Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorarti tal-Edukazzjoni — Skejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn skejjel privati li għadhom il-permessi meħtieġa biex jiffunzjonaw bħala skejjel? Liema huma dawn l-iskejjel? X'għajnuna jestendu d-Direttorati tal-Edukazzjoni lil dawn l-iskejjel? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinfethu skejjel privati ġodda? F'liema inħawi ta' Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ skejjel indipendenti privati li għandhom il-permessi meħtieġa biex jiffunzjonaw bħala skejjel huwa ta’ 28. Il-lista ta’ l-Iskejjel qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorati tal-Edukazzjoni — trips tat-trasport

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet li għandhom kuntratt mad-Direttorati tal-Edukazzjoni biex jipprovdu trasport għat-tfal tal-iskola? Kemm saru trips minn kull entità matul dawn l-aħħar ħames snin xahar b'xahar, u liema kienu r-rotot? Xi ħlasijiet saru lil kull entità sena b'sena tali pprovdew dan is-servizz? X'tip ta' vetturi kienu użati biex jipprovdu dan it-trasport u kemm suppost li ġġor tfal kull vettura? Kemm sewwieqa ġew imwaqqfa mil-Awtorità dwar it-Trasport għal xi kontravenzjonijiet li kkommettew waqt li kienu qegħdin iġorru lit-tfal? Fuq xiex ġew imwaqqfa dawn is-sewwieqa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-entitajiet li għandhom kuntratt mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi biex jipprovdu trasport għat-tfal tal-iskola huma: Unscheduled Bus Service (UBS) Public Transport Association (PTA) Co-op Services Ltd Paramont Garage Transport for Disabled Persons Peppin Garage Ltd MKM Garage Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ ħlasijiet li saru lill-entitajiet hawn fuq imsemmija talli pprovdew dan is-servizz u qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal- Kamra lista tan-numru ta’ vjaġġi u r-rotot li saru għat-trasport tat-tfal tal-iskola dawn l-aħħar ħames snin, xahar b’xahar u t-tip ta’ vetturi użati. Infurmata wkoll li l-M/B (Għaqda Mini Buses) użaw minibuses waqt li l-UBS (Unscheduled Bus Services) u l-PTA (Public Transport Association) użaw kemm minibuses kif ukoll xarabanks. Skond l-agreement il-minibuses jgħabbu sa 14-il student, waqt li x-xarabanks jgħabbu sa 36 student. Lifter jgħabbi sa 5 studenti fil-wheelchair u 3 escorts, waqt li cab jgħabbi sa 3 studenti. Id-Direttorat ma jkollux informazzjoni dwar in-numru ta’ sewwieqa li tkun waqfet l-Awtorita’ tat-Trasport.

Department for School Resource Management — Xogħlijiet ta' manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intervention forms intbgħatu lid-Department for School Resources Management li taħtu taqa' is-sezzjoni tat-technical services branch, matul din l-aħħar sena għax-xogħlijiet ta' manutenzjoni fl-iskejjel? Tista' tagħti breakdown ta' dawn it-talbiet, skola b'skola? Kemm minn dawn it-talbiet għad baqa' li ma ġewx sodisfatti u x'inhi r-raġuni f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li matul din l-aħħar sena d-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi tal-Iskejjel irċieva 995 Intervention Request Forms mitluba mis-sezzjoni tat-Technical Services Branch għal xogħolijiet ta’ manutenzjoni fl-iskejjel. Breakdown ta’ dawn it-talbiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ix-xogħolijiet li għad fadal biex jitlestew jew qegħdin in hand jew huma ta’ natura maġġura li jinħtieġu l-intervent tal-Foundation for Tomorrow’s Schools. Filwaqt li xi wħud minn dawn jistgħu jinħadmu, kif fil-fatt qed jiġri, uħud minnhomikun hemm bżonn li jitħallew għas-sajf anke biex l-inkonvenjent li joħolqu fl-iskola ma jaffettwax it-tagħlim.

