Legislature:
Category:
Reset
Active:

nies li ħallsu l-liċenzji tat-televiżjoni

Question

Jista' l-Ministru jweieġb mistoqsija parlamentari 35214 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien hemm persuni li ħallsu l-liċenzji tat-televiżjoni għas-snin 2011 u 2012?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li ħallsu l-liċenzji tat-televiżjoni għas-sena 2011 kien 65,724 u għas-sena 2012 – (sal-aħħar ta’ Mejju) kien 4,622.
Leg 11 PQ #35455 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

studenti li applikaw għal scholarships

Question

Tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji dwar il-kriterji użati biex studenti ggradwati mill-Università jkunu jistgħu japplikaw għal scholarships biex ikomplu l-istudji tagħhom f’universitajiet barra minn Malta? Tista’ għalfejn student li jispiċċa mill-Università ta’ Malta bi grad inqas minn second degree lower, jiġi aċċettat minn università barranija biex jagħmel kors post-grad iżda mhux eligibbli għal fondi ta’ scholarship li qed jamministra l-Gvern Malti jew id-Dipartiment tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern qed joffri diversi skemi ta’ boroż ta’ studju. Dawn huma: (a) Malta Government Scholarship Scheme – Post Graduate (MGSS-PG) (b) Malta Government Scholarship Scheme – Undergraduate (MGSS-UG) (c) Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS) (d) Malta Arts Scholarships (e) Malta Sports Scholasrhips (f) Malta Science Scholarships Kull skema għandha l-kriterji differenti biex japplikaw u dawn il-kriterji jinsabu fuq is-sit elettroniku www.myscholarship.gov.mt. Fir-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, l-Onor. Interpellant jidher li qed jirreferi għall-kriterji tal-MGSS-PG u ta’ STEPS. L-Onor. Interpellant jifhem li dawn huma ‘scholarships’ u li allura hemm element kompetittiv minn fost l-aħjar studenti biex ikomplu jeċċellew fl-istudji tagħhom. Nixtieq infakkar li sal-2009, dawn l-iskemi kienu miftuħa għal min għandu Second Class Upper jew ogħla. F’Mejju tal-2010, ftaħna fl-MGSS għal kull min għandu Second Class (jiġifieri bdejna naċċettaw min għandu Second Class Upper u Second Class Lower). F’Novembru 2010, ftaħna anke STEPS għal kull min għandu Second Class. Il-kriterji biex student jiġi aċċettat minn Università huma differenti u varji. Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ħa miżuri oħra minbarra l-i scholarships , sabiex persuna tiġi mgħejjuna tkompli tistudja. Fost dawn il-miżuri hemm dik ta’ eżenzjoni mit-Taxxa tad-Dħul sa massimu ta’ €10,000 skont l-Avviż Legali 427/2010.
Leg 11 PQ #35457 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru tal-Intern

Żurrieq — lokazjoni tal-binja tal-għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe ftehim jew kuntratt, jekk hemm tal-lokazzjoni tal-binja li llum hi mikrija mill-Kummissarju tal-Pulizija jew mill-gvern u tintuża bħala Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-traskrizzjoni tal-kuntratti mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Għawdex — nies li jridu jiċċanċellaw il-kartuna s-safra

Question

Peress li issa individwu li għandu karta roża ma jistax ikollu kartuna safra u vice versa għal min ikun diabetiku, peress li dawn in-nies Għawdxin qed jintalbu jmorru Malta biex jikkanċellaw il-kartuna s-safra fl-Isptar San Luqa Malta u peress li dan huwa inkonvenjent żejjed u jista' jsir Għawdex, jista' l-Ministru jara li dan il-proċess isir Għawdex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi li qabel kienet tingħata l-kura b’xejn permezz tal-kartuna r-roża u li issa żdiedet mal-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V. Il-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V daħħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Pazjenti li jieħdu l-kura tad-dijabete permezz tal-kartuna r-roża jistgħu jagħżlu jekk ikomplux jieħdu l-kura meħtieġa tad-dijabete permezz tal-kartuna safra jew roża. Persuna li tagħżel li tapplika għall-kartuna s-safra mhux qed tintalab il-kartuna r-roża lura peress li jista’ jkun li din il-persuna jkollha l-kartuna r-roża għaliex tikkwalifika għaliha minħabba t-test tal-mezzi. Il-kartuna s-safra tintalab lura biss jekk tinħareġ kartuna safra oħra li fuqha jkollha mniżżel l-istess mediċina. Il-persuni kollha li jiġu avżati li jridu jirritornaw kartuna safra biex tinħarġilhom waħda ġdida jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu l-kartuna s-safra l-antika bil-posta lill-Medicines Entitlement Unit, Sptar San Luqa, Gwardamanġia. Il-kartuna l-ġdida imbagħad tintbagħat lill-persuna bil-posta. Għaldaqstant, nies Għawdxin jistgħu jibagħtu l-kartuna s-safra bil-posta biex tiġi kkanċellata minflok ma jmorru huma fl-Isptar San Luqa Malta.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — Tnaqqis tal-Vot fil-Budget 2012

