Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni mal-ħaddiema tal-eks tarzna

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li hemm diskriminazzjoni fil-pensjoni mal-ħaddiema tal-eks Tarzna u cioè ma dawk li rtiraw fis-sena 1993 u dan billi dawn qegħdin jirċievu anqas minn sħabhom li spiċċaw qabel u anke dawk li spiċċaw warajhom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fuq din il-mistoqsija nibda billi niċħad li qiegħda ssir xi forma ta’ diskriminazzjoni fir-reviżjonijiet li qegħdin isiru fil-pensjonijiet tal-ex ħaddiema tat-Tarzna. Tajjeb nispjega illi fl-eżerċizzju li għaddej fil-preżent sabiex jiġu riveduti l-pensjonijiet tal-ex ħaddiema tat-Tarzna, kull pensjoni tiġi analogata mal-istrutturi tas-salarji tal-ħaddiem mal-Gvern skont il-grad u s-salarju li jkun irtira bihom il-pensjonant. B’riżultat ta’ dan issib illi hemm pensjonanti li għalkemm irtiraw bl-istess salarju iżda fi grad differenti, ġew intitolati għal rata ta’ pensjoni differenti. Fl-istess kategorija ta’ pensjonanti hemm ukoll uħud li ħadu ammont ta’ arretrati iżjed minn sħabhom li rtiraw warajhom u dan għaliex id-dħul pensjonabbli li rtiraw bih kien inqas minn ta’ dawk li rtiraw warajhom. Nikkonkludi illi din hi spjegazzjoni ġenerali u għaldaqstant kull każ irid jiġi mistħarreġ fuq il-merti tiegħu.
Leg 11 PQ #35351 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ILM Diploma in Management — assignments tal-istudenti

Question

B'referenza għall-istudenti li jattendu t-tieni sena ILM Diploma in Management fl-Mcast (part-time), tista' l-Ministru tgħid għaliex minkejja li bejn Diċembru 2010 u Diċembru 2011 l-istudenti intavolaw disa' assignments u sal-lum għadhom ma rċevewx ir-riżultati ta' dawn l-assignments? Huwa sew li dawn l-istudenti bdew it-tieni sena mingħajr ma jafu jekk għaddewx mill-assignments tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST ilu joffri l-kors li jwassal għad-Diploma in Management tal-Institute of Leadership and Management (ILM) għal diversi snin. Diġa kien hemm żewġ gruppi ta’ studenti li temmew b’suċċess dan il-kors ‘part-time’. F’Ottubru 2010, 19-il student ieħor bdew dan il-kors ta’ sentejn. Il-ħruġ tar-riżultati proviżorji ta’ dawn l-istudenti oriġinarjament tfixkel xi ftit minħabba l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ġodda meħtieġa minħabba l-fatt li l-ILM bidlet il-‘qualification mode’ ta’ dan il-kors minn International Management Qualification għal Vocationally Related Qualification. Fi Frar 2012, l-ILM awtorizzat lill-MCAST biex toħroġ ir-riżultati proviżorji tas-seba’ modules li l-istudenti ssottomettew fl-ewwel sena, flimkien ma’ l-ewwel module tat-tieni sena. Dawn ir-riżultati nħarġu minnufih u hekk kif titlob il-proċedura tal-MCAST u tal-ILM, dawk l-istudenti li ma kienux ġabu l-marka meħtieġa biex jgħaddu minn dawn il-modules ingħataw informazzjoni dwar kif jistgħu itejbu l-marka tagħhom meta jissottomettu x-xogħlijiet tagħhom għat-tieni u l-aħħar darba (‘resit’). Fil-fatt, ħlief għal student wieħed li għad baqagħlu jagħti xi xogħol, l-istudenti l-oħrajn diġa ħadmu fuq l-informazzjoni li ngħataw u ssottomettew ix-xogħol mill-ġdid. Għalhekk, l-istudenti jafu jekk għaddewx jew le minn dawn il-‘modules’. Sadanittant, din is-sena l-istudenti issottomettew ukoll ix-xogħlijiet marbutin ma’ tliet ‘modules’ oħrajn, fil-25 ta’ Jannar, u fis-17 u l-20 t’April. Waqt li wieħed minn dawn ix-xogħolijiet kien ikkoreġut u jinsab għaddej fl-aħħar fażi tal-proċess tal-verifikazzjoni interna biex ikunu jistgħu jinħarġu r-riżultati, it-tnejn l-oħra qed jiġu ikkoreġuti u se jitlestew dalwaqt. F’Lulju, hekk kif isir normalment fl-aħħar ta’ kull kors ta’ dan it-tip, għandu jasal Malta l- external verifier mibgħut mill-ILM, biex itemm il-verifikazzjoni esterna fuq ix-xogħlijiet kollha tal-istudenti u b’hekk ikunu jistgħu jinħarġu r-riżultati uffiċċjali u finali ta’ dan il-kors.

