Jista' l-Ministru jgħid jekk il-booths li minnhom ibiegħu tickets għall-buses li jinsabu fl-area tal-Viset fejn jorbtu l-cruiseliners għandhomx il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet ikkonċernati fosthom tad-Dipartimentt tat-Trade?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
kunsilli lokali — applikazzjonijiet għal toroq residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kitbu lill-awtoritajiet kkonċernati rigward it-toroq li qatt ma saru fil-lokalitajiet tagħhom u li l-Gvern Ċentrali hu responsabbli għalihom? Huwa possibli li tibgħat meta saru t-talbiet minn kull kunsill lokali għal kull triq residenzjali li qatt saret? X'kienet ir-risposta tal-awtoritajiet ikkonċernati fuq kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 24/2012 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq residenzjali kollha li qatt ma saru fil-lokalitajiet kollha f'Malta u Għawdex u li ġew imwegħda mill-gvern fil-passat li kellhom isiru? Meta mistennija li jsiru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li fil-passat applikaw għall-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq residenzjali? Liema huma l-kunsilli lokali li l-gvern aċċetta t-talba tagħhom? Liema huma t-toroq kollha proposti minn kull kunsill lokali li jsiru minn din l-iskema tal-Public Private Partnership? Liema huma t-toroq kollha li s'issa saru b'din l-iskema tal-Public Private Partnership? Liema huma t-toroq li għadhom ma sarux imma ġew imwegħda li għandhom isiru? Meta mistennija jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li applikaw 46 Kunsill Lokali sabiex jagħmlu toroq fil-lokalitajiet tagħhom permezz tal-iskema tal-PPP. Infurmat ukoll li ma kienx hemm xi applikazzjoni li ma ġietx aċċettata. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella 1 li turi dan kollu.
Magħha wkoll qed inpoġġi Tabella 2 li telenka t-toroq kollha proposti minn kull Kunsill Lokali.
Tabella 3 telenka t-toroq kollha li saru sa issa bl-iskema konċernata, filwaqt li Tabella 4 tiġbor t-toroq li għadhom ma sarux imma mistennija li jsiru/jitlestew matul din is-sena.
Kumpanija li takkwista ishma jew titoli fuq art tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34495 u jgħid jekk is-soċjetà Estera Benetti Spa uritx interess li takkwista ishma jew titoli fuq art li hi proprjetà tal-gvern jew f'idejn aġenziji tal-gvern f'Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli fil-Ministeru tiegħu li joħroġ il-liċenzji ta' hawker ticket seller? X'inhi l-proċedura għall-ħruġ ta' tali liċenzja? Hemm xi ħlas u jekk fl-affermattiv, kemm hu? Jista' jgħid jekk hemmx dewmien fil-ħruġ ta' dawn il-liċenzji? Jekk fl-affermattiv, għalfejn hemm dan id-dewmien? Kemm huma l-ħaddiema li qed jistennew il-ħruġ ta' din il-liċenzja?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru huwiex responsabbli mill-ħruġ ta' hawker ticket seller? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-proċedura addottata?
Response (DEMARCO, MARIO)
Il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura mhuwiex responsabbli mill-ħruġ ta’ hawker ticket seller għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk taħt id-dekasteru tiegħu jiġux regolati dawk li huma magħrufa bħala hawker ticket seller? Jekk fl-affermativ liema awtorità jew dipartimenti huwa responsabbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-introduzzjoni għal għoti b'xejn tal-vaccine kontra is-cervical cancer se tingħata biss lit-tfal li għalqu t-tnax-il sena u mhux lil aktar adoloxxenti u żgħażagħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li biex jiġi ottenut l-ogħla benefiċċju mill-programm ta’ tilqim kontra l-HPV, numru sew ta’ bniet iridu jirċievu it-tliet dożi tal-vaċċin qabel ma jibdew kull forma ta’ attivita’ sesswali. Il-vaċċin huwa l-aktar effettiv f’nies ta’ eta’ żgħira li qatt ma ġew f’kuntatt mal-viru tal-HPV u dan ġie kkonfermat fi studji li juru li hemm effett akbar fi tfajliet ta’ età żgħira meta mqabbla ma nies ta’ eta’ ogħla. F’konformità ma’ ħafna pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja, Malta se tintroduċi dan il-vaċċin bħala parti mill-Iskeda Nazzjonali tat-Tilqim għall-bniet kollha li twieldu fis-sena 2000 u malli jagħlqu t-tnax-il sena.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Betaserc (24mg) mhux jingħataw lil dawk li għandhom kundizzjoni kronika u li jinħtieġuhom u wkoll huma eligibbli għall-mediċini b'xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Betaserc® 24mg mhux fil-formularju tal-Gvern, jiġifieri l-lista ta’ mediċini li jingħataw b’xejn, u l-indikazzjoni liċenzjata li għaliha tingħata l-Betaserc® , is-sindromu ta’ Ménière, mhuwiex imniżżel fil-lista ta’ kundizzjonijiet tal-Ħames Skeda tal-Att tas-Sigurtà Soċjali bħala kundizzjoni li għaliha tingħata l-kura b’xejn.
