Jista' l-Ministru jgħid x'ammont ta' enerġija qed tiġi prodotta minn photovoltaic panels istallati f'Għawdex? X'ammont fi flus ingħataw lis-sidien bħala għajnuna f'xi skema? Kemm minn din l-enerġija qed tiġi trasferita mill-Korporazzjoni Enemalta u kemm tħallas kumpens lis-sidien fl-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa fuq il-proġett għal faċilitajiet ta’ rmiġġ/i fuq in-naħa ta’ barra tal-port tal-Imġarr? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumneti li ġew sottomessi mal-applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġġorr in-numru PA/03051/03?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa fuq l-applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar Numru PA/03051/03? Sar rapport minn case officer dwar din l-applikazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, għaliex għadu ma sarx disa’ snin wara li saret l-applikazzjoni? Jista’ jpoġġi kopja tal-applikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rapport mill-case officer fuq PA 3051/03 għadu ma sarx. Dan minħabba li ntalbu li jsiru Environment Impact Assessment (EIA) u Appropriate Assessment (AA) dwar din l-applikazzjoni. Il-proċess tal-EIA inbeda fl-2003 u għadu ma ġiex konkluż, filwaqt li skond il-konklużjoni tal-AA, il-proposta hija oġġezzjonabbli fi prinċipju. Id-Direttorat tal-Ippjanar qed jikkonsulta mal-applikant sabiex jiġi determinat jekk hux se jitkompla il-proċess tal-EIA.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-applikazzjoni kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta talbitx li jiġu stallati slielem iktar milli kien hemm matul is-snin li għaddew, għal din is-sena, matul ix-xatt kollu li jagħmel parti mill-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, fejn intalbu li jiżdiedu dawn is-slielem?
Response (DEMARCO, MARIO)
Is-slielem ta’ matul il-xatt ta’ Malta kollha jsiru mill-MRRA (CSD Section).
Huwa normalment il-Kunsilli Lokali li jitolbu lill MRRA fejn hemm bżonn jsiru dawn is-slienen.
Tista' l-Ministru tgħid fuq liema kriterju ntgħażel l-istitut Fraunhofer-Gesellschaft biex l-MCAST stabbiliet il-korsijiet tat-top-up degree courses? Dawn it-top-up degree courses se jissarfu f'li l-istudenti jikkwalifkaw għall-warrant tal-inġiniera bħal dawk li spiċċaw il-kors fl-inġinerija tal-Università?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Fraunhofer Gesselschaft hija l-akbar istituzzjoni tar-riċerka fl-Ewropa b’aktar minn 10,000 impjegat li bosta minnhom huma inġiniera, xjentisti u professuri minn universitajiet. Fraunhofer taħdem mill-qrib ma’ bosta universitajiet u kulleġġi fil-Ġermanja u pajjiżi oħra filwaqt li taħdem ma’ kumpaniji mis-setturi kollha tal-ekonomija. Fraunhofer kienu magħżulin propju għal dawn ir-raġunijiet iżda dan wara kuntatti li kienu saru ma’ istituzzjonijiet oħra, l-aktar fir-Renju Unit.
Għalhekk il-kuntatti ta’ Fraunhofer mad-diversi istituzzjonijiet akkademiċi fissru li l-MCAST setgħa jkopri l-aspetti varji fil-bżonnijiet tat-tgħallim. Fl-istess ħin il-kuntatti li kellha Fraunhofer mal-industrija għenu sabiex il-korsijiet ġew imfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet sew preżenti kif ukoll dawk futuri tal-Industrija.
Sallum il-programmi tad-degree offruti kienu mifruxa fuq perjodu ta’ tlett snin; sentejn Higher National Diploma u sena top-up għal degree, li jammontaw għal total ta’ 180 ECTS. Programmi ta’ degrees fl-engineering li għandhom 180 credits m’humiex eliġibbli għall-warrant. L-MCAST qegħda tagħmel diskussjonijiet biex tara kif tista’ tipprovdi aċċess għall-warrant.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskills audit tan-nies li qed jirreġistraw għax-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskills u l-kwalifiki tan-nies li qed jirreġistraw għax-xogħol jingabru permezz tal-profiling li l-Employment Advisors jagħmlu ma’ kull persuna li qed tirreġistra fuq l-ewwel parti tar-reġistru. Ma sar l-ebda skills audit partikulari mar-reġistranti għax il-profil tar-reġistranti jiġi aġġornat b’mod regolari fuq bażi individwali.
