Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #35373 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — Kariga ta' Deputat Direttur

Question

Tista' l-Ministru tgħid b'liema proċedura l-persuna li sa ftit ġimgħat ilu kienet fil-kariga ta' Deputat Direttur tal-Istitut għall-Istudji Turisti qabel irriżenjat minn din il-kariga, marret lura fil-kariga tal-lecturerfl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? X'inhuwa s-salarju u l-kundizzjonijiet ta' xogħol li qed japplikaw għal din il-persuna bħalisa bħala lecturer? L-impjieg tagħha huwa mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi dirett jew mas-Servizz Pubbliku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li sa ftit ġimgħat ilu kienet fil-kariga ta' Deputat Direttur tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi marret lura fil-kariga ta’ lecturer fl-istess Istitut għax kienet fuq perjodu ta’ unpaid leave skont il-ftehim kollettiv iffirmat bejn l-MUT u l-MTA. L-impjieg tagħha huwa mal- Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta. Il-kundizzjonijiet ta' xogħol li qed japplikaw bħalissa għal din il-persuna huma l-istess bħal dawk ta’ lecturers oħra skont il-ftehim kollettiv in vigore . Is-salarju tagħha huwa ta’ € 22,208.24.

Transport Malta — calls for applications

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fit-Transport Malta ma nħarġietx għadd ta' call for applications sabiex jiġu nies minn dipartimenti oħra jew sabiex seħħew movimenti minn dipartiment għall-ieħor fuq sistema interna? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni u fuq liema bażi ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hija policy ta' Transport Malta li toħroġ calls for applications interni biex jimtlew pożizzjonijiet battala sakemm l-impjegati jkollhom r-rekwiżiti meħtieġa. Movimenti ta’ impjegati fl-istess grad minn dipartiment għall-ieħor isir abbazi ta’ eżiġenzi ta’ xogħol u għalhekk dan ma jitqiesx bħala vacancy.

Direttorat tal-Avjazzjoni — Overtime

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34127, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li impjegati li jagħmel xogħol fuq barra bħala messaġġier ħa xogħol ħaddieħor f'overtime fil-ġranet tas-Sibt? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan l-aġir u jindika x'tip ta' xogħol esegwixxiet din il-persuna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mhuwiex minnu li mpjegat li xogħlu huwa ta’ messaġġier ħa xogħol ħaddiehor f’overtime is-Sibt. Waqt xogħlijiet ta manutenzjoni li saru s-Sibtijiet fl-uffiċini tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili kien hemm il-bżonn li l-messaġġier jidħol fuq overtime biex jiftaħ u jagħlaq l-uffiċini kif ukoll inaddaf wara li jlestu l-ħaddiema. Dawn id-doveri huma parti mix-xogħol ta’ messaġġier. Overtime jitqassam b’mod ekwu fuq bażi ta’ sengħa skont in-neċessità.

spazji tal-bjut tal-binjiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 28197 sa 28205 dwar photovoltaic cells fuq bjut ta' bini pubbliku, jista' l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li units ta' social housing mifruxin f'pajjiżna jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ġenerazzjoni ta' din l-enerġija?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar għad m’għandhiex tali informazzjoni. L-awtorità qiegħda fil-fażi illi tibda r-riċerka dwar l-effiċjenza enerġetika u sorsi alternattivi ta’ enerġija fil-binjiet reżidenjali tal-Gvern.

Awtorità tad-Djar — solar water heaters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux studji mill-Awtorità tad-Djar dwar kemm units ta' social housing mifruxin f'pajjiżna jkunu jistgħu jibbenefikaw minn solar water heaters? Dawn huma ristretti biss għall-appartamenti fis-sulari ta' fuq?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar għamlet studju pilota ftit snin ilu dwar dan fil-binjiet kollha ta’ Santa Luċija. Qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru dwar ir-Riżorsi u Affarijiet Rurali dwar kif jista’ jsir iżjed xogħol f’dan il-qasam. L-awtorità ilha diversi snin tobbliga lil min jixtri proprjetà taħt id-diversi skemi ta’ affordable housing biex jistalla solar water heater .