Direttorati tal-Edukazzjoni għal adulti — suġġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm korsijiet ġew organizzati din is-sena mid-Direttorati tal-Edukazzjoni għal adulti? X'kienu s-suġġetti u f'liema ċentri qed jiġu mgħallma dawn is-suġġetti? X'inhi l-parteċipazzjoni għal kull suġġett, f'nisa u f'irġiel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ korsijiet li ġew organizzati din is-sena mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi huwa ta’ 450. Għal dawn il-korsijiet attendew 7,396 persuna li minnhom 5,207 kienu nisa’ u 2,189 kienu rġiel. Aktar informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Freeport — Ħaddiema full/part-time u casual workers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3459 li oriġinarjament saret lil Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm daħlu jaħdmu nies part-time/full-time jew casual workers mal-kumpannija Freeport fl-aħħar tliet xhur ta' qabel l-elezzjoni ġenerali ta' Marzu 2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Kumpanija Freeport hija kumpanija privata u għalhekk ma nistax nagħti l-informazzjoni mitluba.

Kors għall-benejja — kwalifikazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif ikun imqassam il-kors għall-benejja? Xi kwalifikazzjonijiet għandek bżonn biex tidħol għal dan il-kors? Kemm huwa twil dan il-kors? Jekk huwiex rikonoxxut mill-Università ta' Malta jew jekk huwiex kors tad-dipartiment tal-edukazzjoni? Kull meta jiġi organizzat dan il-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-MCAST joffri żewġ korsijiet li jwasslu sabiex wieħed jista’ joqgħod għall-eżami tal-liċenzja ta’ bennej, wieħed jiġi offrut fil-Prospectus lil żgħażagħ prospettivi li jispiċċaw il-livell sekondarju u jkunu għalqu s-sittax il-sena, u l-ieħor għal adulti ta’ l-fuq minn sittax il-sena. L-ewwel kors jibda b’sena full-time u jkompli għal sentejn f’apprendistat. Wara li student/a jiggradwa mill-MCAST, jista joqgħod għall-eżami tal-liċenzja tal-bennej li din toħrog minn bord awtonomu. Il-units tat-tagħlim li jsir fil-kors jidhru fil-Prospectus. Dan il-kors jiftaħ f’Settembru, fil-bidu tas-sena akkademika tal-Kulleġġ. It-tieni kors huwa mmirat għall-persuni li diġa jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan il-kors isir filgħaxija għal nies li għandhom l-esperjenza pero’ li jkunu jridu ikabbru t-tagħrif tagħhom sabiex jersqu ghall-ezami tal-liċenzja. Għalhekk, dan il-kors huwa maqsum f’erba’ partijiet. Wieħed jista’ jagħzel il-parti li jaf li ghandu bżonn l-aktar. 1. Practical Stone Dressing (Inġar tal-Ġebel) 30 siegħa 2. Stone Laying (Tqegħid tal-Ġebel) 30 siegħa 3. Design of Stairs (Ħżuż ta’ Turġien) 20 siegħa 4. Desing of Arches (Ħżuż ta’ Arkati) 20 siegħa Dan il-kors jiftah darbtejn fis-sena f’Ottubru u f’Marzu. Huwa ċċertifikat mill-MCAST u qiegħed jiġi pparagunat mat-tielet livell tal-kwalifiki vokazzjonali mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki. Dan il-kors jiġi rikonoxxut meta wieħed jieħu l-Liċenzja tal-Bennej li hija rikonoxxuta legalment.

Mosta — Triq il-Ħtajriet - esproprjazzjoni tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex sejjer jsir esproprjazzjoni tal-bini neċessarju matul ix-xogħol ta' rikostruzzjoni li qed isir ġewwa triq il-Ħtajriet il-Mosta, u liema xogħol qed isir fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bini fi Triq il-Ħtajriet imsemmi mill-Onorevoli Nterpellant ġie esproprijat. L-ADT qed tistenna li tinstab akkomodazzjoni alternattiva għar-residenti li jgħixu f’dan il-bini qabel ma jkun jista’jipproċedi x-xogħol.

Mosta — Toroq li ser jinbnew

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u liema toroq residenzjali fil-Mosta sejrin jinbena jew jingħataw wiċċ ġdid fis-sena 2009? F'każ li hemm diversi toroq, min jagħti l-parir ta' prijorità? Il-gvern lokali jkun involut f'dan il-proċess?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skond il-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali li ħejjiet l-Awtorità Dwar it-Trasport, fil-lokalita imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ser isiru xogħlijiet f’ dawn it-toroq: Kumplament ta’ Triq il-Ħtajriet bejn Triq Sant’ Antnin u Vjal il-Qalbiena Mostin; Parti minn Triq l-Inkurunazzjoni; Triq Patri Avertan Fenech; Triq Ferdinand Calleja; Triq Gio. Dei Marchesi Mallia Tabone Parti minn Triq Alwetta Triq Salvu Barbara Il-Kunsilli Lokali kemm-il darba ġew ikkonsultati sabiex jagħtu listi ta’ toroq li jridu jinbnew fil-lokalità tagħhom. L-ADT tiddeċiedi liema toroq isiru l-ewwel, a bażi ta’ din il-konsultazzjoni.

