Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — lista ta' tenders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31127 u 30891 u jagħti lista ta' tenders mogħtija fl-2008, 2009, 2010 u bejn Jannar u Novembru 2011 mill-Ministeru, l-aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħtu u li l-valur tagħhom kien ta' iktar minn miljun ewro? Jista' jagħti dettalji ta' x'tenders kienu u lil min ingħataw? Jista' jgħid fuq kemm minnhom tħallas iktar minn kemm kienet l-ispiża oriġinali u kemm kienet id-differenza f'kull każ u jagħti r-raġuni għaliex ġara hekk f'kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33424 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qiegħed jitlob ingħatat fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34400 imressqa minnu.

Ikel tal-Unjoni Ewropea — lista

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34491 u jgħid kemm kienu n-nies li kwalifikaw għall-ikel tal-Unjoni Ewropea sena b'sena mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti l-lista, lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f' seduta oħra.

trobbija tan-nagħaġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34801 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi kkontrollata t-trobbija tan-nagħaġ? Jista' jgħid hux vera li hemm il-ħsieb li jiġu rtirati l-permessi preżenti kollha tat-trobbija tan-nagħaġ? Jista' jgħid jekk se jsir hekk, hux se jkun hemm xi kwota u kemm se tkun din il-kwota?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-trobbija tan-nagħag hija diġa kontrollata kemm minn regolamenti ewropej kif ukoll minn liġijiet Maltin. Bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar l-introduzzjoni ta’ regolamenti li jirrigwardaw il-ġbejniet u l-promozzjoni tagħhom. Dan se jfisser li li kull min għandu inqas minn 10 nagħġiet jrid bil-fors jikkumerċjalizza direttament lill-konsumatur il-ġbejniet tiegħu u ma jistgħax iqiegħdhom għall-bejgħ fis-suq organizzat jiġifieri fil-ħwienet u supermarkets. Minn-naħa l-oħra, il-produtturi li għandhom aktar min għaxra jkunu jistgħu jqiegħdu l-prodotti tagħhom fuq is-suq (fil-ħwienet) u jridu jkunu ttikketati b’konformità mal-liġi. Din it-tiketta ser tkun jew ovali, jekk il-produttur jkun laħaq il-livelli meħtiega mir-Regolament 853/2006, jew triangolari, jekk ser ikun licenzjat taħt ir-regolament 852/2006. Id-differenza bejn dawn hija li dawn tal-aħħar ma jkollhomx il-possibilita li jitqiegħdu għall-bejgħ fuq is-suq ewropew.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — entitajiet tal-internal audit

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35525 u jgħid liema huma dawk l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li preżentament għandhom funzjoni ta' internal audit? Jista' jgħid liema minn dawn l-entitajiet irrikorrew għas-servizz ta' ditti tal-awdituri biex jingħatalhom dan is-servizz? F'kull każ, jista' jgħid: a) liema ditta tal-awdituri ġiet mqabbda; b) kemm qed tiġi mħallsa kull sena tal-funzjoni tal-internal audit; ċ) f'kull każ, min huma l-awdituri esterni u jekk l-awdituri interni humiex l-istess ditta? F'każ li l-istess, kemm qed jitħallsu tal-funzjoni tal-awditjar estern; d) kemm huwa t-turnover tal-entità li taqa' taħt il-Ministeru; u e) kemm għandha impjegati l-entità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

San Ġiljan — Triq Claire Engel - spazji riswervati bla linji

Question

Jista' l-Ministru jara li Transport Malta tieħu l-passi meħtieġa biex malajr kemm jista' jkun dawk l-ispazji kollha riservati għall-ipparkjeġġar għall-persuni diżabbli fi Triq Claire Engel, San Ġiljan jerġgħu jiġu miżbugħa għax meta din it-triq inksiet dan l-aħħar ġew mgħottija dawn l-ispazji kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mir-rekords ta’ Transport Malta jirriżulta li fi Triq Claire Engel, San Ġiljan kien hemm reserved parking bay waħda approvata u din ser tiġi miżbugħa fil-ġranet li ġejjin.

Problemi fuq sussidju

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ħadet xi sussidju però jidher li hemm xi problemi oħra?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata ma għandha l-ebda problema pendenti mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali.

Art mogħtija liċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-klawsoli li fihom lil min ta l-art biex jibda jopera ċ-ċentru għall-ħarsien tal-annimali, kemm ingħata ħlas ta' kera fis-sena? Kemm ingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea? X'kundizzjonijiet il-gvern ta lil min qed jieħu ħsieb dan il-proġett? Kemm huwa obligat li jħallas kull persuna biex tagħmel użu minn dan is-santwarju? Il-gvern jagħti sussidju? Jekk iva, kemm u jekk le, hemm il-ħsieb? Dan jitmexxa b'mod kummerċajli jew b'mod volontarju?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li peress li ċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Animali kien parti minn proġett maħsub mill- Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, nitlob lill-Onorevoli Membru biex iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Wires tad-dawl — qawwa tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-persuna li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament peress li qed tilmenta rigward wires li qed jagħmlu ħsara fil-qawwa tad-dawl u mhux l-ewwel darba li qed jinqata' dawl f'daqqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi qed issir investigazzjoni mill-Korporazzjoni Enemalta biex tiġi solvuta l-problema ta’ dan il-klijent. Fil-fatt ġie installat ‘voltage recorder’ biex jiġi iċċekkjat il-vultaġġ tad-dawl. Se jinbidel ukoll il-kejbil tas-servizz elettriku li dieħel f’din ir-residenza minħabba li dan huwa antik ħafna. B’dan tal-aħħar inkunu qed nindirizzaw il-problema tal-qtugħ tad-dawl f’daqqa f’din ir-residenza.