Jista' l-Ministru jgħid min hu intitolat biex jibbenefika mill-pensjoni tal-wens? Kemm hu l-massimu ta' dħul fi flus li wieħed jista' jibbenefika minn din il-pensjoni tal-wens? Mis-sena 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 kemm hemm persuni li bbenefikaw minn din il-pensjoni? Mil-liema lokalità jiġu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill Onorevoli interpellant li sabiex tapplika għall-Pensjoni tal-Wens trid tkun guvni jew xebba, inkella separat/a jew armel/a, u tkun qed iddur b’xi ħadd jiġi minnek li jkun jinsab f’sodda jew wheelchair.
Il-massimu li persuna tista tibbenefika bħala Pensjoni tal-Wens huwa ta €98.69 fil-ġimgħa. Barra dan ikun intitolat għall-Bonus addizzjonali, il-bonus ta’ Ġunju u Diċembru, karta roża, benefiċċju ta’ l-Energija u għajnuna li tiġi mill-EU. Jista ukoll jikkwalifika għall-Għajnuna Medika (SKA) pero f’isem il-kap tal-familja.'
l-Ammont ta persuni li ibbenefikaw mis-sena 2008 sal-lum huwa kif jidher fit-tabella kif impoggija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pensjoni kontributorja għan-nisa li jkunu ħadmu għal għaxar snin
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk inbidlitx il-prattika/liġi li n-nisa li jagħlqu s-sittin sena huma intitolati għall-pensjoni kontributorja jekk ikunu ħadmu għaxar snin jew aktar? Jekk inbidlet, meta u kif saret u minn meta tgħodd din il-bidla?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jiena nfurmat li d-dritt għal pensjoni kontributorja taż-żewġ terzi jiddependi minn numru ta’ kundizzjonijiet kemm statutorji kif ukoll kontributorji.
Fost il-kundizzjonijiet statutorji wieħed isib:
1. Li l-persuna tkun għalqet l-età tal-pensjoni;
2. illi kienet ilha taħdem għaliha nnifisha għal mhux anqas minn għaxar snin b’kollox qabel tirtira ;
3. illi tkun irtirat fis-16 ta’ Jannar 1979, jew wara ; u
4. illi tkun ħallset ir-rata proprja ta’ kontribuzzjonijiet f’kull żmien wara l-21 ta’ Jannar 1979.
Fost il-kundizzonijiet kontributorji wieħed isib li l-persuna kkonċernata jkollha ta’ lanqas medja ta’ 15-il kontribuzzjoni fis-sena fuq perjodu ta’ 35 sena li ser titla’ għal 40 sena fil-każ ta’ persuni li twieldu wara l-1 ta’ Jannar 1962.
Bl-emendi li daħlu fis-seħħ fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali bis-saħħa tar-riforma fil-pensjonijiet ta’ l-2006, persuni li twieldu wara l-31 ta’ Diċembru tal-1951 żdieditilhom l-eta tal-pensjoni gradatament kif ġej : -
1. Persuni li twieldu fis-snin 1952 sal-1955 l-età żdiedet minn 61 għal 62 fir-rigward ta’ persuni maskili u minn 60 għal 62 fir-rigward ta’ persuni femminili,
2. Persuni li twieldu fis-snin 1956 sal-1958 l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 63 sena ;
3. Persuni li twieldu fis-snin 1959 sal-1961 l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 64 sena ;
4. Persuni li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 65 sena.
Għaldaqstant kif jista’ jara l-Onor Interpellant, filwaqt li l-kundizzjoni statutorja ta’ għaxar (10) snin impieg ma nbidlitx, hemm aspetti oħra tal-kundizzjonijiet statutorji u tal-kontribuzzjonijiet li nbidlu permezz tar-riforma fil-pensjonijiet li prinċipalment daħlet fis-seħħ fil-parti l-kbira fis-7 ta’ Jannar 2007.
