Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm surġenti li damu iktar minn 15, 20 u 25 sena fil-Korp tal-Pulizija bħala surġenti? Kemm kien hemm li damu aktar minn 25 sena f'din il-kariga?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm għandu ġibjuni l-gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm hija l-kapaċità li jaħżnu ilma dawn il-ġibjuni? Kemm issirilhom manutenzjoni f'sena u kemm-il darba sarulhom manutenzjonijiet matul is-sena 2008? Għandu l-ħsieb li jibni iktar ġibjuni matul is-sena 2009? Jekk iva, fejn u kemm-il metru kubu ilma jkunu jistgħu jesgħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li għaddej eżerċizzju biex jiġi aġġornat in-numru ta’ ġibjuni li jilqgħu l-ilma tax-xita u li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Gvern. S’issa hu magħruf li hemm 115-il ġibjun li b’kollox hu stmat li jesgħu madwar 173,360 metri kubi (madwar 38.5 miljun gallun) ta’ ilma. Matul 2008 sar xogħol ta’ manutenzjoni u tindif fuq numru ta’ ġibjuni.
Hu ppjanat li matul 2009 jinbeda xogħol ta’ kostruzzjoni fuq żewġ ġibjuni, wieħed ta’ 40,000 metru kubu (8.8 miljun gallun) f’Mosta Road, Lija u ieħor ta’ 60,000 metru kubu (13.2 miljun gallun) f’Wied il-Għasel, Burmarrad.
Elezzjoni ġenerali — Nies li ġew minn barra biex jivvutaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ivvutaw nies fis-siegħa żejda li ngħatat fl-aħħar elezzjoni ġenerali? Jista' jgħid kemm ivvutaw nies li ġew minn barra minn Malta bl-ajruplani apposta biex jivvutaw? Minn fejn kienu dawn in-nies u fi x'ħin illandjaw l-ajruplani li kienu qed iġorru n-nies? X'ħin għamlu iċ-checkout dawn il-passiġġieri? Minn liema pajjiżi ġew?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Dritt ta' ċittadin — ħsarat fil-vettura/karozza minħabba ħofor
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ċittadin li jġarrab ħsarat fil-vettura/karozza tiegħu minħabba n-nuqqas ta' manutenzjoni fit-toroq tagħna, għandux dritt li jfittex lil kunsill lokali għall-ispejjeż? Jista' ċittadin ifittex lil xi awtorità minħabba l-ħsarat li jkun ġarrab minħabba xi ħofra fit-triq? Jekk iva, xi proċedura jrid jagħmel? Jekk le, għal liema raġuni dan id-dritt huwa miċħud?
Response (GATT, AUSTIN)
Infakkar lill-Onor Interpellant li mhix il-konswetudini li f'din il-Kamra jintalbu jew jingħataw pariri legali.
B’referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 4953, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pilot survey li sar dwar in-nefqa tal-Maltin li jqattgħu btala f’Għawdex kif ukoll kopja tal-istatistika dwar it-turiżmu f’Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li peress li r-rapport li talab l-Onor Membru li kien intiż biex jiġbor tagħrif dwar il-turiżmu domestiku f’Għawdex għad irid jiġi diskuss ma’ Eurostat, ma jistax jingħata għax għadu meqjus bħala rapport intern.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex tneħħew l-imwejjed u siġġijiet li kellha kiosk li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta tali negozju kellu wkoll il-permessi mad-Dipartiment tal-Artijiet mħallsa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet flimkien mall-Pulizija ħa azzjoni ta’ żgumbrament u dan skond ma dak li hemm provdut fil-Kap 228 tal-Liġijiet ta’ Malta. Id-Dipartiment kien ittermina l-encroachment ta’ dan il-kiosk.