Buġibba — perched beach

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ilha li bdiet tintuża l-perched beach ta' Buġibba? F'liema perjodi tas-sena jkollha r-ramel mifrux kif suppost? X'inhi r-raġuni li għaliha matul il-kumplament tas-sena l-istess ramel ma jkunx mifrux, iżda jkun miġbur taħt il-ħajt tat-triq? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk kemm ilha li bdiet tintuża l-bajja kienx hemm ħtieġa li jkun hemm żieda fl-ammont ta' ramel li hemm fuq il-bajja?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-perched beach ta' Buġibba saret fis-sena 2006. Ir-ramel ġeneralment jinfirex bejn l-aħħar ta’ Mejju u Ottubru. Jekk jibqa’ mifrux fix-xitwa, ir-ramel jintilef u jispiċċa fil-baħar mill-mewġ u l-maltemp. Meta nfirex għal din is-sena, irriżulta li r-ramel naqas, però b’riżultat li spiċċa f’żewġ bajjiet żgħar fil-qrib tal- perched beach . Fil-passat ma kienx jidher li hemm bżonn ta’ żieda fl-ammont ta’ ramel, imma jista' jagħti l-każ li jkun hemm bżonn fil-futur qarib.

talba għall-kartuna r-roża

Question

Jista' l-Ministru jara jekk tistax tingħata l-karta r-roża lill-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li r-raġel ma jaħdimx għax jinsab marid u m'għandhom l-ebda dħul finanzjarju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li jekk il-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għandu kundizzjoni kronika li qegħda fil-Ħames Skeda tal-Att tas-Sigurtà Soċjali (emendata 2012), dan jikkwalifika għal kartuna safra u għall-kura b’xejn ta’ dik il-kundizzjoni. Dwar il-kartuna roża, nitlob lill-Onor. Interpellant jaħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

mediċina Gerfitini B

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li pazjenti li għandhom bżonn il-mediċina Gerfitini B minħabba l-ċanċer, ma tingħatax lilhom jekk dawn ikunu jpejpu kif ġiet mgħarrfa l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċina Gerfitini B ma teżistix. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-mediċina Gefitinib, din mhix fil-formolarju tal-Gvern, jiġifieri mhix fil-lista ta’ mediċini li jingħataw b’xejn. Skont ir-records tagħna, ma kellna l-ebda applikazzjoni għall-persuna msemmija biex nevalwaw jekk tistax tieħu Gefitinib b’xejn.

Bormla — Triq il-Ġublew tal-Fidda - siġar imdawwra bil-concrete

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta saru bankini ġodda fi Triq il-Ġublew tal-Fidda f'Bormla, u meta ngħata l-concrete, is-siġar li hemm iddawwru bil-concrete u b'hekk inqata' kull aċċess għall-ilma għall-istess siġar? Ma jaħsibx li hekk dawn is-siġar se jispiċċaw imutu? X'se jiġri sabiex is-sitwazzjoni tkun irranġata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li x-xogħol fit-triq imsemmija kien proġett ta’ Transport Malta għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni li hu responsabbli mill-imsemmija awtorità.

Bormla — infestazzjoni ta' nemus kbir

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex l-infestazzjoni ta' nemus kbir li hemm f'Bormla, tiġi kkontrollata? Ma jaħsibx li l-ilma qiegħed, li hemm f'vaska li ilu li nbiet u tħalliet fi stat ta' telqa, jista' jkun kaġun ta' dan? Jista' jgħid jekk hux se jsir xi ħaġa sabiex dawn l-ammonti kbar ta' nemus kbira tkun ikkontrollata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

NItlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema vaska qiegħed jirreferi.

