Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6173 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Reġistru Pubbliku u r-Reġistru ta' l-Artijiet

Question

Nirreferi lill-Ministru għall-istqarrija nru 0191 li l-Ministeru tagħha ħareġ fit-8 ta' Frar, 2009. Tista' l-Ministru tgħid: Jekk l-arkivji humiex se jiġu wkoll rilokati fil-kumpless tal-lukanda Downtown? Għaliex l-offerenti għall-kiri ta' spazju ma kenux mitluba jintrabtu b'bid bond biex jitħarsu l-interessi pubbliċi? Għaliex ma nħassitx l-ħtieġa li l-offerenti jkun hekk marbuta? Kemm kienet l-orħos offerta? Min kien l-offerent? Tista' tpoġġi kopja ta' dik l-offerta u tal-irtirar tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra? Dwar xhiex intalbu l-approvazzjonijiet mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment? Meta saret kull talba? Meta ġiet approvata? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn it-talbiet u l-approvazzjoni tagħhom? Liema artiklu tal-Abbozz ta' Liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali jesiġi li r-Reġistru Pubbliku u r-Reġistru ta' l-Artijiet ikunu fiżakament magħquda f'lokal wieħed?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li waħda mill-oriġinali tad-dokumenti li tinsab fl-arkivji se tibqa' fiċ-Ċentru Amministrattiv. L-offerenti għall-kiri ta' spazju ma kinux mitluba jintrabtu b'bid bond peress li dan il-każ ma kienx jinvolvi sejħa għall-offerti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Rigward il-mistoqsijiet l-oħra, ma nħossx li għandi nagħti aktar informazzjoni fuq dan il-każ aktar minn dik li tajt fir-risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 5602 u 6009 minħabba n-natura kummerċjali tagħha.
Leg 11 PQ #6174 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Operational Programme II Project No. 2.7

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'azzjonijiet, skemi, eċċ se jsir taħt Operational Programme II Project No 2.7 Training Courses to Enhance Employability and Adaptability of the Workforce?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li taħt Operational Programme II Project No 2.7 Training Courses to Enhanace Employability and Adaptability of the Workforce ser isiru korsijiet f'diversi lingwi.
Leg 11 PQ #6175 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema Għawdxin fis-settur pubbliku f'Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5197 u jgħid kemm kien hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu fis-settur pubbliku f’Malta fl-aħħar ta’ Diċembru 2008? Ma’ liema dipartiment, korporazzjoni, aġenzija, kumpanija, eċċ kienu jaħdmu? X’kumpens kellhom biex jagħmel tajjeb għall-ispejjez addizzjonali li għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5694.

Ċittadella

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistqosija parlamentari 5696 u jgħid x’inhuwa l-programm ta’ xogħlijiet ta’ restawr u riabilitazzjoni taċ-Ċittadella għall-2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija Nru 5859 li prinċipalment tinkludi l-programm ta’ xogħlijiet ta’ restawr u riabilitazzjoni taċ-Ċittadella għall-2009 li ser isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Leg 11 PQ #6177 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Operational Programme I Project No 33

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5761 u jgħid kemm hemm flus allokati għal Għawdex u x’inhuwa maħsub li jsir f’Għawdex taħt l-Operational Programme I Project Ref No 33 – Tourism Zone Upgrage with landscapped urban spaces and other facilities?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ‘Tourism Zone Upgrade with landscaped urban spaces and other facilities’ [Ref No 33] jiffoka fuq tlett żoni turistiċi f'pajjiżna: Qawra, San Pawl il-Baħar u Pembroke. Nixtieq ninforma li proġett simili għal Għawdex għadu qed jiġi evalwat u li aktar informazzjoni tista' tingħata meta l-evalwazzjoni tiġi konkluża.

Materjal edukattiv ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-bdil ta’ kotba u produzzjoni ta’ materjal edukattiv ġdid fl-ewwel erba’ snin tal-primarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d-Direttorat għall-Kwalita’ u l-Istandards qed jaħdem fuq politika aġġornata dwar il-ħiliet bażiċi, liema politika trid issir konsultazzjoni fuqha. Hu wara dan l-istadju li l-istess direttorat jieħu deċiżjoni dwar kotba u materjal edukattiv ġdid.

