Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liċenzja D

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex kien hemm numru ta' persuni li ġabu liċenzja D biex ikunu jistgħu issuqu coach/tal-linja/minibuses/taxi u minkejja li ħallsu kollox u għaddew mit-testijiet, il-liċenzja għadha miżmuma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għalkemm l-individwi kkonċernati huma liċenzjati biex isuqu vetturi għall-ġarr ta’ aktar minn tminn passiġġieri, (kategorija D), skond Parti IV tar-regolamenti dwar vetturi bil-mutur (licenzji tas-sewqan) – S.L.65.18, l-individwi għad iridu jottjenu ċertifikat ta’ kompetenza professjonali skond l-istess regolament. Din ġiet fis-seħħ mill-10 ta’ Settembru 2008. Qed jittieħdu l-passi neċessarji biex xufiera li ġabu l-liċenzja wara din id-data jiġu ippreparati biex jkunu jistgħu joqgħodu għal eżami necessarju biex jottjenu dan iċ-ċertifikat skond ir-regolament imsemmi aktar l’fuq.

Ħsara fil-linja tat-telephone

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana li irrapurtat il-linja tat-telephone bil-ħsara peress li issa ilu gimgħat li l-każ ġie rapurtat?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-sistema tat-telefon ilha ma tkun responsabbilta tal-Gvern minn mindu l-Maltacom ġiet privatiżżata.
Leg 11 PQ #5709 Sitting 82 2009-02-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

anzjan li għandu pensjoni awstraljana

Question

Jista' l-Ministru jara jekk anzjan li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li għandu pensjoni Awstraljana tad-diżabilità, jistax jibenefika minn pensjoni oħra ta' Malta? Dan għandu dritt għal karta roża? Għandu dritt għas-supplimentari għas-sussidju fuq dawl u ilma? Għandu dritt għas-sussidju tal-kera peress li huwa jgħix f'post mikri? Għandu dritt għal kura medika?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Leg 11 PQ #5718 Sitting 82 2009-02-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — Każ pendenti

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex każ li tressaq quddiem id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għadu pendenti meta kien hemm każ eżatt bħalu li ġie mirbuħ? Għaliex dan il-każ, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadu pendenti meta wieħed jista' jimxi fuq każ simili li ġie mirbuħ mill-istess avukat?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba tal-persuna konċernata qed tigi evalwata mid-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali.

Twaqqiegħ ta' bini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm interventi ta' twaqqiegħ ta' bini fuq art tal-gvern fid-diversi nħawi ta' Malta? Fejn saru dawn l-interventi? Jista' jagħti tagħrif dwar fejn u kemm kien hemm okkazjonijiet fejn minkejja l-fatt li kien hemm permessi għall-bini min-naħa tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar xorta waħda twaqqa' dan il-bini?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

talbiet għal estensjonijiet ta' faċilitajiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet għal estensjonijiet ta' faċilitajiet agrikoli li bħalissa jinsabu pendenti quddiem xi sezzjoni tal-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura? Kemm ilhom hemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Trobbija tal-annimali jew tkabbir tal-ħaxix u frott — Persuni b'taħriġ speċjalizzat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni b'taħriġ speċjalizzat fit-trobbija tal-annimali jew tkabbir ta' ħaxix u frott li bħalissa huma impjegati mad-dipartiment konċernat? F'liema oqsma huma speċjalizzati dawk li huma impjegati bħalissa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li bħalissa fid-Dipartiment tal-Agrikoltura hemm tmintax il-persuna li għandhom taħriġ speċjalizzat fit-trobbija tal-annimali jew tkabbir tal-ħaxix u frott. Dawn huma speċjalizzati f’dawn l-oqsma: MSc in Agricultural Studies MSc Chemistry MSc International Horticultural Studies B Educ Biology BSc Agro Eco System Management Post Grad Diploma in Animal Production Post Grad Certificate Bee Tech Corso per esperti apistici Diploma in Horticulture Diploma in Agriculture Diploma Management Studies Diploma Animal Husbandry Diploma in Commercial Horticulture Diploma in Water Management Higher Certificate Wines & Spirits Educ Trust Intermediate Theory in Beekeeping Certificate

Torri ta' San Luċjan — sezzjoni ta' l-Agrikultura - tkabbir ta' ħut - esperimaneti

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar liema esperimenti qed isiru bħalissa għal dak li jikkonċerna tkabbir ta' ħut fil-fish farms mis-sezzjoni ta' l-Agrikultura fit-Torri ta' San Luċjan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li bħalissa qed issir riċerka fuq id-diversifikazzjoni tal-ħut għall-akwakultura. Iċ-Ċentru tal-Akwakultura ġewwa t-torri ta’ San Luċjan qed jipparteċipa f’żewġ proġetti kbar. Wieħed biex jitfaqqas l-aċċjol u l-ieħor biex jitfaqqas it-tonn.

