Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inizjattivi edukattivi — Vot 5434 - Estimi 2009

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema inizjattivi edukattivi ġew finanzjati min dan il-vot tul is-sena 2008? Kemm ingħatat flus kull inizjattiva u xi kriterji ntużaw biex jingħataw dawn il-fondi? Liema inizjattivi se jiġu finanzjati tul is-sena 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Contractual Services — Vot 30 - Estimi 2009 Ministeru

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-vot fuq Contractual Services għas-sena 2009 iżjed minn irdoppja mis-sena 2008? Min qed jitħallas minn dan il-vot u kemm qed jitħallas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ż-żieda fil-vot tal-Contractual Services hija prinċipalment dovuta għall-inklużjoni ta’ Cost Centre għas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pagamenti li saru minn dan il-vot matul l-2008.

Ministeru tal-edukazzjoni — Vot 24 - Estimi 2009

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif għas-sena 2009 il-vot għall-kera tal-Ministeru qabeż għal €404,0000 meta s-sena li għaddiet kien ta' €2000?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ż-żieda fil-vot għall-kera tal-Ministeru tirrifletti primarjament l-apportionment tal-kera ta’ l-uffiċċini wżati mill-istaff tal-Ministru u d-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni.fil-Floriana bħala parti mill-eżerċizzju ta’ l-Accrual Accounting.

Kunsilli Lokali — Bord tal-aġudikazzjoni tat-tenders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif jinħatar il-bord tal-aġudikazzjoni tat-tenders fil-kunsilli lokali? Xi jkun il-parir tad-dipartiment tal-kunsilli f'dan ir-rigward? Isir xi monitoring biex dawn il-bordijiet jimxu skond kif huma stipulati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċessi kollha relatati ma’ ħruġ ta’ offerti mill-Kunsilli Lokali huma regolati mill-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363), ir-Regolamenti dwar Kunsilli Lokali (Offerti) – A.L. 157 ta’ l-1993, kif ukoll il-Proċeduri ta’ l-1996 dwar Kunsilli Lokali (Offerti). Il-proċess, l-evalwazzjoni u d-deċiżjoni fuq offerti jsiru jew mill-Kunsill jew minn kumitat maħtur apposta mill-Kunsill sabiex jiddeċiedi fuq l-offerti li jkunu ntefgħu. Naturalment, id-deċiżjoni finali tkun tal-Kunsil l. Il-kumitat jista’ jaħtar assistenza minn barra jekk ikunu meħtieġa pariri tekniċi jew xort’oħra. Waqt l-ipproċessar, l-evalwazzjoni u d-deċiżjoni fuq l-offerti għandu jkun żgurat li l-prezzijiet ikkwotati jkunu ġusti u xierqa u li d-deċiżjonijiet fuq l-aktar offerti vantaġġjużi jkunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet kemm ta’ prezz kif ukoll ta’ kwalità. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, bħala parti mill-funzjoni tiegħu, jagħmel skrutinju ta’ l-operat tal-Kunsilli Lokali, fosthom il-ħruġ u l-għoti ta’ offerti, u fejn jirriżulta illi l-proċeduri msemmija hawn fuq mhux qed jiġu segwiti, id-Dipartiment jintervjeni biex jara illi l-pożizzjoni tiġi regolarizzata, fosthom li jwaqqaf proċess milli jitkompla jekk jinstab li l-Kunsill ma jkunx segwa r-regolamenti u l-proċeduri msemmija aktar ’il fuq.
Leg 11 PQ #4621 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet li ilhom pendenti quddiem l-istess case officer għal iktar minn sitt xhur (qabel l-1 ta' Ġunju 2008)? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet pendenti għal dan il-perijodu quddiem l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma' żżommx informazzjoni ta' tibdil fil-case officer u d-data meta nbidel il-case officer. Skond l-istess sistema l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha quddiema 1614-il applikazzjoni li għandhom qed jiġu pproċessati minn naħa tad-Development Control u li ġew validati qabel 1 ta' Ġunju 2008. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn turi dawn l-applikazzjonijiet u l-lokalità tagħhom.
Leg 11 PQ #4630 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema taċ-ċivil — salarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti figuri ta' kemm għandhom salarji l-ħaddiema taċ-ċivil? Kemm għandhu ħaddiema f'kull skala ta' salarju? Kemm għandu ħaddiema b'kuntratt u f'liema skala jaqgħu dawn il-ħaddiema meta tqabbel is-salarji tagħhom ma' dawk taċ-ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Spiża tal-karozzi tad-dipartimenti tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu spejjeż fi fuel għall-karozzi li jużaw id-dipartimenti tal-gvern dipartiment, dipartiment minn Diċembru 2007 sa Diċembru 2008? Kemm jużaw fuel il-karozzi tal-istaff personali ta' kull ministru fl-istess żmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħaddiema paramediċi, nurses u professjonali — Salarji basiċi u allowances

