Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn community technology learning centres u kemm kienet il-medja ta' l-attendenza f'kull ċentru f'dawn l-aħħar sentejn għal kull ċentru separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-issa hemm għaxar ċentri mwaqqfin.
Bejn l-2007 u l-2008 kien hemm madwar 2400 persuna li spiċċaw b’suċċess xi wieħed mill-korsijiet (myWeb u myWeb Plus) li jorganiżża l-Ministeru f’dawn iċ-ċentri. Dan mistenni jitla’ għal madwar 3000 persuna sa l-aħħar tas-sena. Din l-informazzjoni mhix disponibbli għal kull ċentru speċifiku minħabba l-mod ta’ kif din tiġi miġbura.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' materjal qed jinġarr fuq il-vapur bejn Għawdex u Malta ġo bowsers li jkunu ġejjin mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-materjal li qed jinġarr huwa prinċipalment sludge solidu, qisu ħamrija. Dan l-isludge huwa stabiliżżat fil-proċess u b’hekk jista’ jinġarr fuq il-vapur, mingħajr restrizzjoni. Il-ġarr qed isir permezz ta’ kontenituri issiġġillati, sabiex tiġi assikurata li ma jkun hemm l-ebda inkonvenjent ta’ rwejjaħ waqt it-traġitt.
Numru ta' Abbonati — servizz tat-telefon ċellulari u internet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx xi forma ta' rekord/statistika dwar in-numru ta' abbonati u dwar l-użu tas-servizz tat-telefon ċellulari u ta' l-internet? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid f'dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena, kemm kien in-numru ta' abbonati fis-servizz (a) tat-telefon cellulari, kemm kien in-numru ta' calls u SMSs u (b) fis-servizz tal-internet u kemm kien in-numru ta' emails eċċ. mibgħuta kull sena minnhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' spot checks minn uffiċjali ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, madwar Malta matul dawn l-aħħar 12-il xahar? F'liema lokalitajiet saru dawn l-inspections? Jista' jgħid jekk f'Għawdex sarux spezzjonijiet bħal dawn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li saru 1779 "spotchecks" f'dawn il-lokalitajiet: Attard, B'Kara, Baħar iċ-Ċagħaq, Birżebbuġia, Buġibba, Burmarrad, Ċirkewwa, City Gate, Corradino, Fgura, Floriana, Għar Dalam, Gudja, Ħal Far, Luqa, Magħtab, Marsa, Marsaskala, Mġarr, Mosta, Mqabba, Naxxar, Paceville, Pieta', Saqqajja, Sliema, San Pawl il-Baħar, Ta' Kandja, Ta' Qali, Tarġa Gap, Telgħa t'Alla w'Ommu, Xemxija, Żabbar, Żebbiegħ, Żebbuġ, Żurrieq.
Rigward Għawdex ninsab infurmat li "spotchecks" bħal dawn saru.
LIċenżja tas-sewqan — Studenti li m'għaddewx mit-Teorija u prattika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għal-liċenzja tas-sewqan u m'għaddewx mit-theory u għaddew wara t-tieni u t-tlielet darba konsekuttiva? Kemm m'għaddewx mill-prattika bl-istess manjiera?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li qed jieħdu l-penzjoni tal-wens talli qed jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma irġiel? Jista' jagħti l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom wieħed jieħu din il-penzjoni? Hemm il-ħsieb li dawn l-kundizzjonijiet jiġu modifikati?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li qegħdin jieħdu l-Pensjoni tal-Wens hu 174, maqsuma eżatt bejn irġiel u nisa.
Ikunu ntitolati għal din il-pensjoni persuni xebbiet, ġuvintur jew romol, li m’għandhomx impjieg u li qegħdin jieħdu ħsieb, fuq bażi
full-time,
persuna anzjana jew marida, kostretta li tgħix f’sodda jew
f’wheel-chair
u li tkun relatata mal-persuna li qegħda tieħu ħsiebha bħala ġenitur/nannu/a , aħwa, zijiet, aħwa tar-rispett jew kunjati.
F’dan l-istadju, t-tweġiba għall-aħħar parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm idaħħal flus mil-liċenzji u permessi tal-kaċċa f'Malta u f'Għawdex? Jista' jgħid kemm idaħħal flus mil-liċenzji tal-armi l-oħrajn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' din sena d-dħul mil-liċenzji u permessi għall-kaċċa kien ta' €408,970 filwaqt li d-dħul mil-liċenzji tal-armi l-oħrajn kien jammonta għal €371,227.
Jista' l-Ministru jgħid kemm idaħħal flus il-gvern mil-liċenzji tal-vetturi tal-art minn muturi, karozzi u trakkijiet separatament? Jista' jgħid fiex jintużaw dawn il-flus?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta' persuni 'l fuq minn sittin sena? Kemm minnhom huma nisa u irġiel? Kemm minn din il-popolazzjoni hija maħsuba li tmiss mal-linja tal-povertà?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna biex isir twaħħil ta' lifts fi djar privati biex issir iktar faċli għall-anzjani biex jużaw id-dar kollha tagħhom, tul dawn l-aħħar ħames snin? Kemm attwalment twaħħlu lifts fi djar privati permezz ta' din l-għajnuna? Hemm xi waiting list biex isiru dawn l-istalazzjonijijet
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorita’ tad-Djar tat għajnuna finanzjarja lil 9 anzjani (persuni ‘l fuq minn 60 sena) li jgħixu f’dar privata biex jistallaw lift. Din l-għajnuna swiet € 48,013.