Awtorità tad-Djar — manutenzjoni ta' post

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Awtorità tad-Djar biex tirranġa l-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li kien f'idejn il-gvern u kien għaddih applikant tad-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali jitranġa peress li jinsab fi stat diżastruż ?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ m’ghandha l-ebda talba sabiex isir xi xoghol ta’ manutenzjoni.

Swatar — servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti ta' għadd ta' residenti tas-Swatar li minkejja s-servizz 110 u 123 tal-Arriva kull siegħa qed jkun hemm spiss nuqqas serju ta puntwalità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjonijiet tiegħu lil Transport Malta biex tieħu dik l-azzjoni li hemm bzonn.

Swatar — Triq Għabex - retaining wall jew barriers

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti tar-residenti tas-Swatar dwar il-fatt li fi Triq Għabex li tagħti lejn Birkirkara hemm bżonn urġenti ta' retaining wall jew barriers billi hemm diżlivell fil-parti li tagħti għal fuq Triq il-Wied Msida/Birkirkara u dan b’periklu kbir għal min ikun għaddej minn hemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Ċentrali huwa responsabbli mit-toroq arterjali u distributori, it-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ma taqax f’dawn il- katergoriji u għaldaqstant hija responsabbiltà tal-Kunsill Lokali.

Sptar Mater Dei — differenza bejn carers u nursing aides

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu ta’ carers mal-kuntrattur ġewwa l-Isptar Mater Dei? Kemm hemm nursing aides? Ma jħossx li hija diskriminatorja li filwaqt li nursing aides li jaħdmu mal-gvern u li jagħmlu kważi xogħol identiku għandhom paga doppja ta’ dik li jaqilgħu l-carers u dan mingħajr ebda preġudizzju għall-kundizzjonijiet li jgawdu n-nursing aides iżda sempliċiment minħabba d-diżlivell li hemm bejn il-kundizzjonijiet tat-tnejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei hemm 254 carers mal-kuntrattur u 225 nursing aides. Is-salarji tan-Nursing Aides huma skont ir-rati stipulati mal-Gvern, filwaqt li l-ħlas tal-carers isir abbażi tal-kuntratt li dawn il-persuni għandhom mal-kuntrattur li jimpjegahom.

Sptar Mater Dei — Nuqqas ta' ħaddiema fil-laboratorji tal-isptar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-preżent ġewwa l-Isptar Mater Dei hemm nuqqas ta' ħaddiema fil-Laboratorji tal-istess sptar? Jikkonferma ukoll li filwaqt li hemm diversi li se jiggradwaw u oħrajn li diġà gradwaw m'hemm l-ebda ħsieb li dawn se jiġu impjegati minħabba li d-Dipartiment tal-Patoloġija m'għandux finanzi għall-pagi tal-ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm laboratorji fl-Isptar Mater Dei u kull wieħed minnhom kemm qed iħaddem nies fil-preżent u kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li suppost jaħdmu f'kull laboratorju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm vakanzi approvati li għadhom mhumiex mimlija u li preżentament hemm sejħa biex jintlew vakanzi ta’ Medical Laboratory Technologist fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, li fetħet fl-20 ta’ Novembru 2012 u tagħlaq fil-14 ta’ Diċembru 2012. Ninsab informat ukoll illi fil-Medical Laboratory Services tal-Isptar Mater Dei hemm total ta’ 149 impjegat li qed jaħdmu fit-taqsimiet kif jidher hawn taħt: Administration 6 Bacteriology 24 Biochemistry 39 Cytogenetics 3 Cytology 5 Haematology 23 Histology 15 Hospital Blood Bank 14 Immunology 6 Mortuary 2 Mycology 2 Toxicology 3 Virology 7 Total ta’ Taqsimiet: 13 149