Skejjel sekondarji tal-istat — Sistema ta' setting

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tiddaħħal is-sistema tas-setting fl-iskejjel sekondarji tal-istat? F’liema suġġetti u kemm hu stmat li se jkun hemm bżonn għalliema f’kull suġġett u f’kull skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-introduzzjoni tas-sistema tas-setting fl-iskejjel sekondarji ta’ l-Istat fuq livell nazzjonali hi waħda mill-proposti li qed tiġi diskussa fir-riforma tat-transizzjoni mill-primarja għas-sekondarja. La darba tintemm il-konsultazzjoni u l-Gvern jieħu deċiżjoni, id-Direttorati jibdew jippjanaw l-introduzzjoni tas-setting u r-riżorsi li hemm bżonn biex dan jitwettaq.

Infiq fuq bidliet proposti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif se jintnefqu l-€4.4 miljun matul is-sena skolastika kurrenti fuq il-bidliet proposti fl-edukazzjoni primarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-€4.4 miljun, ser jintefqu f’riżorsi umani neċessarji biex isiru l-bidliet propost fl-edukazzjoni fosthom is-settur primarju.

Skejjel primarji — materjal edukattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena skolastika kurrenti x’nefqa hi maħsuba li ssir fuq produzzjoni ta’ materjal edukattiv ġdid fl-iskejjel primarji biex it-tfal ikollhom esperjenza stimulanti u interessanti fil-klassi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li matul din is-sena skolastika għaddej il-proċess tar-reviżjoni tal-kurrikulu.Meta dan jitlesta huwa maħsub li ssir reviżjoni tas-sillabi kollha. Dan il-proċess għandu mpatt dirett kemm fuq il-produzzjoni kif ukoll fuq ix-xiri ta’ riżorsi edukattivi għall-iskejjel Primarji u Sekondarji.

Sponsorship għall-attivitajiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3756 u tgħid kemm sponsorja attivitajiet kulturali l-Ministeru tal-Edukazzjoni matul din is-sena? X'kienu dawn l-attivitajiet, waħda waħda? Liema kienu l-entitajiet konċernati li lilhom ingħata sponsorship? Kemm kien jiswa l-isponsorship għal kull attività f'termini ta' flus jew forom oħra ta' sponsorship?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diviżjoni tas-saħħa — sezzjoni sanita - Spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3753 u tgħid kemm-il spezzjoni saret fl-iskejjel tal-Istat matul dawn l-aħħar ħames snin mid-Diviżjoni tas-Saħħa, sezzjoni sanita sena b'sena, u skola skola? Kemm-il rapport sar minn dawn l-ispetturi tas-sanità, u x'kienu l-affarijiet li għalihom inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet li għanhom jiġu indirizzati? X'passi ttieħdu biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Naxxar — Banda Peace - ftuħ tal-każin

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-każin tal-Banda Peace ġewwa n-Naxxar għadu magħluq? Meta jaħseb li dan il-każin tal-banda li soċjalment u kulturalment jagħti kontribut kbir fin-Naxxar ikun jista' jerġa' jiffunzjona b'mod regolari?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-każin imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien ġie ordnat li jinżamm magħluq, bħala parti mill-Inkjesta Maġisterjali dwar l-isplużjoni li kienet seħħet fin-Naxxar nhar it-12 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, li fiha kienu mietu żewġ persuni, wara li kien instab illi ġewwa dan l-istess każin kien qed jiġi maħżun materjal esplossiv. Peress illi din l-Inkjesta Maġisterjali għadha mhix konkluża, mhinix f’pożizzjoni li nwieġeb għat-tagħrif mitlub.

Żebbuġ — Produzzjoni taż-żejt

Question

Filwaqt li ninforma lill-Ministru li l-perijodu li qed nitlob it-tagħrif dwaru huwa bejn Diċembru 2007 u Diċembru 2008, jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4687, 4197, 3430 u 2637 u jgħid kemm-il kilo ta' żebbuġ huwa stmat li jiġi prodott f'Malta? Kemm-il litru ta' żejt jiġi maħdum minn dan? Hemmx xi pjanijiet sabiex din l-industrija tiżviluppa iktar? X'targets irid jilħaq il-gvern f'dan s-settur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #5587 Sitting 84 2009-02-17 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinbnew serer, lokalità b'lokalità f'Malta u f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm sitta u erbgħin (46) applikazzjoni pendenti għal serer f'Malta u Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet kif mitluba. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew imfittxija applikazzjonijiet li fihom il-kliem "serra", "serer" jew "greenhouse" fil-proposta tagħhom.

