Jista' l-Ministru jgħid kemm immigranti illegali ġew ċertifikati fil-pożittiv għall-virus tal-HIV fl-aħħar ħames snin, b'rendikont ta' sena b'sena u jekk dawn għadhomx Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2004 (min meta l-HIV saret marda li t-tobba huma obbligati li jinnotifikaw) u l-2008 ġew notifikati dawn il-każijiet ta’ HIV f’immigranti irregolari:
Sena
Numru ta’ kazijiet
2004
1
2005
6
2006
10
2007
9
2008
15
Id-Dipartiment għall-Promozjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard ma jżommx informazzjoni dwar jekk dawn il-persuni għadhomx jgħixu Malta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm taħrikiet fuq rimi ta' skart matul is-sena 2008 xahar b'xahar? Kemm inġabru flus minn dawn? Jista' jaqsamhom skond ir-raġuni tat-taħrika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Birgu — Monument ta' Jum il-Ħelsien - tindifa u żabra
Question
Jista' l-Ministru jara li l-Monument li jfakkar Jum il-Ħelsien fil-Birgu jingħata tindifa u jinżabru s-siġar u dan peress li l-festi għal din l-okkazzjoni dalwaqt jaslu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li dan il-Monument issirlu manutenzjoni sitt darbiet fis-sena. Fil fatt, il-manutenzjoni li jmiss hi fit-12 ta’ Frar u oħra qabel il-kommemorazzjoni ta’ Jum il-Ħelsien.
Awtorità Maltija għall-Ippjannar u l-Ambjent — bordijiet differenti fi ħdanha
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm bordijiet differenti fl-Awtorità Maltija għall-Ippjannar u l-Ambjent? Min huma l-membri f'kull bord? Jista' jgħid jekk dawn għandhomx xi remunerazzjoni u allura x'inhi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi min huma l-membri f’kull bord tal-MEPA u x’remunerazzjoni għandhom.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar l-Agricultural Waste Management Plan? Meta tlesta? Meta inkiteb l-ewwel abbozz tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid ma' min ikkonsulta biex wasal għall-konkluzjoni li, minflok jibda l-proġett tal-promenade kif kellu jagħmel f’Ottubru li għadda, jibni inċeneratur biswit il-Power Station f’Delimara? Jista' jipprezenta d-dokumenti kollha li juri l-Environment Impact Assessment li għamel biex wasal għal din il-konkluzjoni u kwalunkwe studju ieħor, kemm ambjentali u soċjali, li wassluh jieħu din id-deċizjoni b’rasu mistrieħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li l-proposta għall-bini ta’ inċineratur mhu se tinfluwenza bl-ebda mod il-proġett tal-promenadeliema xogħol xorta se jsir. Il-proposta tal-inċineratur qegħdha f’abbozz ta’ dokument imfassal minn kumitat espert eżattament għal raġunijiet ta’ kosultazzjoni pubblika. Nistieden hawnhekk lill-Onor Membru biex anki hu jagħti l-kontribuzzjoni f’din il-konsultazzjoni, inkluż jindika x’siti alternattivi jaħseb li jkunu aktar addattati mis-sit li rrakomanda l-Kumitat Tekniku.
Jekk il-proġett ikun ser jitwettaq, l-istudji kollha relatati jkun għad iridu jsiru.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu ffirmati l-kuntratti li għad jonqos jiġu ffirmati għar-residenti tal-Ponta ta’ Tignè li kienu ġew rilokati hemmhekk? X’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien u min qed itawwal daqshekk?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li s’issa minn disa’ kuntratti ta’ kirja (appartamenti wieħed ġie maqsum fi tnejn) ta’ postijiet ġewwa il-Ponta ta’ Tigne’ ġew ffirmati tlett kuntratti biss u dan għaliex jidher li hemm xi oġġezzjoni min-naħa ta’ l-inkwilini fejn skond il-ftehim oriġinali huma kienu imwiegħda li jingħataw parking space wieħed filwaqt li huwa qegħdin jitolbu li jingħataw żewġ parking spaces skont ftehim li l-inkwilini qed jgħidu li għandhom ma’ l-iżviluppaturi ta’ dan il-proġett. L-Awtorita’ tad-Djar qegħda tisħaq li ser timxi mall-ftehim iffirmat bejna u bejn l-inkwilini f’’Settembru 1999.
L-Awtorita’ tad-Djar qegħda għalhekk tistenna lis-sitt inkwilini jiġu biex jiffirmaw il-kuntratt skont il-ftehim oriġinali datat Settembru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-Gvern biex jirkupra l-art fil-Qawra stmata €23 miljun li kienet proprjetà tal-Maltacom u ngħatat lil Teecom Investments?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Ministeru u /jew l-Awtorità dwar it-Trasport biex ħallas lill-konsulenti ADI tas-servizzi li taw lill-għaqdiet ambjentali, lill-istampa u ta’ xogħol ieħor relatat mal-pjanijiet b’konnessjoni mal-proġett ta’ l-Għadira?