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun qed jonqos il-vot fil-Budget 2012 dedikat għall-Ospitalità u mill-vot għall-Konsulenzi li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu huwa responsabbli? Kemm kienu dawn l-ammonti għas-sena 2011 u kemm kienu skont l-budget oriġinali għall-2012?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

International Institute on Ageing — fondi mill-gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienu l-fondi tal-gvern għall-International Institute on Ageing (United Nations - Malta) f'dawn is-snin: 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011?

Response (BORG, TONIO)

L-fondi tal-Gvern għall-International Institute on Ageing (United Nations-Malta) kienu : 2007 Lm 79,900 2008 € 186,000 2009 € 186,000 2010 € 186,000 2011 € 186,000

International Institute on Ageing — fondi tan-Nazzjonijiet Uniti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienu l-fondi tan-Nazzjonijiet Uniti għall-International Institute on Ageing (United Nations - Malta) f'dawn is-snin: 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011?

Response (BORG, TONIO)

Mis-sena 2007 sas-sena 2011, l-fondi tan-Nazzjonijiet Uniti għall-International Institute on Ageing (United Nations-Malta) kienu : 2007 $ 92,846 2008 $ 97,956 2009 $ 90,000 2010 $ 88,360 2011 $70,165

International Institute on Ageing — informazzjoni dwar id-direttur

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min hu d-direttur tal-International Institute on Ageing (United Nations - Malta)? X'salarju kellu/kellha fis-sena 2011? Għandu mobile imħallas mill-istitut? Jekk iva, kemm kien il-kont għal dawn is-snin: 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011? Meta jagħlaq il-kuntratt tad-direttur preżenti?

Response (BORG, TONIO)

Id-direttur tal-International Institute on Ageing (United Nations - Malta) huwa l-Professur Joseph Troisi li fis-sena 2011 kellu salarju ta' Euro 32,190. L-istitut ħallaslu l-kontijiet tal-mobile phoneli fis-snin murija kienu jammontaw hekk : 2007 - Euro 468.75 2008 - Euro 2,106.91 2009 - Euro 2,742.96 2010 - Euro 3,121.31 2011 - Euro 3,352.01 Il- kuntratt tad-direttur preżenti jagħlaq fl-10 ta' April 2013, sakemm ma jerġax jiġġedded.

Internatinal Institute on Ageing — informazzjoni dwar id-direttur

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk id-direttur tal-International Institute on Ageing (United Nations - Malta) hux impjegat fl-Università ta' Malta? Jekk iva, xi grad u salarju j/tgawdi?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

International Institute on Ageing — persuni impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm persuni impjegati fl-International Institute on Ageing (United Nations - Malta)? Kemm hemm persuni fil-grad ta' depurty director? Xi gradi u salarji jgawdu l-impjegati kollha tal-isitut?

