Billi dan l-aħħar ingħad li qed isiru xi studji preliminari dwar it-trasport f'Malta u f'Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġewx Malta xi esperti barranin biex jagħmlu dawn l-istudji? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid min kienu, meta ġew Malta u jgħid ukoll fiex wasal dan l-istudju?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li, Halcrow ġew mqabbda jagħmlu studji fuq it-trasport pubbliku u l-feasibility ta’ linji tat-tram. Dawn l-esperti ġew Malta u l-istudji waslu fi stadju avvanzat u għandhom jigu ppublikati sa l-aħħar tas-sena.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' breathalyser tests li sar f'Malta u f'Għawdex rispettivament, wara li kienu seħħew inċidenti tat-traffiku?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kien hemm 28 persuna li sarilhom it-test tan-nifs wara li kienu nvoluti f'inċident tat-traffiku. Wieħed minn dawn kien f'Għawdex.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu d-diversi korsijiet li hemm fl-Università fuq bażi full time fakultà fakultà? Kemm minn dawn l-istudenti huma barranin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li n-numru ta’ studenti li qed jattendu korsijiet full-time fl-Universita’ ta’ Malta hu 7733. Il-lista relatata qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-lista A turi kif dawn l-istudenti huma mqassma f’kull Fakulta’.
Minn dawn l-istudenti hemm 416-il student barrani. Il-Lista B turi kif dawn l-istudenti huma mqassma f’kull Fakulta’.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk hux mistenni li jsir aktar xogħol fuq sukkursu tas-Salina? Jekk iva, x'inhu dan ix-xogħol u meta mistenni jinbeda dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li kif appena joħorġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA, jsir xogħol ta’ tindif (dredging) tal-kanal tas-Sokkors kif ukoll xogħol biex jitneħħa l-ostaklu li hemm f’parti ta’ dan il-kanal u li qed itellef iċ-ċirkulazzjoni ta’ l-ilma. Ser isir ukoll xogħol ta’ rinfurzar ta’ parti mill-pedamenti tal-ħitan tal-kanal. Din l-applikazzjoni saret f’Marzu 2007.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-ħitan tas-salini tal-melħ, fis-Salina li tkissru bil-maltemp ta' xi snin ilu, fil-fatt jiġu rranġati biex ma jibqax jiġrilhom ħsara?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta għal Mistoqsija Nru 3176.
Malta Enterprise u l-MIP — Fondi Strutturali allokati
Question
Filwaqt li nixtieq niċċara li l-perijodu li qed nirreferi għalih hija din is-sena 2008, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2814 u jgħid kemm intnefqu s'issa mill-fondi allokati taħt vot kapitali numru X mill-fondi struttural allokati għall-MIP u l-Malta Enterprise taħt l-item 7211? Kif ġew minfuqa u kemm f'kull każ? Kif huwa maħsub li jintnefqu l-kumplament tal-fondi?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2814.