Direttorat għall-Kontroll tas-Sajd — proċeduri ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb wara proċedura ġdida li ġiet introdotta issa mid-Direttorat għall-Kontroll tas-Sajd bil-barka tal-Ministeru sabiex il-ħlas tal-liċenzja ma jsirx għal sena waħda biss imma jsir għal sentejn jiġifieri sas-sena 2014 meta dan il-ħlas dejjem kien isir għal sena waħda biss?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-frekwenza tal-ħlas ta’ liċenzji se tibqa fuq bażi annwali. Preżentement id-Direttorat għall-Kontroll tas-Sajd, qiegħed jintroduci sistema li biha ir-Reġistru tal-Bastimenti tad-Direttorat ghall Kontrol tas-Sajd ser ikollom tibdil fid-data li fiha tiġi mġedda l-Licenzja biex tikkonċidi mad-data ta’ reġistrazzjoni u li għalhekk il-ħlasijiet se jkun fihom aggustamenti pro-rata biex jikkonċidu mad-data ta’ reġistrazzjoni. Ninfurmah ukoll li għal Bastimenti li huwa minn sitt metri ‘l fuq, id-data tat-tiġdid tal-liċenzja l-ġdida ser tkun abbinata mad-data li fiha il-bastiment ikun ġie reġistrat ma Transport Malta u li fl-istess data jrid jigi mġedded il-permess ma din l-Awtorita’. Dan biex tinħoloq sinerġija bejn ir-reġistri taż-żewġ awtoritajiet. Minn-naħa l-oħra Bastimenti fejn it-tul huwa ta’ anqas minn sitt metri, id-data li ser tigi applikata ghat-tigdid tal-licenzja mad-Direttorat ghall-Kontrol tas-Sajd ser tkun l-istess data ta’ meta kien reġistrat l-ewwel darba il-bastiment mad-Direttorat ghall-Kontrol tas-Sajd. Għaldaqstant jirrizulta li l-ħlas li ser isir fix-xahar ta’ Diċembru 2012 irid ikopri s-sena 2013 kollha kif ukoll il- parti tas-sena 2014 sad-data (xahar u jum) li fiha kien registrat għall-ewwel darba il-bastiment skont kif indikat qabel. Wieħed jista japprezza li l-ħlas mitlub mid-Direttorat fil-maġġoranza tal-kazi fil-fatt ma jkoprix sentejn imma sena u numru ta’ xhur skond il-kaz. Għalhekk wieħed jista’ jara li bis-sistema l-ġdida it-tiġdid tal-liċenzji ser ikun mifrux matul is-sena kollha biex b’hekk, barra li jkun iffacilitat ix-xogħol tad-Direttorat u titjieb is-sinergija bejn l-awtoritajiet koncernati, l-istess sajjieda jiġu moqdija aħjar kemm bħala tul ta’ proċess kif ukoll b’ inqas dewmien biex jircievu il-liċenzja mġedda. Id-Direttorat m’hu bl-ebda mod ifittex li jżied xi piz fuq is-sajjieda peress li eventwalment il-ħlas tal-liċenzja fis-snin ta’ wara jibqa’ jsir fuq bażi ta’ sena. Fi kliem sempliċi din is-sistema ser taħdem fuq l-istess linji bħal ma hemm diġa dwar il-liċenzji tal-vetturi.

Sptar Mater Dei — Ftehim ma' Sptar Privati għal servizz mogħti fil-weekend

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-ftehim li sar ma' sptar privat dwar servizz mogħti fil-weekend minflok persuna tmur ġewwa l-Isptar Mater Dei jeskludiex persuna taħt it-18-il sena? Jekk dan mhux minnu, kellu xi rapport li ġieli ntqal dan il-kliem minn xi persuni li forsi jaħdmu fl-isptar privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fid-definazzjoni ta’ dan il-kuntratt li jirregola dan is-servizz bejn id-dipartiment tas-Saħħa u l-isptarijiet ta’ s-St. James (Żabbar u Sliema), jeskludi pazjenti ta taħt is-sittax-il sena (paediatric patients). B’konsegwenza, pazjenti bejn is-sittax u t-tmintax-il sena jiġu trattati bħal kull pazjenti regolari oħra.

Persuna li jitlef il-benefiċċju tal-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li tkun qed tirċievi l-pensjoni u taħdem fl-istess ħin mingħajr ma titlef il-benefiċċju tal-pensjoni hemmx obbligu li tagħti jew tingħata n-notice?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuna li tilhaq l-eta' tal-irtirar meta tkun fl-impjieg tista' tieqaf jew tigi mwaqqfa mill-impjieg taghha minghajr l-obbligu li jinghata notice.

Wied il-Għajn — Triq is-Sikka - plots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex xi plot jew plots vojta u/jew mhux żviluppati fi Triq is-Sikka ġewwa Wied il-Għajn? X’inhu l-ħsieb għal dawn il-plots?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ghandha plots fi Triq is-Sikka M’Scala. L-Awtorita' prezentament qed tirrevedi l-policies taghha dwar bini ta' binjiet godda.

Dipartiment tas-Sanità Pubblika — azzjoni industrijali

Question

Jikkonferma l-Ministru li fil-preżent hemm azzjoni industrijali fi ħdan id-Dipartiment tas-Sanità Pubblika? Jekk fl-affermattiv x’inhi r-raġuni għal din l-azzjoni? Jista' jgħid kif il-pubbliku qed jiġi moqdi fil-preżent?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li preżentament hemm azzjoni industrijali fi ħdan id-Direttorat għal Saħħa Ambjentali. Ir-raġuni għal tali azzjoni hija minħabba nuqqas ta’ qbil mal-Union Ħaddiema Magħqudin dwar il-ftehim kollettiv settorali. Il-pubbliku mhux qiegħed jiġi moqdi fir-rigward ta’ dawk l-azzjonijiet indikati fl-istess azzjoni mill-Union.