Nies jaħdmu bla permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu jaħdmu nies bla permess bejn Jannar u Diċembru 2008? Ta' liema nazzjonalità kienu dawn in-nies u x'passi ttieħdu kontra dawn il-persuni li nqabdu jaħdmu bla permess? Ta' liema età kienu dawn il-persuni?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilitajiet għall-klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jinsabu l-faċilitajiet li jżomm il-klandestini fihom? Kemm huwa l-massimu ta' persuni li dawn il-faċilitajiet jistgħu jieħdu? Fejn hemm ħsieb li jinħolqu faċilitajiet ġodda għall-klandestini li għad iridu jiġu fis-sena 2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent hemm tlett ċentri ta' detenzjoni, jiġifieri, f' Safi Barracks, fl-Lyster Barracks ġewwa Ħal-Far u ġewwa ċ-centru tal-pulizija f' Ta' Kandja, limiti tas-Siġġiewi, li jakkomodaw 1100, 875 u 200 immigrant illegali rispettivament. Preżentement ma hemm ebda ħsieb li jinħolqu faċilitajiet ġodda.

Kwota ta' Klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandniex kwota massima ta' klandestini li aħna bħala Maltin nistgħu naċċettaw f'pajjiżna? Jekk le, għaliex m'għandniex din il-kwota? Kemm huwa ppjanat li pajjiżna jista' jiflaħ iżomm f'dinjità il-persuni li jidħlu f'pajjiżna b'mod klandestin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-immigranti li qed jirreferi għalihom bħala ‘klandestini’ ma jidħlux Malta taħt xi skema strutturata li l-awtoritajiet Maltin jirregolaw. Dawn l-immigranti irregolari jiġu bla avviż, f’numri li jvarjaw, u bi frekwenza indeterminata, u dan l-aktar għax isibu ruħhom f’diffikulta’, jkunu qed jegħrqu jew ser jegħrqu, fl-ibħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħna. F’dawn is-sitwazzjonijiet huwa obbligu internazzjonali tagħna, bħal ta’ pajjiżi oħra fiż-żoni ta’ responsabbilta’ tagħhom, li nestendu l-għajnuna lil dawn in-nies, u filwaqt li napplikkaw il-Liġi tal-Immigrazzjoni u regolamenti oħra relevanti sabiex min jixraqlu xi forma ta’ protezzjoni tingħatalu, fl-istess ħin, min jinstab li huwa sempliċement immigrant illegali, jittieħdu l-passi fil-konfront tiegħu biex ikun ripatrijat mill-aktar fis possibbli. Għalhekk nitolb lill-Onorevoli Membru jelabora izjed x’qed jifhem bi kwota ħalli nkun nista’ nwieġbu aħjar.

Klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies klandestinament bejn Jannar u Diċembru 2008? Kemm minn dawn kienu nisa, irġiel u żgħażagħ taħt it-18-il sena? Ta' liema nazzjonalità kienu? Kemm minnhom għadhom jgħixu hawn Malta u kemm minnhom intbagħtu lura?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra daħlu f’Malta 2,775 immigrant illegali, kif jidher fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ħafna minn dawn il-persuni għamlu talba għall-ażil skont l-Att dwar ir-Refuġjati, Kap. 420 tal-Liġijiet ta’ Malta. Għaldaqstant, m’huwiex possibbli li wieħed jibda l-proċeduri ta’ ripatriazzjoni qabel ma’ talba għall-ażil tkun ġiet pproċessata. Barra minn hekk, applikanti jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jappellaw minn deċisjoni li tinqata’ kontrihom. Dan, għalhekk, iwassal biex jitwal iż-żmien sakemm tittieħed id-deċisjoni finali. Nixtieq inżid ngħid illi preżentement u bħala regola, immigranti minn pajjiżi bħalma huma s-Somalja u l-Eritrea, ġeneralment jingħataw xi forma ta’ protezzjoni u allura ma jkunx possibbli li jintbagħtu lura lejn pajjiżhom. Skont l-informazzjoni li tidher fit-tabella, aktar minn nofs il-persuni li daħlu Malta kienu ġejjin proprju minn dawn iż-żewġ pajjiżi. Għar-rigward l-aħħar domanda l-informazzjoni għadha qed tinġabar.