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika iktar għal xiex qed tirreferi biex inkun f’pożizzjoni li ngħaddi l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 35142, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kundizzjonijiet kien hemm marbuta mal-permessi lill-operaturi ta' bejgħ ta' ikel u xorb? Kif intgħażlu dawk li ngħataw dawn il-permessi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar bil-kundizzjonijiet li ġejjin.
· Irid ikun hemm żewġ reċipjenti għall-iskart.
· L-istand trid tintrama sitt (6) metri l’bogħod mill-entratura tal-post fejn ser issir l-attività.
· L-applikant għandu jkun responsabbli għal kull danni li jistgħu jsiru lil terzi persuni waqt l-uzu tal-
generators
.
· Ma jsirx ostaklu għat-traffiku u għan-nies li jużaw il-bankina.
· Mal-ewwel intopp il-Kunsill Lokali għandu d-dritt li jirtira l-permess.
· Irid jitħalla depożitu ta’ €116.50 li jiġi rritornat lura jekk il-post ikun fl-istess kundizzjoni li nstab.
Infurmat ukoll li kull min japplika għandu d-dritt li jingħata l-permess.
Minnbarra l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34972, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk, minbarra l-applikazzjonijiet formali li hemm referenza fir-risposta, jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm ukoll xi studji mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ipjannar jew ħaddieħor biex isir riabilitazzjoni tal-bosta binjiet li jiffurmaw il-fortizza?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda studju ieħor mill-MEPA. Il-kompitu ta' studji dwar fortifikazzjonijiet u tfasil ta' pjan strateġiku dwar ir-restwar u riabilitazzjoni tal-bosta fortizzi fil-Gżejjer Maltin kien fi ħdan is-Sovrintendent tal-Fortifikazzjonijiet fid-Direttorat tar-Restwar tad-Divisjoni tax-Xogħolijiet, li xi ftit snin inbidillu it-titlu u l-funzjoni tiegħu għal dak ta' co-ordinatur tar-riċerka.
kunsilli lokali — laqgħat trasmessi bir-radio jew internet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35139, jista' l-Prim Ministru jagħti dwar jekk hemmx kunsilli lokali li qed ixandru l-laqgħat tagħhom? Jekk hemm, liema huma? F'dawn il-każijiet qed jiġu osservati r-regoli tal-Kap 363 indikat fir-risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ qed ixandar tali trasmissjonijiet. Intant niġbed l-attenzjoni li, kif spjegajt diġa fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35139, Kapitlu 363 li jirregola l-Kunsilli Lokali ma jispeċifika ebda regolamenti li jirregolaw trasmissjonijiet bir-radio jew l-internet tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali. Tali trasmissjonijiet, huma regolati bid-dispożizzjonijiet u r-regolamenti nazzjonali tax-xandir, sakemm isir xort’oħra.
Transport Malta — Tqegħid ta' bus stop fit-triq li mix-Xemxija tieħu lejn Għajn Tuffieħa
Question
Jista' l-Ministru jara, permezz ta' Trasport Malta li jitqiegħed bus stop fit-Triq li mix-Xemxija tieħu lejn Għajn Tuffieħa, biex ir-residenti li joqogħdu f'din it-Triq, fl-inħawi magħrufa bħala ta' Irkuplu, u Għajn Stas, ikollhom fejn jistennew għall-karozza tal-linja (fiż-żewġ direzzjonijiet)?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ħadet nota ta' din it-talba u se tkun qed tistħarreġ il-possibiltà li tistalla bus stops fil-postijiet indikati.