power stations — enerġija mis-sħana ġġenerata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux studji biex is-sħana ġġenerata mill-power stations tiġi riċiklata f'enerġija? Kemm hu maħsub li jiġi ġenerat u l-ispejjeż li hemm biex dan isir huma sostenibbli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-proċess ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija mill-Power Station f’Delimara s-sħana li hemm fil-exhaust li tiġi ġġenerata mill-proċess ta' combustion fuel tiġi riċiklata f’enerġija. Filfatt, 9% tal-eletriku tal-impjant il-ġdid qed jiġi ġenerat b’dan il-mod. Fid-diżinn tal-proġett tal-estensjoni, ingħatat kull attenzjoni biex l-proċess ta’ konverzjoni tal-enerġija jkun mill-aktar effiċjenti u fl-istess waqt jibqa ekonomikament vijabbli. Il-combined cycle plants (jiġifieri kemm it-turbina tal-gass kif ukoll il-magna diesel il-ġdida) għandhom sistemi ta’ rkupru li jippermettu l-użu tas-sħana mill-exhaust. Dan għaliex l-exhaust, wara li jgħaddi mill-proċessi intiżi li jnaqqsu drastikament l-emissjonijiet, jgħaddi għall-boiler li jsaħħan l-ilma u jibdlu fi fwar. Dan il-fwar jintuża biex titħaddem l-isteam turbine, biex b’hekk tittieħed ukoll l-energija tal-exhaust u jiġi prodott 13 MW mill-enerġija maħżuna fl-exhaust. Dan huwa ekwivalenti għal madwar 9% mill-elettriku ġġenerat fl-impjant il-ġdid.

WSC — water meters

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex xi pjanijiet biex tiddisponi mill-water meters l-antiki? Jekk iva kif se jsir dan? Ħareġ jew inħareg xi tender? Jekk iva, fiex wasal?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiddisponi mill-meters ta’ l-ilma antiki billi minn żmien għal żmien tbiegħ dawn il-meters permezz ta’ tender.

Twaqqif ta' benefiċċju soċjali ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħdu l-awtoritajiet fil-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jgħix fuq il-benefiċċju soċjali u ftit taż-żmien ilu twaqqfuqlu u m'għandux aktar flus biex jgħix?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jiena nfurmat li l-individwu għandu jirrikorri f’wieħed mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jingħata l-informazzjoni meħtieġa.

Valur  tal-art  mogħtija mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'valur għall-art se jintuża għal finijiet ta' boll meta dawk li llum joqgħodu fi djar li bnewhom huma stess fuq art mogħtija mill-gvern snin ilu u sallum għadha fuq konvenju meta jigu imsejħa biex jagħmlu l-kuntratt?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratti finali ta’ djar li nbnew mir-residenti fuq art tal-Gvern u li sallum għadhom fuq konvenju ma jsirux mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern iżda jsiru mill-Awtorità tad-Djar. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru li tressaq id-domanda tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Avukati tat-Tfal — rapporti fil-Qorti tal-Familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Avukati tat-Tfal ippreżentaw rapporti fil-Qorti tal-Familja fis-sena 2011, u kemm minnhom ġew issiġillati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li; Qrati tal-Gustizzja Malta: B’referenza ghad-domanda tal-Onor Membru jinghad li kien hemm 29 rapport tal-Avukati tat-tfal fil-Qorti tal-Familja matul is-sena 2011. Seba’ kienu ssigillati. Qrati tal-Gustizzja Ghawdex: Ma tinżammx statistika jew nota ta’ rapporti redatti u preżentati lill-Qorti mill-Avukati tat-Tfal. Addirittura, lanqas neċessarjament jiġu preżentati fir-Reġistru tal-Qorti tali rapporti. Iżda meta dawn jiġu preżentati, bħala prassi, dawn jgħaddu lill-Maġistrat Sedenti f’ envelope magħluq. Imbagħad sta għall-maġistrat jekk jordnax li dan jibqa’ ssiġillat jew le. Madanakollu, pero’, ma jirriżultax lid-diversi Deputati Reġistraturi illi fis-sena 2011 ġew ippreżentati rapporti tal-Avukati tat-Tfal fil-Qorti tal-Familja.