Jista' l-Ministru jara li jkun ivverifikat il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li minkejja li quddiem l-Arbitru ġie maqbul u aċċettat, peress li kienet ilha xahar u nofs ma jgħix fil-post u xorta waħda ġie deċiż li għandu overpayment ta' 'l fuq minn €2,500?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ġie deċiż li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament m'għandhiex tingħata r-reserved parking?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta' xiex inhuma l-ħlas żejjed li qed jingħad li ħa mid-dipartiment? jista' jgħid kif u meta ħadhom dawn l-ammonti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jien infurmat li n-numru tal-karta tal-identità mogħti minnu jista jkun mhux korrett għax skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jidher li hu ta’ persuna differenti minn dik mogħtija minnu.
Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jivverifika d-dettalji mogħtija minnu.
Jista' l-Ministru jivverifika x'inhi r-raġuni għaliex ħafna pensjonanti li jħallsu t-taxxa, fir-rendikont għas-sitt xhur li ġejjin, għax-xahar ta' Diċembru 2012, l-ammont ta' taxxa huwa ħafna għola minn dak tax-xhur preċedenti? Jekk sar xi żball, jista' jgħid x'se jiġri issa biex il-persuna milquta jiġu infurmati?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ittri li ħareġ id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma ittri ta’ informazzjoni biss u mhux rendikonti għat-taxxa. L-iskop ta’ din l-ittra prinċiplament huwa biex il-pensjonant jkun jaf eżatt x’irċieva pensjoni fl-aħħar sitt xhur, kif ukoll stima ta’ kemm se jkun l-ammont tal-pagament tal-pensjoni fis-sitt xhur li ġejjin.
Fil-każ ta’ l-istima tas-sitt xhur li ġejjin, il-figuri huma intizi għal skop ta' informazzjoni biss u huma suggetti għal kwalunkwe tibdil fiċ-ċirkustanzi kif hemm spjegat tajjeb fl-ittri li ntbagħtu.
Fid-dettalji li jkun hemm fl-ittra hemm inkluż stima tat-taxxa li ser ikun dovut fuq dak il-pagament. Fil-kalkolu li sar fl-ittri imsemmija bi żvista il-pagament tal-pensjoni tat-22 ta’ Diċembru li ġej u li huwa pagament bil-quddiem, ġie ikkalkulat bħala dħul ta’ din is-sena minflok dħul għas-sena 2013. B’riżultat ta’ hekk f’dan ix-xahar hemm indikat ammont ta’ taxxa żbaljata.
Fl-10 ta’ Ġunju 2012, id-dipartiment ħareġ stqarrija għall-istampa fejn informa lill-publiku in ġenerali b’dan l-iżball u din il-ġimgħa stess qed jsir proċess biex ittra ta’ korrezzjoni bl-informazzjoni korretta toħroġ u tintbagħat lil pensjonanti li rċevew informazzjoni zbaljata.
Jista' l-Ministru jara li jkun ċċekkjat sewwa l-ammont tal-kont tad-dawl tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li fuq l-istess perjodu ta' sitt xhur bejn kont u ieħor, it-tnejn attwali hemm differenza ta' aktar minn 2,000 unit?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell ġdid daħal quddiem il-Bord tal-Appelli tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar/Environment and Planning Review Tribunal tul dawn l-aħħar għaxar snin, jiġifieri bejn is-sena 2002 u s-sena 2011? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b’sena?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
L-ammont ta’ appelli fl-2011 żdiedu meta mqabbla mas-snin preċedenti għaliex fl-2011 ma baqax aktar id-dritt ta’ rikonsiderazzjoni ħlief minn kondizzjonijiet maħruġa f’każ ta’ approvazzjoni ta’ applikazzjoni, u għalhekk filwaqt li qabel f’każ ta’ rifjut ta’ applikazzjoni kien hemm żewġ rimedji: ir-rikonsiderazzjoni jew appell, issa r-rimedju huwa biss dak ta’ appell.