Korsijiet ta' skills u snajja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm jiġu organizzati korsijiet ta' skills u snajja mid-dipartiment tal-edukazzjoni? Kemm-il darba jinfetħu dawn il-korsijiet fis-sena? Kemm huwa l-ħlas biex tipparteċipa f'kull kors? Kemm huma twal fiż-żmien kull kors? Xi kwalifikazzjonijiet għandek bżonn biex tipparteċipa f'dawn l-korsijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Adult Education Unit fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi qiegħda torganizza 99 klassi f’34 kors differenti. Għal dawn il-korsijiet m’hemm ebda bżonn ta’ kwalifiki biex tattendi. Informazzjoni oħra mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #4219 Sitting 66 2008-12-10 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Staġun tal-kaċċa u nsib

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid u jispjega kif sejjer jkun imqassam l-istaġun tal-kaċċa u nsib għas-sena 2009? Jista' jiġi spjegat l-istaġuni permessi vis-à-vis speċi speċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Bank Ċentrali ta' Malta — Direttiva European Central Bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Banek kummerċjali kollha, in linea mad-direttiva tal-European Central Bank, kif applikabbli għal Bank Ċentrali Malti, naqsux ir-rata tal-imgħaxijiet in toto u dan in linea ma' l-istess direttiva u b’mod partikolari għar-rigward tal-house loans?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bank Ċentrali Ewropew ma joħroġx direttivi dwar ir-rati ta’ l-imgħax. Skond l-Istatuti tas-Sistema Ewropeja ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ joħroġ regolamenti sabiex jimplimenta l-politika monetarja tal-Komunità. Informazzjoni dwar ir-rati ta’ l-imgħax li jimponu l-banek kummerċjali Maltin tista’ tinkiseb mill-istqarrijiet għall-istampa maħruġa mill-istess banek kummerċjali.

Tneħħija ta' sussidju fuq gass

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-pjanijiet tal-gvern għat-tneħħija tas-sussidju fuq il-gass matul it-tliet snin li ġejjin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif ġie spjegat waqt id-dibattitu fil-Parlament f’dawn l-aħħar ġranet fuq l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Att dwar il-Freeport, il-prezz tal-gas lill-konsumatur ser ikun jiddependi mill-prezz tas-suq, kif regolat mill-Awtorita’ Maltija għar-Rizorsi. Il-Gvern, fl-istess ħin, ser ikun qed jagħti konsiderazzjoni kif meħtieġ għal każijiet soċjali.

Tas-Sliema — Triq Rudolph

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi raġuni għala wara li tlestiet Triq Rudolph Tas-Sliema xi ftit tax-xhur ilu, issa qiegħda tinqala xi partijiet tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien riżultat ta' deċiżjoni tal-Kunsill Lokali. Hu min hu li ddeċieda m'hemmx dubju li dawn l-episodji joħolqu inkonvenjenti u ħela ta' flejjes pubbliċi li jeħtieġ jitwaqqfu. Minħabba f'dan fil-ġranet li ġejjin se nħabbar proċeduri ġodda fil-ħruġ ta' permessi għal xogħlijiet fuq it-toroq inklużi toroq fil-kompetenza tal-Kunsilli Lokali.

Ħaż-Żebbuġ — Ċwievet ta' post

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk iċ-ċwievet tal-post f'Ħaż-Żebbuġ li dettalji tagħhom qed jinbagħtu separatament hux qegħdin f'idejn l-Awtorità tad-Djar?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li ċ-ċwievet tal-post indikat mill-Onor. Interpellant qegħdin għand l-Awtorita' tad-Djar.