Question

Jista' l-Ministru jagħti figuri ta' kemm għandhom salarji basiċi u allowances il-ħaddiema paramediċi, nurses u professjonali li jaħdmu miegħu? Jista' jgħid kemm għandu ħaddiema u professjonisti f'kull skala ta' salarji?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Single parents bi tfal bi bżonnijiet speċjali — permess speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistiex permess speċjali għal single parents bi tfal bi bżonnijiet speċjali meta dawn imorru jiġbru l-pilloli mill-ispiżerija tal-gvern? Liema permess jagħti faċilità lil dawn il-ġenituri jqabbżu l-kju li jkun hemm fl-ispiżerija?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li persuni bi bżonnijiet speċjali jkollhom fil-pussess tagħhom karta ta' l-identita' safra maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita (KNPD). Din il-karta ta' l-identita' tinħareġ lill-persuni bi bżonnijiet speċjali u mhux lill-ommijiet jew missierijiet tal-persuna konċernata, irrispettivament jekk dawn humiex single parents. Informat ukoll li b'din il-karta ta' l-identita' il-persuna konċernata tkun intitolata' biex tinqeda minn special queue meta tiġi tiġbor xi pilloli mill-ispiżeriji tal-gvern u ma toqgħodx tistenna fil-queue normali.
Leg 11 PQ #4636 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Permessi għal Outside Development Zone

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu permessi ta' żvilupp Outside Development Zone mill-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 2008 sat-30 ta' Novembru, 2008? Kemm inħarġu permessi ta' żvillup Outside Development Zone mill-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent f'dawn l-aħħar sentejn li kienu jinvolvu bini ta' strutturi fejn jinżammu/jitrabbew iż-żwiemel (horse stables)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti il-figuri ta' kemm inħarġu permessi ta' żvillupp Outside Development Zone mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 2008 sat-30 ta' Novembru 2008. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet 21 permess ta' żvillupp Outside Development Zone mill-1 ta' Jannar 2007 li kienu jinvolvu bini ta' stalel. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema ta' l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew imfittxija applikazzjonijiet li fihom il-kliem "stalla", "stalel" jew "stable" fil-proposta tagħhom.

Numru ta' ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm x'inhu n-numru ta' ambulanzi li għandu l-gvern għad-dispożizzjoni tiegħu? Kemm huwa n-numru idejali li jaħseb li għandu jkollu? Kemm ġew jiswew flus biex inżammet kull vettura bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007? Fejn normalment jiġu stazzjonati dawn il-vetturi? Jekk huwiex veru li l-pazjenti jridu jħallsu xi flus biex jieħdu servizz ta' trasport bl-ambulanza?