Mid-dokumentazzjoni fotografika meħuda qabel ma nbdiet l-azzjoni hemm evidenza ċara li l-kundizzjonijiet tal-
encroachment
kienu qed jiġu miksura sfaċċatament. Għal kull bon fini, qed jiġi ribadit li permess ta`
encroachment
huwa minn natura tiegħu wieħed ta` mera tolleranza u għalhekk il-Kummissarju ta` l-Artijiet għandu diskrezzjoni jittermina tali permessi anke meta ma jkunx hemm ksur tal-kundizzjonijiet tiegħu, aħseb u ara f’dan il-każ fejn kien hemm ksur sfaċċat u sostazzjali tal-kundizzonijiet.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sejjer isir miċ-child care centre li kien qiegħed jinbena fl-Industrial Estate ta' Ħal Far? Dan il-proġett se jitħallas mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Passaġġi fil-kampanja — Permess tal-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4573, billi l-aċċess għar-raba' huwa ta' importanza fundamentali għax-xogħol tar-raba', jista' l-Prim Ministru jara li l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent issib mod aċċettabbli kif dawn il-mogħdijiet ikun jista' jsir xogħol fuqhom b'mod li hu aċċettabli ambjentalment iżda mingħajr ma jagħmel dan ix-xogħol xi ħaġa impossibli li jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wieħed jifhem li l-aċċess għar-raba' huwa importanti. Huwa daqstant ieħor xieraq li x-xogħlijiet għal dan il-għan ikunu kompatibbli mal-ħarsien ta' l-ambjent tal-kampanja u ma joħolqux sfreġji fil-pajsaġġ rurali. Għandu jkun żgurat ukoll li x-xogħol fuq aċċessi ġodda (jew il-bdil ta' aċċessi) ikun tassew marbut max-xogħol tar-raba', ma jkunx maħsub biex jaqdi żvilupp abbużiv f'postijiet imwarrba, u lanqas ma jinkoraġġixxi l-frammentazzjoni tar-raba'. Fejn l-art għandha qlib qawwi, huwa importanti li l-aċċessi ma jwasslux għal erożjoni aċċelerata fl-artijiet ta' madwar. Għaldaqstant, filwaqt li hemm xi prinċipji bażiċi li jistgħu jkunu applikati bħala regola ġenerali, aspetti oħra jiddependu mill-kuntest speċifiku tal-post, kemm bħala ġustifikazzjoni għax-xogħlijiet kif ukoll bħala kunsiderazzjonijiet ambjentali li għandhom jitqiesu.
Għawdex — Qbajjar - Wardens fl-inħawi tal-Promenade
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni qatt ma tara warden fl-inħawi tal-promenade tal-Qbajjar, Għawdex, peress li minkejja l-avviżi li jidhru fl-istess promenade ma tarax ħlief tfal u rġiel bir-roti jiġġerrew fl-istess promenade u nies, lokali u barranin, jiġġerrew bil-klieb u jħammġu fl-istess lokalità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali ta’ Żebbuġ (Għawdex) ħa nota ta’ dan l-ilment u, permezz tar-rappreżentant tiegħu, ser iressqu għall-attenzjoni tal-Kumitat Konġunt.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5272 u jgħid x'sejjer isir miċ-child care centre li kien qiegħed jinbena fl-Industrial Estate ta' Ħal Far? Dan il-proġett se jitħallas mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5272.
Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura Żgħażagħ u Sport — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħha? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li bħalissa qed jiġu rikostitwiti jew riformati bosta mill-Bordijiet, ikun aħjar li t-tweġiba tingħata meta l-proċess jiġi fi tmiemu.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħha? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'hemmx bordijiet statutorji jew kummissjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dekasteru ta' dan il-Ministeru hemm Aġenzija waħda dik ta’ L-Avukat Ġenerali li, pero’ mhix immexxija minn Bord.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sussidju tal-Unjoni Ewropea fuq il-kwota tal-ħalib tar-raħħala tal-perijodu Frar 2008- Frar 2009 għadu ma ingħatax? Jista' l-Ministru jgħid meta dan ser jingħata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li s-sussidju ta’ l-Unjoni Ewropea fuq il-kwota tal-ħalib tar-raħħala għas-sena ta’ reġistrazzjoni 2008, jifforma parti mill-iskema ta’ Pagament Uniku li daħlet fis-seħħ mis-sena 2007. Il-Pagament tas-Sena 2008 irid jiġi mħallas sat-30 ta’ Ġunju 2009.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2903 jista' l-Ministru jgħid:
a) kemm
mobile phone base station antennae
twaħħlu din is-sena lokalità b'lokalità?