Formoli għat-talbiet għall-għajnuna mill-bdiewa u raħħala

Question

Jista' l-Ministru jara li l-formoli għat-talbiet għal għajnuna mill-Unjoni Ewropea għal bdiewa u r-raħħala jinkitbu bil-Malti għax peress li llum huma bl-Ingliż, mhux dejjem jiftehmu tajjeb?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-formoli għat-talbiet għal għajnuna mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa u raħħala ser ikunu kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Awtorità Maltija għar-Riżorsi — Chief Executive Officer

Question

B'referenza għas-sejħa għal ħatra ta' chief executive officer fi ħdan l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, jista' l-Ministru jgħid, a) Kemm kien hemm applikanti? b) Bediex il-proċess tal-għażla u jekk fl-affermativ kemm ġew intervistati persuni minn dawk li applikaw? ċ) Jekk dan sar, il-post imtela' u jekk iva, minn min?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kien hemm 36 applikazzjoni għal din is-sejħa u l-proċess tal-għażla beda. S’issa l-post għadu vojt.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Volum ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4112 u 3880 u jgħid x'kien il-volum totali ta' ilma prodott kull sena milll-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mis-sena 2000 sal-lum? X'kien il-volum ta' ilma li ġie metered għal kull sena? X'kien id-dħul għal kull sena mill-bejgħ ta' dan l-ilma? X'kien l-ammont ta' sussidju li ta l-gvern lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul dawn is-snin, kull sena separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

National Bank of Malta — Kawżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm attwalment kawżi pendenti li saru mill-azzjonisti ta' dak li kien in-National Bank of Malta? Jista' jgħid kemm ilhom pendenti dawn il-kawżi u min huwa l-Imħallef li qed jismagħhom? Jikkonferma li saru trattattivi bejn il-Gvern u n-nies konċernati? Jista' jgħid fiex waslu dawn it-trattattivi u kienx hemm xi proposti konkreti minn naħa tal-Gvern? Jidhirlu li dawn il-pendenzi tan- National Bank issa ilhom wisq u allura għandu jitratta din il-kwistjoni b'ċerta urġenza?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi attwalment hemm tlett kawżi pendenti li saru mill-azzjonisti tan-National Bank of Malta li huma s-segwenti: ‘ Peter Cassar Torreggiani et noe vs Onor Dominic Mintoff et’ – Ċitazzjoni Numru 282/1977JRM intavolata fis-16 ta’ Settembru 1977 u li tinsab differita għat-3 ta’ Diċembru 2008 sabiex jintemm il-proċess tal-leġitimazzjoni ta’ l-atti da parti ta’ l-imsemmija azzjonisti. ‘ Vincent Curmi noe et vs Onor. Prim Ministru et’ – Rikors Kostituzzjonali Numru 389/1992JRM intavolat fit-30 ta’ Settembru 1992 u li tinsab differita għat-3 ta’ Diċembru 2008 sabiex jintemm il-proċess tal-leġitimazzjoni ta’ l-atti kif fuq deskritt. ‘ Dr Philip Attard Montalto et noe vs Onor. Prim Ministru et’ – Rikors Kostituzzjonali Numru 390/1992JRM intavolat fit-30 ta’ Settembru 1992 u li tinsab differita għat-3 ta’ Diċembru 2008 sabiex jintemm il-proċess tal-leġitimazzjoni ta’ l-atti kif ukoll fuq deskritt. Dawn il-kawżi kollha qegħdin jinstemgħu mill-Onorevoli Imħallef Dr. Joseph R. Micallef. Il-Gvern għandu kull interess illi dawn il-kawżi jigu deċiżi mingħajr dewmien u qatt ma ħela ż-żmien f' dawn il-proċeduri.
Leg 11 PQ #4447 Sitting 66 2008-12-10 Oral · Interim From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Turisti Maltin

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm turisti Maltin żaru Għawdex kull sena mill-2003 ‘l hawn? Kemm minnhom qattgħu lejl jew aktar f’Għawdex kull sena? Kemm-il lejl qattgħu f’Għawdex kull sena? Jista’ jagħtini t-tagħrif mitlub xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #4510 Sitting 66 2008-12-10 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-Ministeru tagħha inxtawx karozzi li jaħdmu bl-elettriku biex jinbidlu ma’ karozzi konvenzjonali? Jekk iva, kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew iffrankati minn meta bdew jintużaw vetturi bħal dawn fil-ministeru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li karozza ta' din ix-xorta ser tinxtara s-sena d-dieħla.