Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #4458 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Aġenzija Sapport — Rapoort annwali/audited accounts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4168 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja dettaljata tar-rapport annwali kif ukoll l-audited accounts tal-Aġenzija Sapport għas-sena 2007?

Response (DALLI, JOHN)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Avviż Numru 559, ippubblikat fil-Gazetta tal-Gvern tas-26 ta’ Ġunju 2008.

Reati kriminali fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4167 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm saru reati kriminali fuq l-anzjani matul l-aħħar tliet snin? Kemm inqabdu kriminali li abbużaw minn dawn l-anzjani? X'kienu s-sentenzi mogħtija mill-Qorti minħabba dawn ir-reati gravi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni anzjani ta' 60 sena jew aktar li sfaw vittmi ta' xi tip ta' reat kriminali bejn l-1 ta' Jannar 2006 u l-31 ta' Ottubru 2008 kien ta' 4,937. Rigward l-aħħar żewġ partijiet tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, peress li l-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx taħt forma ta' statistika kompjuterizzata, ix-xogħol li jinvolvi sabiex tinġabar ikun jirrekjedi ammont kbir ta' ħin u riżorsi umani. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Membru li jekk jista', jillimita' d-domanda tiegħu għall-dettalji aktar iffokati.
Leg 11 PQ #4460 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Kummissjoni dwar il-vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4166 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ż-żewġ rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika? Jista' jgħid kemm-il Ministeru wettaq mir-rakkmandazzjonijiet li sarulu f'dawn ir-rapporti biex inaqqsu l-vjolenza domestika f'pajjiżna?

Response (DALLI, JOHN)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti ndikati mill-Onor. Interpellant. Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li ttieħdu dawn il-miżuri: · tnaqqas id-dewmien biex vittmi ta’ vjolenza domestika jingħataw legal aid meta jkun meħtieġ; · nħarġu linji gwida lill-Pulizija dwar il-vjolenza domestika permezz ta’ ċirkulari nterna mill-Kummissarju tal-Pulizija ; · saru laqgħat mal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u mistennija ssir laqgħa mal-Ġudikatura dwar is-suġġett ; · permezz tas-sottokumitat għar-Riċerka u Ġbir ta’ Data, il-Kummissjoni qed taħdem sabiex jibda x-xogħol fuq l-istandardizzazzjoni ta’ l-istatistika. Il-Kummissjoni qed tistenna risposta dwar l-applikazzjoni għal-fondi mill-Unjoni Ewropeja taħt il-Programm Operattiv II tal-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013, sabiex tagħmel studju dwar il-prevalenza.
Leg 11 PQ #4464 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każi ta' stupru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' stupru rapportati din is-sena? Jista' jgħid kemm mill-każi tressqu l-qorti? Jista' jgħid x'inhi l-età ta' dawk allegatament stuprati? Jista' jgħid x'inhi n-nazzjonalità tal-allegati rapituri? Jista' jgħid kemm kien hemm każi ta' allegati gang-rape? Jista' jgħid jekk hemmx nies arrestati fuq allegat stupru, u jekk iva, kif? Jista' jgħid x'inhi n-nazzjonalità tar-rapitur li hemm il-ħabs? Jista' jgħid in-nazzjonalità tal-erba' rapituri li ingħataw sentenza sospiża u tar-rapitur li weħel multa f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 29 każ ta’ stupru. Infurmat ukoll li minn 18 il-kaz minnhom tressqu quddiem il-Qorti 22 persuna. L-eta’ tal-vittmi kienet tvarja bejn sitt snin u sittin sena. In-nazzjonalita' ta’ dawk akkużati kienet tinkludi dik Maltija, Sudaniża, minn Niger u Kosta d'Ivorja, Somala, Marokkina u Libjana. Minn kif ġie rrapurtat mill-vittmi, jidher li kien hemm każ wieħed fejn il-vittma ġiet stuprata fl-istess okkażjoni minn aktar minn persuna waħda. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija u b’żieda mat-tagħrif li jiena kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3134, ninsab infurmat illi minn dawk li ngħataw sentenza sospiża kien hemm wieħed Malti u l-oħrajn ta’ nazzjonalita Arbija.
Leg 11 PQ #4469 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Għaxaq — Triq it-Telleritu - servizz tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4041, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent milli tieħu deċiżjoniji fuq l-applikazzjoni relatata ma' dan il-każ li qed jara numru ta' familji mingħajr servizz permanenti tad-drenaġġ minkejja li ilhom 18-il sena li ħallsu r-road contribution? Għall-preċiżjoni qed nirreferi għall-parti t'isfel ta' Triq it-Telleritu f'Ħal Għaxaq.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #4470 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Interim From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Website — visitmalta.com