Marsa — Triq Patri F.Bilocca - rikumpens lis-sidien
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’rikumpens is-sidien ta’ stabbilimenti li jinsabu fi Triq Patri F.Bilocca ġewwa l-Marsa fejn qed isiru xogħlijiet infrasstrutturali u saħansitra twaħħlu tabelli minn Transport Malta li jindikaw aċċess għal stabbiliment partikolari?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma tħallas ebda kumpens lil xi sidien ta' negozji fil-proġett imsemmi.
Ħaż-Żabbar — Triq il-Kunsill tal-Ewropa - resurfacing
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa r-resurfacing ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Ħaż-Żabbar u kemm dam għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u f’liema jum tlestiet din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li numru ta’ tabelli li jikkonċernaw xogħlijiet relattati ma' infrastruttura, ta’ qisien varji twaħħlu u nqalgħu għal aktar minn sitt darbiet f’temp tal-anqas minn 3 xhur ġewwa l-lokalità tal-Imsida? Jista' jgħid kemm sewa lill-awtorita dan iċ-ċaqliq u jipprovdi kopja tal-invoices kkonċernati, u d-dati li twaħħlu u nqalgħu dawn it-tabelli?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tabelli msemmija mill-Onorevoli Interpellant tpoġġew minħabba xogħlijiet li kienu ppjanati f'din iż-żona. Però dawn ix-xogħlijiet kellhom jitħassru diversi drabi minħabba l-maltemp. Għaldaqstant it-tabelli reġgħu nqalgħu kull darba li tħassar ix-xogħol biex ma jkunux ta’ nkonvenjent għas-sewwieqa. Ix-xogħlijiet ta’ twaħħil u qlugħ ta’ tabelli jkunu nklużi fil-kuntratt tax-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tiswa f’kera kull xahar il-proprjetà li minnha qed topera d-divizjoni ta’ Roads & Infrastructure Directorate fi ħdan Transport Malta li tinsab ġewwa Valley Road u kemm ilha tinkera din il-proprjetà?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li żewġ sulari li jservu ta’ uffiċini għad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura bdew jinkrew fis-16 ta’ Mejju 2005 għall-ammont ta’ € 3498.12 fix-xahar, filwaqt li sular ieħor beda jinkera mill-21 ta’ Ġunju 2006 għall-ammont ta’ € 1327.81 fix-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ngaġġati s-sitt dental technicians li ġew innotifikati li għaddew mill-interview matul ix-xahar ta’ Frar 2012?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-proċess huwa fis-seħħ sabiex jiġu maħtura l-ewwel ħames kandidati skont kif approvat mill-Capacity Building Exercise. F’każ li wieħed mill-ewwel kandidati jirrifjuta l-ħatra, il-Ministeru jista’ jikkonsidra li jirrakkomanda s-sitt kandidat.
MEPA — studju fuq Radon, emissjonijiet b'element radjuattiv
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35148 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u issa qed tiġi riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra xi studji li segħet għamlet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar Radon, l-emissjonijiet b'element radjuattiv li spiss joħorġu mingħajr ma' wieħed biss jinduna minn basements u attics peress li dan huwa gass bla riħa, kulur jew togħma, minħabba li nifhem li saru diversi studju ambjentali minn għadd ta' esperti f'pajjiżna?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MEPA — studju fuq emissjonijiet tar-radjazzjoni mill-Smart Meters