Response (DALLI, JOHN)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa għandha għad-dispożizzjoni tagħha 16 il-Ambulanza. Waħda minn dawn l-ambulanzi ġiet ikkonvertita għal van li jġorr il-mejtin. In-numru idejali ta' kemm għandu jkollu l-gvern għad-dispożizzjoni qed jiġi stabbilit. Bħalissa qiegħed isir studju f'dan ir-rigward. L-ambulanzi huma stazzjonati hekk : 7 jaħdmu 24 siegħa kuljum u jinsabu fit-taqsima ta’ l-Emerġenza tal-iSptar Mater Dei, u 9 oħra li joperaw mill-garage ta’ G'Mangia. Informat ukoll li ma jsir l-ebda ħlas biex il-pazjenti jagħmlu użu mill-ambulanzi, kemm dawk ta' Sptar Mater Dei, kif ukoll dawk tal-garage ta’ G'Mangia. Is-servizz kollu jingħata bla ħlas. L-ispiża sabiex kull ambulanza nżammet f’kundizzjoni tajba bejn Jannar u Dicembru 2007 kienet hekk : GVH - 096 - xejn GVH - 097 - xejn GVH - 098 - xejn GVN - 468 - LM2556.77c GVN - 469 - LM3418.23c GVN - 470 - LM2985.41c GVN - 471 - LM4735.26c GVN - 036 - LM1743.12c GVN - 038 - LM1997.57c GVN - 232 - LM1923.55c GVN - 233 - LM2099.37c GVN - 234 - LM1667.00c GVN - 380 –LM 691.79c GVN - 381 –LM 957.91c GVN - 382 - LM1205.30c GVN - 386 –LM 495.14c

Residenti li jħallsu huma għall-lift ġewwa flat tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid teżistix xi tip ta' għajununa speċjali għal dawk ir-residenti li jiddeċiedu li jħallsu huma biex jagħmlu lift ġewwa flat tal-Gvern? Jekk teżistix xi help line fejn dawn il-persuni li jkunu jridu jagħmlu dan jistgħu jċemplu fuqu? Jekk jeżistux kundizzjonijiet għal dawk li jibbenefikaw minn għajnuna u għal dawk li ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-istess għajnuna?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Awtoritá preżentament tilqa’ applikazzjonijiet minn residenti fi Blokki tal-Gvern, għall-installar ta’ liftijiet fil-partijiet komuni tal-blokk. L-Awtorita’ taghmel evalwazzjoni biex tikkonfirma jekk l-applikanti ikunux eliġibbli għall-iskema skond il-kundizzjonijiet tagħha u jekk hux teknikament possibli li jigi akkomodat lift fil-blokk, imbaghad tipprocedi billi tipprepara pjanti u tissottometti applikazzjoni lill-MEPA għal permess, titlob il-permess tad-Dipartiment tal-Artijiet fejn applikabbli, tħejji tender ghall-installar tal-lift inkluz ix-xogħol strutturali involut, taghzel il-kuntrattur, taghmel is-supervizjoni tax-xogħlijiet u fl-aħħarnett tiehu hsieb il-handing over tal-lift lir-residenti. Informat ukoll li l-Awtoritá qatt ma rċeviet talbiet minn residenti biex dawn ikunu jistgħu iħallsu jew jimmaniġġjaw il-proċedura huma stess. B’hekk ma jeżistux l-aspetti ta’ għajnuna speċjali, help line jew kundizzjonijiet li jissemmew fil-mistoqsija parlamentari għax bħalissa il-process kollu jitmexxa mill-Awtoritá stess. F’kaz ta’ residenti li jixtiequ jinghaqdu f’Assocjazzjoni u jiftiehmu biex jinstallaw lift huma stess, dawn iridu jiksbu l-istess permessi mehtiega mill-Awtoritajiet (MEPA, Dipartiment tal-Artijiet jew Awtorita’tad-Djar skond min hu s-sid tal-proprjeta’) qabel ma jibdew kwalunkwe xoghlijiet, iridu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet konnessi mal-permessi mahruga u eventwalment mal-kundizzjonijiet applikabbli ghall-installar u manutenzjoni tal-lifts.
Leg 11 PQ #4668 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Żieda fil-pagi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk rigward ir-riformi fl-Armata, dawk li għandhom jingħataw awment fl-iskala tax-xogħol tagħhom skond ir-riforma li ħabbar hu stess, huwiex il-każ kif qed jingħad verbalment sal-lum, speċjalment fil-first regiment biss, li min ma setax jagħmel physical exercise, inkella minħabba raġunijiet ta' saħħa, min ma ħax sehem fil-parati, jew min kellu xi charges minuri, mhux se jibbenefika minn dawn l-iskali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iż-żieda li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant tingħata jekk l-individwu jkun ħadem b’diliġenza u fedeltà matul is-sena taħt kunsiderazzjoni. Bħalma jsir kull sena, bħalissa għaddej proċess ta’ evalwazzjoni biex jiġi determinat min għandu jieħu din iż-żieda.