oġġezzjoni dwar ir-riżultat tal-karnival

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-appell li għamel l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li sar oġġezzjoni għar-riżultat tal-karnival ta' din is-sena issa li għaddew 4 xhur mill-istess riżulta? Jista' l-Ministru jara li dan isir mill-aktar fis possibli?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kif ukoll it-tim organizattiv tal-karnival iltaqa’ mal-parteċipant li għamel l-appell u riċentement intbagħtet ittra lil dan il-parteċipant.

ħlas għall-arbitraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-posizzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li stante li kellha żewġ appelli fl-arbitru meta l-flus li kellha tirrifondi tathom kollha u xorta qegħdin jitlobuha mill-Uffiċċju tal-Arretrati li baqalha tagħti lura meta din hija persuna li ma taħdimx u qegħdha tgħix maż-żewġ uliedha?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jiena nfurmat li l-individwu għandu jirrikorri f’wieħed mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jingħata l-informazzjoni meħtieġa.
Leg 11 PQ #35385 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru tal-Intern

Santa Venera — Ġnien Romeo Romano - siġar li qed jinqerdu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex is-siġar tal-larinġ li jinsabu fil-Ġnien Romeo Romano ta' Sta. Venera, li hu r-responsabilità tal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera qegħdin jitħallew jinqerdu ftit ftit u dan għax il-ħaxix ħażin li ħonoq lil dawn is-siġar issa nixef u għalhekk f dawn il-ġranet sħan jista' jkun ta' periklu minħabba nirien li jistgħu jeqerdu l-istess siġar u l-madwar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera li fil-parti pubblika tal-Ġnien Romeo Romano m’hemmx siġar taċ-ċitru. F’Marzu 2012, beda x-xogħol ta’ tirqim tal-burduri (trimming tal-hedges) ta’ Lantana camara u Pittosporum tobira li jinsabu fil-passaġġi ta’ Ġnien Romeo Romano. Fil-Ġnien Romeo Romano sar xogħol ta’ ħrit u tħawwlu diversi xtieli tal-fjuri. Inqata’ wkoll il-ħaxix selvaġġ tal-ġnub tal-madwar u nżabru l- hibiscus u l- bougainvillea li jinsabu fil-passaġġ ta’ kif tidħol mit-Torretta. Għall-aħħar t’April, 2012, beda jinqata’ l-ħaxix selvaġġ li kien hemm fil-ġonna tan-naħa tas-Sienja, ir-Razzett, il-Mużew u n-naħa ta’ fejn hemm il-ġarar tan-naħal ( bee-hives ), fejn ix-xogħol għadu għaddej fuq dawn il-ġarar. Qed isir ukoll tisqija regolari tas-siġar kollha f’dan il-Ġnien u l-ġonna l oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill b’sistema ta’ irrigazzjoni. Wieħed irid jiftakar ukoll illi matul din is-sena x-xita kienet abbundanti u għalhekk tela’ ħafna ħaxix selvaġġ f’perjodu relattivament qasir. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera qed ikompli jneħħi l-ħaxix selvaġġ li fadal.

Birżebbuġa — Qajjenza - Għeluq ta' depot tal-gass tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jingħalaq id-depot tal-gass tal-Korporazzjoni Enemalta fil-Qajjenza f'Birżebbuġia?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-impjant tal-Gas tal-Qajjenza jingħalaq meta l-Gasco tibda topera l-impjant il-ġdid tagħha f’Bengħajsa. Jidher li min-naħa tal-Gasco s’issa kollox miexi skont l-iskeda u huwa mmirat li dan iseħħ lejn l-aħħar ta’ Lulju 2012.