Skejjel tal-Knisja — Ħlas mill-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid mill-2003 sas-sena li għaddiet, sena b’sena, kemm kien l-ammont li għadda l-Gvern lill-Knisja għall-iskejjel tagħha? L-ammont tħallas kollu? Tista' tgħid ukoll kemm hu previst li se jingħata għal din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-ammont li l-Gvern għadda lill-Knisja għall-iskejjel tagħha bejn l-2003 u l-2008 huwa kif ġej: Sena € 2003 23,108,418 2004 25,390,170 2005 26,787,794 2006 29,699,511 2007 32,028,884 2008 32,116,000 L-ammont dovut għadu ma’ tħallasx kollu.Għal din is-sena ġie vvutat l-ammont ta’ €33,000,000.
Leg 11 PQ #5801 Sitting 82 2009-02-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Fabbriki — Ħaddiema li tilfu x-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2008 kemm kien hemm ħaddiema li tilfu x-xogħol tagħhom minn fabbriki li joperaw f’pajjiżna? Kemm tilfu l-impieg tagħhom f’Jannar ta’ din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li fis-sena 2008 kien hemm 363 ħaddiema li kienu jaħdmu fil-manifattura u li ġew jirreġistraw għax-xogħol wara li tilfu x-xogħol tagħhom, filwaqt li f’Jannar 2009 kien hemm 83 ħaddiema.
Leg 11 PQ #5802 Sitting 82 2009-02-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Fabbriki — Ġimgħa anqas ta’ xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2008 kemm kien hemm fabbriki li poġġew il-ħaddiema tagħhom fuq ġimgħa anqas ta’ xogħol? Mil-liema fabbrika jew kumpannija ġejjin? Kemm hemm li għamlu l-istess ix-xahar li għadda?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 5842.

Droga li nqabdet mill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' kien l-ammont ta’ droga li nqabdet mill-Pulizija fl-2008 u f’Jannar ta’ din is-sena? X’tip ta’ droga kienet u f’liema ammonti? Kemm tressqu persuni l-Qorti? Kemm kienu Maltin u kemm barranin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Fabbriki — Kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali li għandhom jitħallsu f’kontijiet tad-dawl u ilma minn fabbriki li joperaw minn Malta u Ghawdex? Kemm hemm li ilhom aktar minn sena li ħallsu xi kont u kemm ilhom aktar minn tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Fabbriki — Nuqqas ta' ordnijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki jew kumpanniji li kellmu jew infurmaw lill-Gvern li qed ikollhom diffikultajiet minħabba nuqqas ta’ ordnijiet u li qed jaħsbu li jnaqqsu l-ħaddiema tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Self employed

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani bis-sitwazzjoni llum għar-rigward tal-mistoqsija parlamentari 3978 u cioè kemm huwa n-numru ta' self employed li waqgħu lura fil-pagament/ħlasijiet tal-bolla tan-National Insurance f'Malta u f'Għawdex separtament? Jista' jagħti wkoll iċ-ċifri ta' flus globali ta' kemm huma l-ammonti in kwistjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Proprjetà kummerċjali tal-gvern — trasferiment ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li persuna li għandha titolu ta' kera fuq proprjetà kummerċjali tal-Gvern (ħanut) tittrasferixxi tali proprjetà lil terzi bil-kunsens tal-Kummissarju tal-Artijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Imtarfa Bypass — junction

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir junction fl-Imtarfa bypass il-parti li tgħaddi quddiem il-bridge fejn l-Istazzjon Restaurant b'tali mod li l-vetturi li jkunu neżlin mill-Imtarfa jkunu jistgħu jaqsmu l-bypass għar-Rabat mingħajr periklu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li peress li min-naħa ta’ l-Imtarfa (it-traffiku li nieżel l-isfel) il-karreġġjata hija one lane u m’hemmx post biex tiġi introdotta lay-by biex il-karozzi jkunu jistgħu jieqfu u jistennew it-traffiku tad-direzzjoni opposta, junction f’din il-parti tat-triq tkun perikoluża għas-sewwieqa.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba għall-akkomodazzjoni soċjali, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha li saret aktar minn 13-il sena?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-każ qed jiġi kkunsidrat u qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa. Fi Frar tas-sena l-oħra saret spezzjoni fir-residenta tal-persuna indikata fejn ingħata informazzjoni fuq l-għajnuniet li seta’ jibbenefika minnhom sabiex jirrendi l-post abitabbli sakemm jingħata post alternattiv. Jidher li din il-persuna ma talbet l-ebda għanjuna għall-tali xogħlijiet.