Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #4074 Sitting 58 2008-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Servizz għall-Anzjani

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 2788 dwar servizz għall-anzjani, tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet li għamiltilha u a) tgħid kemm għandhom sigħat ta’ servizz kull wieħed/waħda mill-10 anzjani li m’għandhomx is-sigħat kollha ta’ servizz u kemm sigħat kull wieħed/waħda għandu/ha approvati mill-bord; b) tgħid għaliex dawn l-10 anzjani mhumiex jingħataw is-servizz kollu approvat mill-bord; ċ) tgħid kemm hu n-numru ta’ applikanti anzjani, lokalità b'lokalità, li għadhom ma nagħtawx servizz u f’liema sena kull anzjan/anzjana kellu/kellha s-servizz approvat mill-bord u kemm sigħat ta’ servizz kellu/kellha approvati mill-bord; d) tagħti s-sigħat, siegħa siegħa, li l- part-time social assistants jaħdmu fil-ġimgħa; kemm hu l-massimu ta’ sigħat li part-time social assistant jaħdem fil-ġimgħa; e) tgħid għaliex, dawk li għandhom is-servizz tagħhom approvat mill-bord għadhom mhux jingħataw servizz; f) tgħid kemm sigħat ta’ servizz kienu jingħataw l-anzjani fi djarhom f’Awwissu 2007 u f’Awwissu 2008 g) tgħid għaliex in-numru ta’ part-time social assistants tħalla jonqos minn 107 għal 101 minn Awwissu 2007 sa Awwissu 2008?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Industrija tal-Manifattura — Dħul Medju għal kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għar-ras fis-settur ta’ l-industrija tal-manifattura f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2005 ‘l hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000? Kemm kienu l-ħaddiema f’dan is-settur f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-istess snin? Jista’ jekk jogħġbu, fejn hu possibbli, jagħtini wkoll l-istess tagħrif għas-sotto-setturi ta’ dan is-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-figura ta’ dħul gross hija stima ibbażata fuq in-numru ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu Malta u Għawdex separatament. Din tista tkun ta’ problema meta tiġi ikkalkulata id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għar-ras fis-settur ta’ l-industrija tal-manifattura f’Malta u f’Għawdex separatament, għaliex din il-figura tkun l-istess kemm għal Malta u kemm għal Għawdex. Id- data mill-2001 sa l-2006 hija kif ippubblikata fit-28 ta' Diċembru 2007. Id- data għall-2007 hija stima u tista' tinbidel. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tali data. Id-dħul gross ġie stmat fuq il-bażi taċ-ċifri tal-impjiegi. Dan mhuwiex preċiż ħafna għaliex l-istima għal kull impjegat tirriżulta l-istess għaż-żewġ gżejjer. Jistgħu jitqajmu kwistjonijiet dwar il-kunfidenzjalità. Id- data għall-2007 għadha mhix disponibbli.

Industrija tat-Turiżmu — Dħul Medju għal kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għar-ras fis-settur ta’ l-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2000 ‘l hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000? Kemm kienu l-ħaddiema f’dan is-settur f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-istess snin? Jista’ jekk jogħġbu, fejn hu possibbli, jagħtini wkoll l-istess tagħrif għas-sotto-setturi ta’ dan is-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-data dwar it-turiżmu mhix disponibbli għall-industriji individwali. L-eqreb industrija komparabbli li tista' tintuża hija dik tal-Lukandi u r-Ristoranti; madankollu, dan il-fattur varjabbli għandu jintuża b'attenzjoni billi jinkludi wkoll it-turiżmu lokali. Id- data mill-2000 u l-2006 hija bhal dik ippubblikata fit-28 ta' Diċembru 2007. Id- data għall-2007 hija stima u tista' tinbidel. It-tabella qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Chairpersons u diretturi maħtura

Question

Jista' l-Minstru jgħid min huma ċ-chairpersons u diretturi ta' kull kumpannija u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li nħatru wara l-10 ta' Marzu 2008? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Industrija tat-Turiżmu — Dħul medju għal kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2397 u jgħid kemm kien id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għar-ras fis-settur ta’ l-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2000 ‘l hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000? Kemm kienu l-ħaddiema f’dan is-settur f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-istess snin? Jista’ jekk jogħġbu, fejn hu possibbli, jagħtini wkoll l-istess tagħrif għas-sotto-setturi ta’ dan is-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2397.