barrieri li ġew mirduma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35166 u jgħid liema huma dawk il-barrieri li s-sidien tagħhom radmuhom mingħajr l-permessi meħtieġa? X'azzjoni qiegħda tieħu l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kontra s-sidien kkonċernati?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Arms Ltd — żbalji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ARMS Ltd qed tagħmel ħafna żbalji fis-sistema tal-kontijiet li jkunu ġew trasferiti fuq persuni fl-istess familji billi qed ineħħu n-numru tar-residenti kollha mill-kontijiet tagħhom bil-konsegwenza li dawn qed jitilfu s-sussidju? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn il-familji wara li jindunaw b'dawn l-iżbalji minn naħa tal-ARMS Ltd qed jgħidulhom biex japplikaw għall-bdil tan-numru ta' residenti u r-refund jingħatalhom mid-data li jissottomettu din l-applikazzjoni mill-ġdid? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn l-iżbalji simili ma kenux isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #35396 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

programmi biex persuni jitgħallmu jiktbu u jaqraw

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema programmi governattivi/edukattivi joffru possibilità għall-adulti (jiġifieri nies ta' iktar minn 18-il sena) li ma jkunux tgħallmu jiktbu u jaqraw biex jitgħallmu jiktbu u jaqraw? Kemm kien hemm adulti li ħadu dawn il-korsijiet sena b'sena fl-aħħar ħames snin? X'età kelhom? Minn liema raħal kienu ġejjin? X'sess kellhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

prezz tal-mediċina Actonel

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Actonel li minn Malta jiswew €38.50 kull erba' pilloli, minn Brussels jiswew €56 kull 12-il pilloli, u għaldaqstant jiswew erba' darbiet iżjed?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Niġbed l-attenzjoni ta’ Onor. Interpellant li l-prezz tal-Actonel Once a week raħas din is-sena bl-intervent tal-Awtorita tal-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur minn €38.20 għal €34.20. Waqt li veru li pakkett ta’ 12-il pillola jekk taħdmu fuq bażi pro rata jiġi orħos minn kemm jinbiegħ f’Malta, iżda pakkett ta’ 4 pilloli fi Brussels jinbiegħ €38.42 li huwa aktar ogħli milli kemm jinbiegħ f’Malta.

Nuqqas ta' ħlas ta' manteniment

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa każ tal-omm li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li l-partner jinsab fil-Faċilità Korretiva Kordin fejn dan mhux immatni lit-tifla ta' tliet xhur peress li kull meta ċċempel, dejjem jgħidulha li l-każ tagħha għadu qed jitmexxa?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kawża ġiet registrata fi Frar 2012, kien hemm seduta f’Mejju fejn ir-raġel ma kienx notifikat u issa l-kawża tinsab differita ghal-Novembru biex jigi notifikat ir-raġel. Mill-Qorti harget notifika fl-20 ta’ Marzu, 2012 biex jiġi notifikat ir-raġel f’post is-Siġġiewi fejn ir-riferta ġiet negattiva stante li l-post ma setax jinstab; ħarġet notifika oħra lir-raġel nhar 31 ta’ Mejju, 2012 fl-istess indirizz u li wkoll il-marixxall ma setax isib il-post indikat. Huwa sta għal parti li jipprovdi l-indirizz fejn għandu jiġi notifikat il-kontro parti. Illi jekk il-kontro parti qiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin skont kif qed jingħad fid-domanda, allura n-notifika kellha tinħareġ fuq dak l-indirizz u mhux f’post is-Siġġiewi fejn qed jirriżulta li l-Marixxall lanqas biss jista’ jsib dan il-post. Qabel ikun hemm notifika skont il-ligi, il-Qorti żgur li ma tistax tipprosegwi f’dan il-każ.

Fgura — Triq il-Foss - tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx it-tender sabiex Triq il-Foss ġewwa l-Fgura ssir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fuq il-parti ta’ din it-triq, bejn Triq Hompesch u Triq il-Kottoner sar xogħol t’asfaltar f'dawn l-aħħar ġranet. Għall-parti li hija cul de sac, saru l-istejjem tax-xogħlijiet meħtieġa u ġie maħruġ Call for Tenders fil-ġranet li għaddew.