Wasteserve — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda mal-Wasteserve minn Awwissu 2011 sal-lum? Kif ġie rreklamat kull impjieg? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull vakanza? Kif saret l-għażla? Minn liema lokalità huma dawk li ntgħażlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwat li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 29832 u 31921, ninfurmah li fil-perjodu Frar sa Mejju 2012 kienu rekultata 8 impjegati ġodda liema għażliet saru kollha permezz ta’ interview wara sejħiet pubbliċi. Waqt li nfakkru f’ dak li kont spjegajt fit-tweġiba mogħtija f’ Mistoqsija Parlamentari nru.29118 li l-istatistika tal-lokalitajiet ma teżistiex peress li l-lokalità mhix kriterju ta’ Bord tal-Għażla, ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda ma' Transport Malta minn Awwissu 2011 sal-lum? Kif ġie rreklamat kull impjieg? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull vakanza? Kif saret l-għażla? Minn liema lokalità huma dawk li ntgħażlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #35360 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — sanzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk fil-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-kunsilli lokali jeżistux sanzjonijiet kontra sindki u/jew segretarji eżekuttivi u/jew impjegati ta’ xi kunsill lokali li jinstab li jkunu taw tagħrif skorrett u mhux minnu lill-kunsilliera waqt laqgħa tal-kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tali każijiet fir-rigward ta’ Segretarji Eżekuttivi huma regolati mill-Public Service Management Code, filwaqt li fir-rigward ta’ Sindku elett tali każ ikun investigat mill-Bord ta’ Governanza wara li jkunn hemm rappreżentazzjoni minn xi entità u/jew individwu.
Leg 11 PQ #35361 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

korrispondenza bejn il-PPCD u l-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha għaż-żmien bejn 1 Frar 2010 u 30 Ġunju 2010 li għaddiet bejn il-PPCD u l-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli, tar-Rabat, Ħ’Attard, Ħal-Lija, Birkirkara, Santa Venera, Ħal-Balzan, Ħamrun, Furjana u tal-Belt Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba hija voluminuża ħafna u jeħtieġ ħafna ħin sabiex tinġabar. Ma nħossx li r-riżorsi għandhom jintużaw b’dan il-mod iżda fuq affarijiet oħrajn iktar produttivi. Madanakollu, jekk l-Onorevoli Interpellant teħtieġ x’informazzjoni partikolari, m’għandi ebda dubju li ngħin safejn possibbli.

Ħajt perikoluż mal-Joint Office

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ilment li tressaq quddiem il-Joint Office aktar minn tliet xhur ilu dwar ħajt perikoluż li hemm bejn proprjetà ta' terzi li tmiss ma' dik tal-Joint Office ma ttieħdu l-ebda passi dwar s'issa jew lanqas ma saret spezzjoni minn naħa tal-uffiċjali inkarigati biex il-persuna li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tkun tista' tagħmel it-tiswijiet meħtieġa?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-ilment tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa u hemm il-ħsieb li ssir spezzjoni fuq dan il-ħajt sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

Technical Support Officers mal-Paying Agency tal-MRRA fil-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-Technical Support Officers mal-Paying Agency tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fil-Pitkalija qed ikunu mħaddma bħal self-employed? Jista' jgħid jekk dawk it-Technical Support Officers li issa ilhom imħaddma b'dan il-mod għal xi snin humiex se jġeddilhom il-kuntratt, peress li dan l-aħħar ġew impjegati Technical Support Officers bl-istess kundizzjonijiet? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-Paying Agency mhix se tibqa' tikkalkula l-BTEC National Diploma in Agriculture tal-MCAST iżda se tinsisti għad-Diploma mill-Università bħala kwalifika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33604, ninfrumha li l-ħaddiema jintalbu joffru s-servizzi tagħhom b’ mod flessibli skond l-esiġenzi tas-sevizz. Il-Ministeru uża dan il-mod biex studenti li spiċċaw l-Universita u l-MCAST jingħataw l-opportunita li jakkwistaw esperjenza fil-qasam tax-xogħol Din l-inizjattiva ġiet wkoll apprezzata mill-istess persuni li ħadmu mal-Agenzija peress li din isservi biex jingħataw opportunità li jwettqu fil-prattika dak li tgħallmu. Barraminnhekk, it-taħriġ li jieħdu matul tali perjodu mal-Agenzija jservi biex jippreparaw rwieħhom sabiex eventwalment jsibu mpjieg permanenti. Tajjeb ngħid li l-maggoranza tagħhom sussegwentement irnexxielhom jiksbu impjieg permanenti mal-Ministru wara sejħiet pubbliċi li nħarġu. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru kien u għadu jirrikonoxxi ż-żewġ kwalifiki msemmija u skont ir-rilevanza tagħhom għall-vakanzi maħruġa, dawn il-kwalifiki jintalbu bħala rekwiżit.
Leg 11 PQ #35364 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