Esportazzjoni lejn il-Lvant Nofsani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir mill-gvern biex igħin l-industrija Maltija tesporta l-prodotti tagħha lejn il-Lvant Nofsani? X'ġie esportat matul din is-sena f'dan ir-reġjun u f'liema ammonti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Enterprise għandha uffiċċji attivi ħafna ġewwa Dubai kif ukoll ġewwa l-Libya li jassistu kumpaniji Maltin interessati f’dan ir-reġjuni. Barra minn hekk kumpaniji Maltin ikunu jistgħu jipparteċipaw f’avvenimenti li torganizza l-Malta Enterprise fil-Lvant Nofsani. Dawn jinkludu kif jidher hawn taħt: · Big 5 Show. Din hija l-akbar fiera annwali għall-industrija tal-kuntratturi, kostruzzjoni u ‘interior design’ fil-Lvant Nofsani. Il-fiera seħħet bejn it-23 u is-27 ta’ Novembru 2008 f’Dubai UAE. · Malta Enterprise ħadet sehem fil-Hotel Show li seħħet f’Dubai bejn it-8 u l-10 ta Ġunju 2008. Din il-mostra hi magħrufa mad-dinja kollha bħala il-forum għas-settur ta’ l-ospitalità f’iLvant Nofsani u l-Afrika ta’ fuq. · Bejn it-2 u l-4 ta’ Diċembru, ‘Enterprise Europe Network fi ħdan il-Malta Enterprise, organizza il-parteċipazzjoni ta’ xi kumpaniji Maltin fil-Euro Syrian Contact Days li sar f’Damasku fis-Sirja. Din l-attività ta’ ‘brokerage’ ikkonċentrat fuq l-industriji ta’ l-audio visual u krejattività. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għat-tieni parti tal-mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent — Permessi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3819 u jinforma lill-Kamra kemm-il talba rċeviet l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent sabiex l-istess Awtorità toħroġ permess li jkun meqjus li ġie approvat a tenur tal-paragrafu (f) tal-artiklu 36 (6) ta' l-Att dwar l-Ippjanar? Kemm-il permess fil-fatt inħareġ a tenur ta' dan il-provvediment tal-liġi u kemm kienu rifjutati? Fejn il-permess ma nħariġx skond dan il-provvediment, x'kienet ir-raġuni li ngħatat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA rċeviet 101 talba sabiex joħroġ il-permess skond paragrafu (f) tal-artiklu 36(6) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap 356). L-ebda permess ma nħareġ skont il-provvidementi ta’ paragrafu (f) tal-artiklu 36(6). Ir-raġuni għaliex dawk l-applikazzjonijiet ma ġewx aċċettati hija għaliex jew kienu barra miż-żona ta’ żvilupp jew ma kienux mibgħuta skont kif tipprovdi il-liġi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-applikazzjonijiet.
Leg 11 PQ #4739 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Permessi għal Żvilupp f'Outside Development Zone

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4636 u jgħid kemm inħarġu permessi ta' żvilupp outside development zone mill-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 2008 sat-30 ta' Novembru, 2008? Kemm inħarġu permessi ta' żvilupp outside development zone mill-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent f'dawn l-aħħar sentejn li kienu jinvolvu bini ta' strutturi fejn jinżammu/jitrabbew iż-żwiemel (horse stables)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4636.
Leg 11 PQ #4747 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati li ngħataw charges