Question

B'referenza għat-tnedija tal-website 'visitmalta.com' jista' l-Prim Ministru jgħid: a) Min għamel ix-xogħol fuq din il- website ? b) Kemm ħallset l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu għal dan ix-xogħol? ċ) Jekk kenitx ħarġet offerta biex jiġi magħżul min ser jagħmel dan ix-xogħol? d) Kemm ikun hemm hits fil-ġimgħa fuq dan il-portal? e) Jekk tingħatax kummissjoni għal kull booking li jsir permezz ta' din il-website? Jekk fl-affermativ, lil min? f) X'kontrolli hemm biex l-awtorità tassigura trasparenza assoluta fit-tħaddim ta' dan is-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Riforma fl-edukazzjoni

Question

Fid-dawl tar-riforma fl-edukazzjoni li għadha kif tħabbret, tista' l-Ministru tgħid kif jinkwadraw f’din ir-riforma studenti li qegħdin fir-raba’ sena tal-primarja, jew huma iżgħar fl-età u li jattendu skola privata li ma toffrix servizz ta' edukazzjoni f’livell sekonadarju, bħalma huma l-Garendon School, it-Thi Lakin School u l-Little Angels School? Tista' tgħid x’metodu ser jiġi adattat sabiex dawn jgħaddu għas-sekondarja u x’ser ikunu l-opportunitajiet għalihom kemm fi skejjel tal-Istat u/jew tal-Knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni, entitajiet bħal dawn it-tlett skejjel imsemmija sejrin ikollhom l-opportunita’ li jiddiskutu mad-Direttorati l-possibilitajiet differenti li din ir-riforma ħa ġġib għall-istudenti li jattendu fihom.

Imġarr -toroq li ħa jingħataw it-tarmac

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq huma mistennija li jingħataw it-tarmac matul is-sena 2009 fl-Imġarr? Meta ħarġu, jew ser joħorġu t-tenders marbuta ma' dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-lokalita msemmija mill-Onor Interpellant, ix-xogħol ta' tarmac li kien ippjanat diġa sar u ma hemm ebda triq oħra li għandha ssir skond dan il-programm.
Leg 11 PQ #4477 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Riforma

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitressqu quddiem il-Parlament l-emendi marbuta mar-riforma fil-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Programm TENT's — Tenders fuq xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fuq liema partijiet mit-toroq indikati fil-programm tat-TENT's hu mistenni li jinbeda x-xogħol matul is-sena li ġejja? Meta hu mistenni li joħorġu t-tenders għal dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — skejjel primarja - sapport ta' attenzjoni personali għat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru u f'liema sena skolastika jinsabu t-tfal li bħalissa għandhom is-sapport ta' attenzjoni personali minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont totali li sal-lum qed jibbenifikaw minn xi forma ta’ sapport ta’ attenzjoni personali minħabba l-ħtiġijiet speċifici tagħhom hu 30. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta’ kif huma mqassmin.