Jista' jgħid jekk huwiex veru li l-istess ditta ta’ konsulenza u / jew konsulenti privati oħra diġà ingħataw xogħol ta’ konsulenza b’konnessjoni ma’ studji li jridu jsiru ma’ dan l-istess proġett? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid min huma dawn id-ditti ta’ konsulenza u/jew individwi u għala ma nħarġitx sejħa pubblika biex isir dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għat-tmexxija tal-industrial estates? Liema huma dawk l-industrial estates li ser jiġu milquta minn dan it-tibdil u meta huwa maħsub li dawn l-arranġamenti l-ġodda jidħlu fis-seħħ? Jista’ jagħti dettalji oħra marbuta ma’ obbligazzjonijiet li s-sidien/l-inkwilini tal-fabbriki se jkollhom?
Fid-dawl tar-rapport annwali tal-Kummissarju tat-Tfal, speċjalment fir-rigward tal-problemi u d-diffikultajiet elenkati fl-istess rapport li l-uffiċċju tal-kummissarju tat-tfal qed iħabbtu wiċċhom magħhom biex ikunu jistgħu joperaw, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gven biex jgħin lil dan l-uffiċċju fil-ħidma tiegħu?
Malta Enterprise — Ftehim mal-inkwilini tal-fabbriki
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ ftehim għandha l-Malta Enterprise mal-inkwilini tal-fabbriki fl-industrial estates kollha? Jista’ jgħid kemm hemm kirjiet, ċnus u xi forom oħra ta’ ftehim?
Kummisjoni kontra l-Vjolenza Domestika — diffikultajiet elenkati fir-rapport annwali
Question
Fid-dawl tar-rapport annwali tal-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika speċjalment fir-rigward tal-problemi u diffikultajiet elenkati fl-istess rapport li l-kummissjoni iħabbtu wiċċhom magħhom biex ikunu jistgħu joperaw, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gven biex jgħin lil din l-Kummissjoni fil-ħidma tagħha kif ukoll x'qed jagħmel il-Gvern biex jitwettqu r-rakkmandazzjonijiet elenkati fl-istess rapport?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
abbozz ta' liġi — guardianship ta' persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li f'din il-leġislatura jħejji abbozz ta' liġi dwar il-guardianship ta' persuni b'diżabilità?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita ħejjiet abbozz fuq il-liġi dwar il-guardianship ta' persuni b'diżabilita. Fil-preżent għaddejja diskussjoni bejn il-Ministeru tiegħi, il-Kummissjoni u l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali biex tittieħed deċizjoni jekk il-Gvern għandux jkompli bit-tħejjija ta' dan l-abbozz. Din id-diskussjoni qed tieħu konsiderazzjoni fatturi oħrajn fosthom il-bżonn ta' liġi ġdida dwar is-Saħħa Mentali u l-obbligi li Malta se jkollha meta nirratifkaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilita.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki li qed jistennew li jiffirmaw il-kuntratt u għadhom b’letter of intent ta’ ċens emfitewta? Fejn jinsabu dawn il-fabbriki? X’inhi r-raguni għal dan id-dewmien?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-MIPL ma għandha l-ebda kuntratt ta' ċens emfitewta pendenti rigward fabbriki. Dan għaliex il-fabbriki amministrati mill-MIPL jingħataw fuq kera u mhux fuq ċens emfitewta.
Fil-kaz li l-mistoqsija tirreferi għal artijiet amministrati mill-MIPL, in-numru ta’ Kumpaniji/individwi li qed jistennew li jiffirmaw il-kuntratt u għadhom b’letter of intent ta’ ċens emfitewta huwa ta’ 5. L-artijiet in kwestjoni jinsabu fl-oqsma industrijali tal-Marsa, San Gwann, Luqa u Ta’ Dbiegi Għawdex. Ir-raġunijiet għaliex il-kuntratti għadhom ma ġewx iffirmati huma varji. F'ċerti każi, il-proċess biex is-sidien ta' l-art esproprijata jiġu kkumpensati skond il-liġi għadu għaddej u filwaqt li oħrajn jiddependu minn kwistjonijiet legali li għad iridu jiġu riżolti.
Peress li ħafna koppji li qegħdin fi proċess ta' adozzjoni minn barra jkollhom bżonn isiefru ħafna u peress li l-adoption leave mhux biżżejjed, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li dan it-tip ta' leave jigi modifikat u estiż biex ikopri s-safar kollu konness mal-proċess tal-adozzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ adozzjoni minn barra minn Malta, mal-ħames ġimgħat leave għal adozzjoni bi ħlas, l-uffiċjali pubbliċi jingħataw sa tlett xhur leave bla ħlas li jinqasmu skond il-bżonn, biex ikopru s-safar kollu tal-proċess dwar l-adozzjoni.
Tajjeb li jingħad ukoll li l-ġenituri adottivi jistgħu jutiliżżaw sena
leave
bla ħlas bħala
‘parental leave’
għal kull tifel/tifla adottat/a u sa ħames snin
leave
bla ħlas bħala
‘career break’
.