim bejn iż-żewġ naħat ħalli jkun jista' jibda jiġi attwat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-European Organization for Nuclear Research (CERN) u l-Gvern Malti dwar l-iżvilupp xjentifiku u l-koperazzjoni teknika fi proġetti ta’ riċerka mis-CERN, huwa ftehim formali. Dan jintitola l-Malta li tkun Associate Member fl-organizzazzjoni CERN li permezz tiegħu xjentisti Maltin ikunu jistgħu jipparteċipaw fi proġetti tas-CERN. Matul il-perjodu ta’ dan il-Ftehim kemm Malta kif ukoll l-Organizzazzjoni CERN se jikkunsidraw x’potenzjal jeżisti b’din il-koperazzjoni fil-proġetti.
Irid jingħad li bis-saħħa ta’ dan il-Ftehim, fis-Sajf li għadda, erba’ xjentisti Maltin ipparteċipaw fi proġetti tas-
CERN
.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta kull Kunsill Lokali daħħal fil-lokalità tiegħu l-infurzar lokali permezz tal-Gwardjani Lokali? Kemm-il numru ta' ċitazzjonijiet inħarġu f'kull sena minn dakinhar 'il hawn? X'kien l-ammont li daħħal kull kunsill minn dakinhar 'il hawn? X'inhu l-ammont li kull kunsill kien baqgħalu jdaħħal kull sena u x'kienet l-ispiża ta' kull kunsill kull sena biex ħaddem is-sistema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li biex tingħata din l-informazzjoni jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu ż-żmien (peress li ċerta informazzjoni trid tinġabar mingħand diversi sorsi) u li jinvolvi l-użu ta’ ħafna mir-riżorsi umani tad-Dipartiment. Ghalhekk, ma narax li għandna nużaw ir-riżorsi tagħna b’dan il-mod sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jagħtix indikazzjoni dwar in-neċessità ta’ din l-informazzjoni.