Ħsara fl-għelieqi wara l-maltemp u s-silġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex talbiet minn bdiewa għal xi kumpens minħabba li fil-ġimgħat li għaddew saritilhom ħsara bil-maltemp u s-silġ? Jekk iva, kemm kien in-numru ta' talbiet u minn liema lokalitajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li ma saret ebda talba formali f’dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #4481 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Bini ta' djar għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm bini ta' iktar djar għall-anzjani f'Malta u f'Għawdex? Meta hu mistenni li jinbdew il-proċeduri għall-bini ta' dawn id-djar u fejn?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #4495 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Home Help — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għas-servizz Home Help biex jingħataw is-sapport tal-Gvern? Kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet u minn liema lokalità qegħdin jitolbu l-għajnuna?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Wied il-Għajn — Triq il-Gandoffli

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jirranġa Triq il-Gandoffli, f'Wied il-Għajn li tinsab fi stat diżastruż? Meta hu ppjanat li din issir? Ħarġet it-tender għal din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mill-programm ta’ toroq ġodda li se jinbnew mill-Gvern Centrali. L-ADT qed tħejji stejjem ta’ xi toroq li se jsiru fil-batch il-ġdid ta’ xogħlijiet.

Persuna Marokkina — estensjoni tal-VISA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jara l-każ tal-persuna ta' ċittadinanza Marokkina li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex dan ikollu l-VISA estiża għal żmien biżżejjed sakemm tinqata' l-Kawza fit-Tribunal Industrijali li huwa għandu kontra soċjetà lokali b'mod illi hu jkun jista' jmur lura l-Marokk u jerġa' jiġi lura matul il-perijodu tal-prolazzjoni tal-award? Jista' jgħid jekk dan iż-żmien ikoprix kwalunkwe żmien li jkun meħtieġ f'każ li eventwalment isir l-appell minn dan l-award?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna konċernata għamlet applikazzjoni għall-permess ta' residenza mad-Dipartiment taċ-Cittadinanza u tal-Expatriates. Hi ngħatat awtorizzazzjoni temporarja, sabiex tkun tista' toqgħod Malta sakemm tittieħed deċizjoni dwar it-talba tagħha. Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie deċiz li jinħareġ permess ta' residenza validu sal-31 ta' Diċembru 2008, u f'dan ir-riġward il-persuna konċernata hi mitluba li tmur id-Dipartiment imsemmi aktar 'il fuq sabiex tingħata dan il-permess, li hu fil-forma ta' sticker, li jitwaħħal fuq il-passaport tagħha. Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna se tħalli Malta fis-7 ta' Diċembru 2008 u għalhekk bis-saħħa ta' dan il-permess ta' residenza hi tkun tista' toħroġ minn Malta u miż-żona Schengen b'mod legali. Meta jkun meħtieġ tiġi lura sabiex tkun tista' tkompli l-proċeduri imsemmija fir-rigard tal-Kawża fit-Tribunal Industriali, il-persuna konċernata trid tagħmel talba għall-visa waqt li tkun il-Marokk fl-Ambaxxata Taljana, f'Rabat, il-Marokk; li fiċ-ċirkostanzi msemmija għandha tingħatalha.

Fondi mill-Ewropa għal-laboratorji tax-xjenza fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar minnhom il-fondi tal-European Regional Development Fund li kellhom jiġu mill-Ewropa u li kienu deskritti bħala l-fondi li kellhom jibdlu l-laboratorji kollha tax-xjenza fl-iskejjel f'laboratorji state of the art? X'sar minnu l-bord li kien ġie kompost biex jagħmel il-preparazzjonijiet meħtieġa u stimi biex jinġabu dawn il-flus li kienu konsiderevoli? Minn kemm nies kien kompost il-bord? Kemm kienet is-somma mistennija li tiġi akkwistata għal dan il-għan mill-ERDF?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-fondi tal-European Regional Development Fund qegħdin lesti ħalli jkunu jistgħu jintużaw meta jintrebħu t-tenders għax-xiri ta’ l-apparat fl-iskejjel. Dawn il-fondi huma diretti lejn titjib fil-laboratorji tax-xjenza kif wkoll f’numru ta’ laboratorji tat-teknoloġija. Il-bord magħmul minn seba’ persuni li ħadmu biex jippreparaw l-applikazzjoni għal dan il-proġett, issa lesta xogħolu. Bħalissa qegħdin isiru sejħiet, li qed jidhru wkoll fil-gazzetti lokali, biex jiġi ingaġġat project manager biex jiffinalizza id-dokumenti meħtieġa ħalli joħroġ it-tender biex jinxtara l-apparat neċessarju. L-ammont kollu huwa ta’ 3,090,495.52 Ewro inkluż il-VAT.