Industrija tal-Manifattura — Dħul medju fuq kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2396 u jgħid kemm kien id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għar-ras fis-settur ta’ l-industrija tal-manifattura f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2005 ‘l hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000? Kemm kienu l-ħaddiema f’dan is-settur f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-istess snin? Jista’ jekk jogħġbu, fejn hu possibbli, jagħtini wkoll l-istess tagħrif għas-sotto-setturi ta’ dan is-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2396.

Malta Enterprise — Skemi ta' għajnuna

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 2771, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu kull sena l-kumpanniji li joperaw f'Għawdex u x'kien il-valur fi flus tal-għajnuna li ngħataw kull sena fis-snin imsemmija: i) taħt id- de minimis schemes ii) bħala cash grants iii) taħt il-Business Promotion Act Schemes u iv) bħala assistenza fiskali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ kumpanniji li joperaw f’Għawdex, fuq l-istess kriterji illi tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2771.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Pożizzjoniet vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'pożizzjonijiet hemm vakanti fl-strati kolla tad-Direttorati tal-Edukazzjoni u kemm ilhom vakanti? X'inhi r-raġuni li dawn ma ġewx mimlijin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Inter. fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti tal-Università — riċerka fl-iskejjel tal-istat

Question

Tista l-Ministru tgħid kemm applikazzjonijiet saru minn studenti tal-Università u istituzzjonijiet oħra biex jagħmlu riċerka fl-iskejjel tal-Istat, matul dawn l-aħħar ħames snin? F'liema oqsma ta' studju saret din ir-riċerka?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li mill-bidu ta’ Jannar 2003 sal-21 ta’ Ottubru, 2008, saru 1,468 applikazzjonijiet minn studenti ta’ l-Universita’ ta’ Malta u istituzzjonijiet oħra biex jagħmlu riċerka fl-iskejjel ta’ l-Istat. Se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ l-oqsma ta’ studju li fiha saret ir-riċerka.

Direttorati tal-Edukazzjoni — database

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huwa jew huma l-uffiċjali inkarigati mid-database tad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Kemm ilha li nbdiet din id-database? X'forma ta' security clearance għandhom dawn l-uffiċjali? Ma' liema links oħra għandha konnessjoni din id-database? X'budget għandha din is-sezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-istat — Capital Imprest Funds

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi organogram tas-Sezzjoni tal-Inventarju tad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Barra minn hekk, tista' tgħid x'mezzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jinfurzaw l-importanza tal-inventarju ġewwa kull skola tal-istat? X'qed isir minn din is-sezzjoni biex jassiguraw li l-affarijiet li jinxtraw mill-iskejjel permezz tal-Capital Imprest Funds li jingħata kull sena lilhom, jidħol fl-inventarju tal-iskola? Din is-sezzjoni iżżomm kopja tal-inventarji ta' kull skola tal-istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmata li s-Sezzjoni ta’ l-Inventarju minn żmien għal żmien tibgħat kopji ta’ ċirkolari fuq l-inventarji u tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-iskejjel sabiex jinfurzaw l-importanza ta’ l-inventarju ġewwa kull skola ta’ l-istat. L-istaff ta’ din is-Sezzjoni jiżgura li l-inventarju jkun dejjem aġġornat u kull skola hija meħtieġa li tibgħat lista ta’ l-inventarji aġġornata darba kull sitt xhur. Minn żmien għal żmien, isiru spezzjonijiet fl-iskejjel sabiex ikun aċċertat illi l-inventarju qed jinżamm skond ir-regolamenti finanzjarji u li qed jidħlu l-assi kollha li jkun nxtraw mill-Capital Imprest Funds. Is-Sezzjoni ta’ l-Inventarji żżomm kopja ta’ l-inventarju ta’ kull skola ta’ l-istat f’Malta.