Ninsab infurmat ukoll li hemm 3 applikazzjonijet pendenti l-pagament. L-għotjiet dwarhom huma diġa’ approvati. Dawn jammonta għall-madwar € 30,000. L-istallazzjoni f’dawn il-każijiet hi responsabbilita’ tal-applikant. Il-pagament isir wara verifika mill-Awtorita’ li x-xogħol ikun sar u l-produzzjoni tal-irċevuti fiskali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex jibni flats speċifikament għaċ-ċittadini anzjani li għandhom 'l fuq minn sittin sena? Kemm bena minn dawn il-flats tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar fasslet programm ta’ bini ta’ appartamenti biex jiġu utilizzati bħala sheltered housing.
Dawn jikkonsistu fi blokki ta’ appartamenti f’lokalitajiet ċentrali li jkunu addattati għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ persuni jew koppji anzjani li għadhom jistgħu jgħixu ħajja indipendenti. L-appartamenti ikunu allokati b’kera lill-persuni anzjani li għandhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva.
Diġa tlestew u ġew allokati 8 appartamenti ta’ dan it-tip fil-Furjana u bħalissa hemm 23 appartament ieħor fil-fażi ta’ kostruzzjoni, għall-istess skop.
Peress li r-residenti ta' Triq Ċanga, Xewkija, Għawdex li ħafna minnhom huma anzjani qed jilmentaw għax qed jgħaddu l-karozzi b'ċertu velocità u li qed joħloq perikolu għal dawn l-anzjani, jista' l-Ministru jara jekk issirx sinjaletika li tgħid lis-sewwieqa jnaqqsu l-velocità u anke jiżdiedu l-humps f'din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li preżentament għaddejjin diskussjonijiet bejn L-ADT u l-Kunsill Lokali tax-Xewkija sabiex tiġi installata Road Hump oħra ġewwa Triq Ċanga u anke jiġu installati tabelli li jindikaw l-massimu ta' veloċità ġewwa l-istess triq.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2764 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiemnt u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien in-numru ta’ emigranti minn Għawdex u kemm emigranti ġew lura Għawdex fl-2006 u fl-2007 rispettivament, maqsumin f’nisa u rġiel?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-vertical connections li kien wasal għar-rizoluzzjoni parlamentari qabel il-parlament aġġorna qabel l-elezzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma kienx sodisfatt bit-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim dwar il-proġett u qed jerġa jevalwa l-pożizzjoni tiegħu biex isservi tassew l-oġġettivi tal- proġett.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fil-pjanijiet tal-Awtorità dwar it-Trasport li l-multi level junction li għandu jsir minflok ir-roundabout tal-Kappara isir fis-sentejn li ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Gvern għandu quddiemu l-għażla ta' liema partijiet mit-toroq fuq it-Ten - T network ta' Malta għandhom jiġu prijoriżżati. Il-porzjon tat-triq li jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hi waħda minn dawk l-għażliet.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni kollha li jagħmlu evening courses fl-ECDL mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u f'kull każ x'inhuma l-kompetenzi u l-kwalifiki li kull persuna għandu/ha biex tagħmel dan il-kors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2478 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'miżuri hemm maħsuba biex l-ilmijiet kbar li jaqgħu mill-għoljiet tal-High Ridge u l-Madliena ma jibqgħux jikkaġunaw għargħar f'diversi nħawi ta' St Partick's u toroq oħra fosthom dawk imsemmija' Triq Gabriele Henin, Triq il-Kurunell Lorenzo Manche' u Triq Dun Amabile Sisner f'Pembroke?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif diġà ħabbart fid-diskors li għamilt waqt id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, d-Dipartiment tax-Xogħlijiet għandu proġett ta' bini ta' culverts u re-levelling ta' parti mit-triq ta' ħdejn iċ-ċimiterju ta' Pembroke li ser isir fil-bidu ta' l-2009.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2606 u tgħid jekk teżisti xi forma ta' insurance lill-istudenti meta dawn joħorġu barra mill-Istitut biex/jew jiffammiljarizzaw rwiehom mad-dinja tax-xogħol inkella jagħmlux xi prattika f'xi ażjenda li tkun akkredidata mill-istess istituti tal-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-istudenti huma inxurjati meta joħorġu barra mill-istitut biex /jew jiffamiljarizzaw rwieħhom mad-dinja tax-xogħol jew jagħmlu xi prattika f’xi azjenda li tkun akkreditata mill-istess istitut tal-MCAST.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2604 u tgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm kien hemm studenti li akwistaw il-Btec National Diploma fl-Istituti tal-MCAST u tista’ tippreżenta l-istatistika ta’ dawn ir-riżultati skond kull Institute, kif wkoll turi kemm minnhom ġabu l-Grade Pass, Grade Merit u Grade Distinction għal kull sena u ġewwa kull Insitute?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-Każ tal-BTEC National Diploma, l-Edexcel ma toħroġx grad wieħed finali u għaldaqstant din l-informazzjoni mhux possibli li tingħata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2603 u jgħid jekk kienx hemm xi ħlas f'arettrati matul din is-sena mill-Awtorità Marittima Maltija?
Kemm kien l-ammont gross tal-arrettrati li ħadu dawn il-persuni matul din is-sena, impjegati mal-Awtorità :
a) Executive Directors
b) CEO
ċ) Financial Controller?
Jista' jsemmi min huma dawn l-individwi?
Kif ġiet ikkalkulata din is-somma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ammont gross f'arretrati li tħallas fi Frar ta' din is-sena lill-persuni indikati fil-mistoqsija huwa kif ġej:
CEO Lm20,028 (€46,653)
Executive Directors Lm16,355 (€38,097)
Financial Controller Lm16,355 (€38,097)
Dawn l-arretrati jirrapreżentaw it-total tad-differenza bejn is-salarju li kien tħallas matul is-snin 2000-2008 u s-salarju l-ġdid li ġie rivedut u approvat fi Frar 2008.