Malta Enterprise u MIP — Fondi Strutturali allokati
Question
Filwaqt li nixtieq niċċara li l-perijodu huwa din is-sena 2008, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2813 u jgħid kemm intnefqu s'issa mill-fondi allokati taħt vot kapitali numru X mill-fondi struttural allokati għall-MIP u l-Malta Enterprise taħt l-item 7173? Kif ġew minfuqa u kemm f'kull każ? Fadal xi fondi li għadhom ma ġewx allokati?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2813.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2711 u jgħid kemm kienet l-esportazzjoni f'tunnellaġġ u valur ta' flus tal-laħam tal-fenek esportat lejn is-swieq tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta' Jannar u Settembru rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din l-informazzjoni ma tinżammx fil-Ministeru.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2710 u jgħid kemm kienet l-esportazzjoni f'tunnellaġġ u valur ta' flus tal-laħam tat-tjur tas-simna esportat lejn is-swieq tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta' Jannar u Settembru rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din l-informazzjoni ma tinżammx minn dan il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2547 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm huwa n-numru ta' produtturi tal-ħxejjex u frott mis-serer reġistrati f'Malta u f'Għawdex fil-preżent? Xi produzzjoni jlaħħqu f'Malta u f'Għawdex separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ produtturi tal-ħxejjex u frott mis-serer registrati f’Malta u f’Għawdex u xi produzzjjon jlaħħqu huwa ndikat f’din it-tabella:
Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika
Din l-informazzjoni ittieħħdet miċ-Ċensiment tas-serer li sar fl-2007
Malta
Għawdex
Total
Produtturi tal-ħxejjex u frott u pjanti mis-serer
numru
300
38
338
raba' taħt is-serer
ettari
50.1
9.4
59.5
produzzjoni tal-ħaxix
tunellati
6,296
1,102
7,398
produzzjoni ta' fjuri
numru 000s
3,303
49
3,352
produzzjoni ta' pjanti
numru 000s
237
85
322
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern biex iżid l-għadd ta' marine conservation areas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA tinsab fil-proċess li tidentifika numru ta’ żoni ta’ konservazzjoni fil-baħar, skond ma huwa mitlub mid-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea 92/43/KEE u mill-liġijiet Maltin. Malta bħalissa qed iżżomm maż-żmien kif stipulat mill-Kummissjoni Ewropea.
F’dan ir-rigward, il-bord tal-MEPA għadu kif approva għall-konsultazzjoni dokument intitolat “
National Marine Protected Areas Strategy
”. Il-konsultazzjoni l-ewwel ser tinżamm ma’ diversi istituzzjonijiet tal-Gvern li huma involuti u wara jitqiegħed għall-konsultazzjoni pubblika. Dan id-dokument għandu l-għan li jidentifika u jtejjeb il-proċess ta’ kif jiġu magħżula żoni ta’ konservazzjoni fil-baħar, u jinkludi ukoll aspetti ta’ kif dawn għandhom jiġu immaniġġjati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandu xi ħsieb li jagħmel studju dettaljat u indipendenti dwar l-impatt tat-tuna farming fuq il-marine ecology u fuq l-ispeċi tat-tuna? X'monitoraġġ qed isir fuq livell professjonali biex jiġi żgurat li dawn il-farms ma jwasslux għal degrading tal-marine environment ta' pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull applikazzjoni għal żvilupp li għandha x’taqsam mat-tkabbir tat-tonn hija suġġetta għal studju dwar l-impatt ambjentali (il-proċess ta’ l-EIAs). F’dan il-proċess l-applikant jiġi mgħarraf, permezz ta’ Terms of Reference, li għandu jagħmel studju dettaljat taż-żona, fejn kull aspett taż-żona fejn ser isir l-iżvilupp jiġu studjati. Dan jinkludi l-baħar innifsu, qiegħ il-bahar, l-ambjenti naturali u l-ispeċi li jinstabu fiż-żona, kif ukoll l-impatti li dan l-iżvilupp jista’ jkollu fuq l-ekoloġija tal-baħar taż-żona partikolari.
Il-MEPA tifformola programmi ta’ monitoraġġ, fejn telenka l-kundizzjonijiet u l-frekwenza tal-monitoraġġ li għandu jsir mill-operaturi tal-
fish farm
. Fost il-kundizzjonijiet stipulati, l-MEPA titlob li l-istudji u l-monitoraġġ meħtieġa jsiru minn esperti kwalifikati fis-settur li huma approvati mill-MEPA, u li huma indipendenti mill-operaturi tal-
fish farms
. Dawn il-programmi huma ghaddejjin b’mod kontinwu fuq il-farms operazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid il-monitoraġġ tal-water qualityhux qed isir fuq bażi regolari?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali jagħmel monitoraġġ kemm għall-kwalita’ ta’ l-ilma baħar u kemm għall-kwalita’ ta’ ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem .
Il-Monitoraġġ għall-kwalita’ ta’ l-ilma baħar jiġi esegwit mid-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali matul l-istaġun uffiċjali ta’ l-għawm jiġifieri bejn it-tielet ġimgħa ta’ Mejju sa’ t-tielet ġimgħa t’Ottubru u dan skond il-provedimenti ta’ l-Avviż Legali 125 ta’ l-2008 – (Regolamenti ta’ l-2008 dwar il-Maniġġar tal-Kwalita’ ta’ l-Ilma Tajjeb għall-Għawm). Kampjuni ta’ l-ilma baħar jinġabru kull ġimgħa tul it-23 gimgha ta’ l-istaġun minn 87 sit madwar Malta, Għawdex u Kemmuna u dan huwa ddoppju ta’ dak rikjest mill-istess Avviż Legali.
Ninsab informat ukoll li r-responsabbilta’ u l-funzjoni ta’ d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali rigward il-monitoraġġ għall-kwalita’ ta’ ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem hija waħda regolatorja w’għaldaqstant l-obbligu ta’ dan id-Dipartiment huwa li jara li l-kumpanijji li jipprovdu l-ilma (fil-kaz ta’ Malta hija waħda) qed iniedu dak il-monitoraġġ kif stipulat bl-Avviż Legali 23 ta’ l-2004 kif emendat bl-Avviż Legal 116 ta’ l-2004 – (Regolamenti ta’ l-2004 dwar il-Kwalita’ ta’ Ilma maħsub għall-Konsum mill-Bniedem). Il-monitoraġġ jinkludi kemm
‘check monitoring’
kif ukoll
‘audit monitoring’
. Iż-żewġ programmi għandhom frekwenzi differenti li jiddependu fuq il-volum ta’ l-ilma li jitqassam f’kull żona ta’ provvista ta’ ilma kif identifikata skond il-provvedimenti ta’ l-istess Avviż Legali. Dawn l-obbligi kollha qed jiġu osservati mill-kumpanija li qiegħda tipprovdi dan is-servizz.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jkollu politika nazzjonali dwar edukazzjoni ambjentali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa għaddejja l-Curriculum Review li tinvolvi l-aspetti kollha tal-edukazzjoni formali mis-snin bikrija sas-sekondarja.
F’dan il-qafas li qed jinbena hemm l-edukazzjoni ambjentali. Meta jitlesta dan id-dokument imbagħad ikun iz-zmien opportun biex noħolqu strateġija nazzjonali dwar l-edukazzjoni ambjentali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jaħseb dwar sistema fejn il-piz tat-taxxi jibda jiġi indirizzat lejn il-prinċipju ta' "the polluter pays" ħalli min jniġġeż verament jispiċċa jħallas l-aktar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi il-Gvern jaqbel mal-kunċett li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru u, fil-fatt, l-eko kontribuzzjoni hi pass fil-prattika f’dik id-direzzjoni. Wiehed jista’ jsemmi wkoll il-multi li jeħlu dawk li jħammġu l-ambjent meta jħallu skart mhux separat ħdejn bring-in sites.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fond fi Triq San Kristofru li bħalissa qeq jintuża mill-Malta-China Friendship Society huwiex mikri mill-Gvern lil din l-għaqda? Kemm hu l-ammont ta’ kera li titħallas f’sena? Jista’ jgħid jekk huwiex permessibbli li dan il-fond jintuża minn xi għaqdiet volontarji oħra jew anki għal skopijiet kummerċjali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond in kwistjoni jinsab f’62 Triq San Kristofru, Valletta u huwa mikri lill-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, b’kera ta’ €465.87 sabiex jintuza bħala klabb għall-għanijiet tal-Għaqda. Peress li l-fond huwa mikri lill-imsemmija Għaqda dan ma jistax jingħata għall-użu minn għaqdiet oħra u l-anqas ma jista’ jintuża għal-skop differenti minn dak mikri.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2712 u jgħid kemm kienet l-esportazzjoni f'tunnellaġġ u valur ta' flus tal-frott frisk esportat lejn is-swieq tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta' Jannar u Settembru rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2713 u jgħid kemm kienet l-esportazzjoni f'tunnellaġġ u valur ta' flus ta' ħxejjex friski esportati lejn is-swieq tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta' Jannar u Settembru rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.