settur pubbliku position of trust

Question

B'referenza għall-OPM Circular No. 21/2011 Engagement/Renewal of Engagement of Persons Appointed On A 'Person of Trust' Basis, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn Diċembru 2011 iddaħħlu nies mas-settur pubbliku f'positions of trust u fejn iddaħħlu? Jista' jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal dawn il-positions of trust?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #35365 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — skill audit

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta sar l-aħħar skills audit fis-Settur Pubbliku u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-eżerċizzju tal-iSkills Profiling li oriġina mill-Flexicurity Pathway, wieħed mill-pilastri ewlenin tan-National Reform Programme, beda f’Jannar 2010. Ir-rapporti relatati, skont l-informazzjoni miġbura sal-aħħar tas-sena 2010, ġew konklużi f’April 2011 għas-Servizz Pubbliku u f’Ġunju 2011 għas-Settur Pubbliku. Sadanittant, l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika kompla jagħmel eżerċizzji, minn żmien għal żmien, sabiex l-iSkills Profiles tal-impjegati tal-Gvern jibqgħu jiġu aġġornati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ żewġ rapporti separati, fir-rigward tas-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku rispettivament.
Leg 11 PQ #35366 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

studenti li m'għamlux l-O Levels

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti li kienu form 5 din is-sena akkademika fl-iskejjel sekondarji tal-gvern, tal-knisja u indipendenti, li m'għamlux O'levels? Tista' taqsam it-tweġiba tagħha skont l-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #35367 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — dropouts

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm dropouts mill-MCAST din is-sena fil-livellli kollha? Tista' taqsam it-tweġiba tagħha skont il-livelli li fihom waqfu mill-kors l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xiri ta' Petrol u Diesel tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu l-Platts average monthly CIF Med. tal-petrol u diesel li tixtri l-Korporazzjoni Enemalta bejn Jannar u Mejju 2012? Jekk għal xi raġuni ma jistax jagħti l-prezzijiet taż-żewġ prodotti, jista' juża l-prezzijiet ta' dawn iż-żewġ prodotti kif kienu f'Jannar 2012 u juża 100 bħala bażi, imbgħad iżid jew jnaqqas skont kif kien il-każ fi tmien Frar, Marzu, April u Mejju 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #35371 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — Direttur Eżekuttiv - Performance Bonus

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ħax il-performance bonus kif stipulat? Jekk iva, kemm kien jammonta u liema perjodu kien ikopri? Jekk ma ngħatax, għaliex ma ngħatax?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi għad irid jingħata il-performance bonus kif stipulat fil-kuntratt tiegħu. L-ammont li ser jingħata ikopri minn Jannar 2011 sa Diċembru 2011.
Leg 11 PQ #35372 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — ħinijiet normali ta' tgħallim

Question

B'referenza għall-Klawżola 32 tal-Avviż Legali 131 tal-2012, tista' l-Ministru tiddefinixxi l-ħinijiet normali ta' tgħallim fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Studenti full-time minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea huma eżentati mill-ħlas l-istess bħala studenti Maltin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-kuntest tat-tagħlim li jsir fl-ITS, il-ħinijiet normali tat-tagħlim ikopru s-sigħat kollha stabbiliti skont it-timetable tal-korsijiet full-time. Studenti minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja huma eżentati mill-ħlas.