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldat li qegħdin mal-immigranti illegali li ġew mogħtija charge fuq ix-xogħol dawn l-aħħar sitt xhur? Fuq liema bażi ngħataw dawn iċ-charges?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dawn l-aħħar sitt xhur, kien hemm seba’ suldati stazzjonati mal-immigranti illegali li ġew mogħtija charge fuq ix-xogħol. Iċ-charges ġew mogħtija għar-raġunijiet kif elenkati hawn taħt: a. suldat naqas li jmur lura x-xogħol wara li spiċċa minn kors waqt li kien hemm Stand By; b. suldat beda jidgħi u jgħolli leħnu ma’ uffiċjal superjuri; l-istess suldat beda jagħti bis-sieq u jsabbat fuq il-bieb tal- Control Room ta’ Lyster Barracks; c. suldat ħalla ż ewġ galdjoli mingħajr għassa; d. suldat uża kliem ta’ insubordin azzjoni ma’ uffiċjal superjuri; e. suldat ħalla bieb ta’ compound miftuħ u mingħajr superviżjoni bil-konsegwenza li immigrant ittanta jaħrab; f. suldat naqas li jattendi għall-isparar; u g. suldat naqas li jinvestiga ġlieda gravi bejn immigranti irregolari fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi.
Leg 11 PQ #4762 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità għall-Ippjannar u l-Ambjent — Skema ta CPPS

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' flus li hemm fl-iskema tas-CPPS għand l-Awtorità tal-Ippjannar, għal dak li jikkonċerna l-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Burmarrad? Għall-istess inħawi kemm hu l-ammont ta' flus għand l-Awtorità għall-Ippjannar u l-Ambjent għal dak li hu titjib lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li hemm fl-iskema tas-CPPS ghand l-Awtorità tal-Ippjanar, għal dak li jikkonċerna l-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Burmarrad fil-31 ta' Ottubru 2008 huwa ta' EUR 1,346,015. Għall-istess inħawi l-ammont ta' flus għand l-Awtorità għall-Ippjanar u l-Ambjent, għal dak li hu titjib lokali (Urban Improvement Fund) fil-31 ta' Ottubru 2008 huwa ta' EUR 86,021.
Leg 11 PQ #4788 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Għawdex — Settur Privat - ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fis-settur privat f’Għawdex fl-aħħar ta’ kull sena mill-1999 sal-2007 u fl-aħħar ta’ Marzu u ta’ Novembru ta’ din is-sena li kellhom: a) Xogħol full-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom? b) Xogħol part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom? ċ) Xogħol part-time minbarra x-xogħol l-ieħor ewlieni tagħhom? Jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba skond id-diversi tipi ta’ attività ekonomika u skond it-tip ta’ xogħol li jagħmlu?

Response (DALLI, JOHN)

Ser inpoġġi tlett tabelli fuq il-Mejda tal-Kamra li juru kemm kien hemm ħaddiema fis-settur privat f’Għawdex fl-aħħar ta’ kull sena mill-1999 sal-2007 u fl-aħħar ta’ Marzu u ta’ Lulju ta’ din is-sena li kellhom: Tabella A – Xogħol full-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom; Tabella B – xogħol part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom; Tabella C – Xogħol part-time minbarra x-xogħol l-ieħor ewlieni tagħhom, maqsuma skond id-diversi tipi ta’ attivita’ ekonomika u skond it-tip ta’ xogħol li jagħmlu. Nixtieq ninforma lil Onorevoli interpellant, li l-aħħar statistika ppubblikata hi dik ta’ Lulju 2008.

Stokk ta' vetturi bil-mutur liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4438 u jgħid x’kien l-istokk ta’ vetturi bil-mutur liċenzjati f’Malta u Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-1988 sal-2007 u fl-aħħar t’Ottubru ta’ din is-sena? Jista' jikklassifikahom taħt vetturi privati, motor-cycles, vetturi kummerċjali, karozzi self-drive, coaches u karozzi tal-linja, taxis, eċċ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mis-sena 1995 sa Ottubru 2008. L-informazzjoni ta' qabel l-1995 mhix kompjuteriżżata u għalhekk ma' tistax tingħata.