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35149 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u issa ġiet rifetua lilu u jgħid jekk qabel iddaħħlu l-ismart meters f'pajjiżna, qattx saru studji mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, peress li huwa mifhm li l-emmissjonijiet tar-radjazzjoni tagħhom huwa meqjus li jkun ferm aktar frekwenti milli jammettu ċerti kumpaniji tal-enerġija f'għadd ta' pajjiżi? Peress li ħafna għaqdiet konnessi mas-saħħa ambjentali sabu li f'pajjiżi oħrajn ir-radio frequency tal-ismart meters jistgħu jkunu ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem, jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar flimkien mal-Awtortijiet tas-Saħħa għamlitx xi studji dwar dan u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dak li rriżultalha dwar il-frekwenza tar-radjazzjoni li tiġi emitted kif ukoll x'inhuma l-peak power tar-radiation signals minn ċerti distanzi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma sar l-ebda studju mill-Awtorità tas-Saħħa f’dan ir-rigward iżda minn informazzjoni li għandu d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jidher li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni evalwat dokumentazzjoni referuta lilha mill-Enemalta qabel ma dawn l-smart meters inxtraw. L- Awtorita` ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni tqis li dawn jaqgħu taħt il-kategorija ta’ short range device li jikkomparaw ma’ remote controls li jintużaw sabiex jinfetħu l-bibien ta’ garaxxijiet. Mid-dokumentazzjoni pprovduta mill-Enemalta l-Awtorita` ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni approvat l-installazzjoni ta’ dawn il-meters peress li kienu konformi mal-liġi li taqa` taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Awtorita` peress li l-exposure limits minn dawn l-smart meters huma ta’ livelli baxxi ħafna. Nissuġġerixxi li din il-mistoqsija tiġi refereta ukoll lill-Minsitri responsabbli mill-Enemalta u mill-Awtorita` ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni fir-rigward ta’ informazzjoni dwar il-peak power radiation signals minn ċerti distanzi.
Billi s-sitwazzjoni fit-toroq ta' pajjiżna hija tali li żebgħa li tintuża għas-sinjali tat-toroq mhux daqstant ta' road safety standards għas-sewwieqa tal-muturi tant li tires tal-muturi jiżolqu minn fuqha u kif ukoll li din iż-żebgħa tisfuma minn wiċċ it-toroq ftit tal-ġimgħat wara li tkun ġiet miżbugħa, jista' l-Ministru jara li kwalità tkun aħjar għaż-żmien li ġej ħalli żebgħa li tintuża għas-sinjali tat-traffiku tkun aktar ta' road safety standard u li servi aktar fuq it-triq ħalli sinjali tat-traffiku ikun hemm għall-perjodu akbar? Jekk fl-affermatic, meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31648.
Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta wettqet provi b’diversi tipi ta’ materjali (
thermoplastic
,
coldplastic
u
high solids
) sabiex ittejjeb il-kwalita’ u r-reżistenza tar-
road markings
. Instab li l-prestazzjoni kienet tajba biss fil-każ ta’ toroq miksija
b’wearing course
ta’ żrar impurtat (li huwa l-każ fit-toroq kollha arterjali / distributorji mibnija mill-ġdid mill-2006 sal-lum. Dan minħabba valuri aħjar ta’
abrasion resistance
,
texture depth
u inqas
bitumen bleeding
). Fil-każ ta’ toroq miksija bi żrar lokali t-titjib osservat kien minimu u ta’ valur baxx għal flus.
Instab ukoll li l-materjal rettrorifflettenti li jintefa’ fil-wiċċ tar-
roadmarkings
(
drop-on glass-beads
li jinkorpora granuli abbrasivi) jittiekel relattivament kmieni.
Sabiex ittejjeb dan l-aspett u tassigura sigurta’ akbar fit-toroq ewlenin, Transport Malta żiedet ir-rekwiżiti prestazzjonali tar-
road marking
s (inkluż
skid resistance
) minn 1.5 miljun passaġġ ta’ vettura għal 2 miljuni. Fil-
junctions
dan il-valur jitla’ sa 4 miljun passaġġ. Dan japplika għat-toroq li ġejjin fin-
network
tat-TEN-T: Kunsill tal-Ewropa, Garibaldi, Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Mellieħa By-Pass, Marfa u toroq arterjali u distributorji oħra li jistgħu jiġu
upgraded
minn issa ‘l quddiem.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — ħaddiema b'diżabilità
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ġo l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dipartimenti u dekasteri li jaqgħu taħtu hemm 9 impjegati b’diżabilità. Dawn jammontaw għal 0.31% bħala persentaġġ tal-ħaddiema kollha taħt dan l-Uffiċċju.