Response (BORG, TONIO)

Fl-International Institute on Ageing (United Nations-Malta) hemm tmien persuni impjegati. Dawn li ġejjin huma l-gradi u s-salarji tal-impjegati kollha tal-Istitut : Direttur 32,191 Receptionist 11,135 Programme Manager 14,818 Accountant 2,100 Clerk 2,498 BOLD Editor 1,200 Administrator 11,000

International Institute on Ageing — persuni li ngħataw taħriġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm persuni ngħataw taħriġ mill-International Institute on Ageing (United Nations - Malta) f'dawn is-snin: 1996, 1997, 1998, 1999, 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009? Kemm minnhom huma ta' ċittadinanza Maltija u barranija?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — kawżi fuq awtoritajiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34471, jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-Qrati fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35219.

kliniċi privati li qed juża l-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk skont l-informazzjoni li tana huwa stess fil-Parlament il-flus li qed jintużaw biex jitħallsu kliniċi privati li pazjenti qed jagħmlu użu minnhom bħala emergenza bħal ngħidu aħna ġewwa l-Isptar St James kienu sejrin jintużaw biex inaqqsu l-waiting list għall-operazzjonijiet, allura kemm huwa kkalkulat li se jsiru inqas interventi biex issa jitħallas dan is-servizz? Jista' dan in-nuqqas jiġi kwantifikat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-vot tal-waiting list hemm fondi allokati għaż-żewġt inizjattivi.
Leg 11 PQ #35108 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Mosta — Triq l-Istringell u Triq id-Dawr - tarmac

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp f'dawn l-aħħar ftit ġimgħat dwar dak li se jiġri rigward ir-resurfacing tat-Triq l-Istringell u Triq id-Dawr ġewwa l-Mosta minħabba l-fatt li r-residenti għandhom qed iħabbtu wiċċhom ma' toroq mimlija torba u ħofor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Bord ta’ Inkjesta qiegħed jinvestiga l-materja tat-toroq in kwistjoni. Hekk kif tintemm l-inkjesta nkun nista’ nagħti d-dettalji li jirriżultaw.

qatla tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-qatla tal-majjal fil-ġimgħa naqset taħt l-elf? Jista' jispjega x'kienu r-raġunijiet li din il-qatla niżlet b'dan il-mod?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17714 u infakkru fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32692 imressqa mill-istess Onorevoli Interpellant, ninfurmah li l-kwoti tal-qatla huma deċiżi mill-Koperattiva ta' min Irabbi l-Majjal (KIM). Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq l-mistoqsija tiegħu lill-KIM.

qatla tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-qatla tal-majjal matul ix-xahar ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2012 kenitx tlaħħaq mad-domanda fis-suq ta' majjel lokali? Jista' jispjega għaliex dan seħħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru ma jżommx rendikont tad-domanda tas-swieq, niġbidlu l-attenzjoni li mhuwiex ir-rwol ta’ dan il-Ministeru li, f’ambjent ta’ suq ħieles, jżomm rendikont ta’ jekk il-produzzjoni fi żmien qasir (short run) hix qed tkun ugwali jew le mad-domanda.

esportazzjoni tal-patata

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm ġew esportati tunellati ta' patata matul is-snin 2001/2/3/4/5/6/7/8/9/10/11 u 12? Jista' jispjega dawn il-figuri u jgħid għaliex qed ikun hemm din id-differenza kollha fl-esportazzjoni tal-patata u x'inhi l-politika tal-gvern preżenti rigward dan il-qasam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li llum għandna suq ħieles u sa minn qabel id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern ma baqax involut f’din l-attività, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19383.
Leg 11 PQ #35130 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — tipi ta' operazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex f'dawn l-aħħar sitt xhur skont it-tip ta' operazzjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex matul l-aħħar sitt xhur, jiġifieri bejn l-1 ta' Novembru 2011 u t-30 t'April 2012, saru b'kollox 1290 operazzjoni. Dawn kienu: 380 Operazzjonijiet Kirurġiċi 259 Operazzjonijiet Ġinekoloġiċi 152 Operazzjonijiet Ortopediċi 96 Operazzjonijiet Oftalmoloġiċi 7 Operazzjonijiet Dentistiċi 9 Operazzjonijiet tal-Widnejn, Mnieħer u Griżmejn 15-il Operazzjoni tal-Pacemakers u 372 testijiet tal-Istonku u l-Musrana.
Leg 11 PQ #35131 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — xogħol ta' upgrade fid-Dipartiment tad-Dentistrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid x-xogħlijiet ta' upgrade sar fid-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti għall-konsenja u stallazzjoni tas-servizzi relatati mar-rinovazzjoni tad-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex għadha trid terġa' toħroġ.