Dipartiment tal-Quality Assurance — oġġettivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif inhu strutturat id-Dipartiment tal-Quality Assurance? X'inhuma l-oġġettivi għal din is-sena ippjanati minn dan id-dipartiment? Kemm attenda laqgħat jew konferenzi barra minn Malta id-Direttur ta' dan id-dipartiment matul is-sena? Meta u fejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d-Dipartiment tal-Quality Assurance bħalissa hu kompost minn Direttur. Miegħu se jkollu tliet assistenti diretturi. L-għanijiet prinċipali għal din is-sena (minn Frar 2008) huma: 1. L-evalwazzjoni u proposti fuq il-Performance Management Programme (PMP) ta’ l-għalliema. 2. L-Evalwazzjoni tas-sistema ta’ awditjar estern (external audits). 3. L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ għajnuna lill-iskejjel u kulleġġi fuq evalwazzjoni interna (internal self-evaluation). 4. It-taħrig għan-nies fid-dipartiment fuq l-awditjar. 5. It-taħriġ ta’ l-għalliema waqt l-induction phase. 6. It-taħriġ għall-kapijiet u assistenti kapijiet ta’ l-iskejjel statali, skejjel tal-Knisja u l-indipendenti fuq aspetti differenti kemm waqt l-induction u fuq livell ta’ CPD. Id-direttur attenda żewg konferenzi: 1. Fl-Alma Mater Universita’ di Bologna, Bologna, l-Italia fit-13 ta’ Mejju, 2008. 2. Għat-“25th Meeting of the European Network of Policy Makers for the evaluation of Education Systems”, Lisbona, Portugal, bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju, 2008.

Direttorat għas-Servizzi fl-Edukazzjoni — reorganisation

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjani hemm għal-gardening unit li jaqgħu taħt id-Direttorat Għas-Servizzi fl-Edukazzjoni? X'tip ta' reorganisation hemm maħsuba għal dan il-Unit?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gardening Unit li jaqa’ taħt id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi se jiġi inkluż fir-Riforma ta’ l-Edukazzjoni fejn, bil-ħolqien tal-Kulleġġi, issir diċentralizzazjoni tar-riżorsi.

Art f'Wied ir-Rinella — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u l-Għaqda Ginesta dwar għoti ta' l-art f'Wied ir-Rinella?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taż-żewġ permessi li bihom l-għaqda Genista ingħatat art fil-Kalkara.

San Vinċenż de Paule — persuna terġa' tmur lura lejn darha

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-affarijiet sabiex persuna li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, isiru l-preparamenti kollha neċessarji biex flok jibqa' jgħix ġewwa l-isptar San Vinċenż de Paule jerġa' jmur lura d-dar tiegħu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li għal dawn l-aħħar ġimgħat żewġ professjionisti tal-Aġenzija SAPPORT kienu qed jaħdmu mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant biex eventwalment jiġu mħarġa dawk li jkunu jridu jaħdmu miegħu fir-residenza tiegħu. Sakemm jitlesta dan ix-xogħol, jiġu identifikati ħaddiema u jsir it-taħriġ neċessarju, mhux possibbli li jingħad meta l-persuna tkun tista’ tmur lura d-dar. Ninsab infuramat ukoll li, sadattant, il-professjonisti tal-isptar San Vinċenż de Paule wkoll qed jaħdmu mal-persuna konċernata biex jindirizzaw il-bżonnijiet tagħha.

Freeport — ħaddiema part-time/full-time/casual workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu nies part-time/full-time jew casual workers mal-kumpannija Freeport fl-aħħar tliet xhur ta' qabel l-elezzjoni ġenerali ta' Marzu 2008?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Eco Contribution — dħul

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2639 u jgħid kemm daħħal taxxa minn fuq l-Eco Contribution matul Jannar u Settembru 2008? Jista' jgħid fiex għamel użu d-dħul li kien hemm minn din il-kontribuzzjoni? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din it-taxxa tonqos għas-sena 2009, tibqa' kif inhi jew tiżdied?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2639.

Testijiet tad-demm

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-każ ta' min għandu low income, meta jmur għand tabib li jaħdem fiċ-ċentri tas-saħħa jista' jordnalu t-testijiet kollha, filwaqt li tabib li jaħdem fil-privat ma jistax jordnalu t-testijiet tad-demm tal-PSA u TFT fost oħrajn?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-testijiet li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant m’humiex inklużi fil-lista tat-testijiet li jistgħu jiġu ordnati minn tabib li jaħdem fil-privat.