b) xi kriterji stabbiliti internazzjonalment ittieħdu għat-talbiet li saru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-installazzjonijiet ta’ mobile phone base station antenna huma regolati, fost l-oħrajn, minn kundizzjonijiet ta’ liċenzji jew awtoriżżazzjonijiet ġenerali maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) skond l-Att li jirregola l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Kap. 399) favur operaturi li jipprovdu servizzi u networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Dawn l-operaturi jġawdu wkoll minn liċenzji biex jużaw frekwenzi u jwaqqfu networks biex jipprovdu servizzi wireless.
L-imsemmija liċenzji w awtorizzazzjonijiet ġenerali huma suġġetti għal numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom li:
n-network irid ikun konformi ma l-istandards rekwiżiti biex ma tiġix kkawżata interferenza fuq servizzi jew networks oħra.
l-livell ta’ radjazzjoni jrid ikun konformi ma’ l-istandards ta’ l-ICNIRP (
International Commission for Non-Ionising Radiation Protection
).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba riġward kemm twaħħlu
mobile phone base station antennae
.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk wara li jinħareġ DNO mill-Awtorità Maltija għall-Ippjanat u l-Ambjent fuq fond partikolari u jirriżulta li l-fond in kwestjoni kien afflitt minn irregolaritajiet tant li l-istess Awtorità toħroġ enforcement notice, dak id-DNO jistax jibqa fis-seħħ jew le, in vista ta' dak li jgħid l-Artiklu 39A tal-Kap. 356 tal-Ligijiet ta' Malta?
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta bit-tagħrif l-ieħor relattiv magħha tal-area fl-inħawi tax-Xemxija, Wardija, San Martin, li ġiet skedata riċentement? Billi l-bdiewa (mhux kollha) rċevew kopja ta' din il-pjanta li diffiċli ferm tiġi nterpretata, jista' jara li fil-fatt il-bdiewa jingħataw estensjoni taż-żmien biex iwieġbu għal din il-korrispondenza? Jista' jiġi assigurat li kull bidwi jirċievi din il-pjanta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sezzjoni 46(2A) ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp jispeċifika li għandhom jiġu nnotifikati s-sidien tal-proprejtà skedata u mhux terzi persuni, bħal per eżempju min għandu l-qbiela fl-art skedata jew min qiegħed fil-kiri.
L-iskedar tal-Wardija ġie approvat mill-MEPA fil-11 ta' Diċembru 2008. Dan l-iskedar u kull proċedura relatata miegħu saru kif preskritt f'Sezzjoni 46 ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. L-iskedar ġie ppubblikat fil-gazzetta tal-Gvern fid-19 ta' Diċembru 2008 (Avviż Numru 1137/08) u f'gazzetta lokali fid-9 ta' Jannar 2009. In-notifikazzjonijiet intbagħtu b'posta reġistrata fil-5 ta' Jannar 2009 u twaħħlu wkoll in-notifikazzjoni ta' l-iskedar fl-inħawi skedati fis-16 ta' Jannar 2009, kif mitlub mill-liġi.
B'kollox intbagħtu 172 notifikazzjoni ta' l-iskedar tal-Wardija. Il-lista li minnha jintbagħtu n-notifikazzjonijiet ta' l-iskedar tin ġabar minn reġistru elettroniku ta' l-applikazzjonijiet kollha li jkunu ġew sottomessi lill-MEPA mis-sena 1992 sad-data ta' l-ittra (f'dal-każ sal-5 ta' Jannar 2009).
Sezzjoni 46(8) jagħti d-dritt lil sid ta' proprjetà skedata li jitlob rikonsiderazzjoni dwar kull skedar tal-proprejtà tiegħu. Din it-talba għandha ssir bil-miktub fi żmien tletin jum min-notifika jew mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-liġi ma tippermettix li d-data speċikifata f'Sezzjoni 46(8) ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, cioé tletin jum, tiġi estiża.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-mappa ta' l-proprejtà skedata.