Legislature:
Category:
Reset
Active:

appartamenti tal-gvern — ilmenti fuq ħmieġ fil-partijiet komuni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5618 u 5275 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx arrangamenti għal residenti f'appartamenti tal-gvern mogħtija għall-kiri li jridu jagħmlu ilmenti dwar ħmieġ u akkumulazzjoni ta' imbarazz fil-partijiet komuni tal-appartamenti fejn qed jgħixu trabi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet mhux responsabbli biex il-partijiet komuni jinżammu nodfa. Din hija responsabbilità kollettiva tar-residenti li lkoll huma responsabbli ugwalment għall-indafa. Min ikollu ilment dwar akkumulazzjoni ta’ imbarazz fil-partijiet komuni jista’ jagħmel rapport billi jċempel l’uffiċċju tal- Customer Care fuq numru 22953238 jew jibgħat e-mail fuq customercare.gpd@gov.mt. Fejn ikun hemm bżonn, id-Dipartiment tal-Artijiet jagħmel spezzjonijiet u jieħu azzjoni kontra l-persuna/persuni responsabbli dwar l-akkumulazzjoni ta’ imbarazz jew sabiex ineħħu oġġetti jew affarijiet oħra li jkollhom fil-partijiet komuni tal-appartament.

Armi tan-nar — collectors' items

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar serq ta' 17-il amra tan-nar li kienu għadhom kemm waslu Malta u l-uffiċjali tad-Dwana minflok ma poġġew dawn l-armi f'post b'sigurtà adegwata, tħallew fil-Qasam Industrijali tal-Marsa? Peress li dawn l-armi kienu collectors' items u min seraqhom kienu jafu l-valur kbir tagħhom, jista' l-Ministru jgħid meta sidhom li ma jaħti xejn, sejjer jiġi kkumpensat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-każ għadu qed jiġi investigat mill-Pulizija u għaldaqstant mhux propizju illi tingħata xi tip ta’ informazzjoni illi tista’ tfixkel kull investigazzjoni.

Valletta — Suq tal-Belt - ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħanut fis-Suq tal-Belt hu mikri u qiegħed jopera b'mod regolari? X'inhu l-ġeneru tan-negozju ta' kull ħanut?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm tletin (30) ħanut fis-suq tal-Belt, li għandhom kirja mid-Dipartiment tal-Artijiet. Dawn kollha jħallsu l-kera regolarment. Tlieta (3) minn dawn il-ħwienet huma mikrija lill-Dipartimenti tal-Gvern. Minn dawn joperaw bħala ħwienet hemm 13 il-ħanut. Il-ġeneru tagħhom huwa: sitta ħwienet tal-laħam, tnejn tal-ħut, tnejn tal-merċa, tnejn tal-ħaxix u wieħed bil-prodotti varji ta’ l-ikel.

Kon-katidral ta' San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jindika: 1) ta' min hu t-titlu ta' ownership fuq il-Kon-katidral ta' San Ġwann? Jekk il-pussess qiegħed favur terz, b'liema titlu qiegħed dan it-terz igawdi l-pussess? 2) ta' min hu t-titlu ta' ownership tal-pjazza li tiġi eżattament quddiem il-Kon-katidral ta' San Ġwann?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann inkluż il-blokk li jdawwar il-Kon-Katidral, huma amministrati mill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann wara ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-Arċidjoċesi ta’ Malta skond l-Att ta’ Fondazzjoni Numru 72 li sar fil-31 ta’ Lulju 2001. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjazza li tiġi quddiem il-Kon-Katidral hija proprjetà tal-Gvern.

Airport tax refund

Question

B’referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 5228, jista' l-Ministru jgħid kif u meta ser jitħallas ir-refund tat-taxxa lil dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra ma jagħmlux użu mill-biljett tal-ajru li kienu bbukkjaw qabel l-ewwel ta' Novembru 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dawk il-persuni li kienu bbukkjaw qabel l-ewwel ta’ Novembru 2008 u ghal xi raġuni jew oħra ma jagħmlux użu mill-biljett tal-ajru jistgħu japplikaw għar-refund tat-taxxa bħal ma jsir normalment f’każijiet bħal dawn minn linji tal-ajru.

Bank Ċentrali ta' Malta — Remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti b'kemm inbidel il-pakkett sħiħ ta' remunerazzjoni li jirċievu l-ħames diretturi impjegati fil-Bank Ċentrali ta' Malta li jagħmlu parti mill-Exectuive Management Committee tal-istess Bank bejn l-2008 u l-2009? Jista' jgħid ukoll x'kien il-pakkett sħiħ ta' remunerazzjoni ta' konsulent impjegat għal dawn l-aħħar erba' snin mad-Dipartiment tal-Ekonomija fil-Bank Ċentrali, u kemm tkun din r-remunerazzjoni wara li jiġġeded il-kuntratt tiegħu fl-2009?

Response (FENECH, TONIO)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-riposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3218, u nikkonferma li l-pożizzjoni ma nbidlitx mit-tweġiba mogħtija għal dik il-Mistoqsija. Ir-remunerazzjoni mħallsa lill-konsulent li hu impjegat fid-Dipartiment tal-Ekonomija tal-Bank Ċentrali ta’ Malta b’kuntratt ta’ erba’ snin b’seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2005 hi stabbilita fil-livell ta’ €76,869 + VAT kull sena. Hu ntitolat ukoll għall-użu ta’ karozza tal-Bank u għal biljett tal-ajru economy bir-ritorn għalih u l-mara lejn il-pajjiż tar-residenza tiegħu.

Għawdex — Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi statistika tinżamm mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jżomm statistika għal-Għawdex fuq is-setturi tal-popolazzjoni, kultura, ekonomija, turiżmu, edukazzjoni, impjiegi, land use, trasport, energija, ilma, skart u household characteristics. Għal aktar informazzjoni jista’ jara l-website ta’ l-NSO: www.nso.gov.mt/site/page.aspx?id=165.
Leg 11 PQ #5922 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Bord tal-Pulizija għan-Negozjar — job description

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-għala il-membri tal-Korp tal-Pulizija ġew imwgħda li se jkollhom dak li jissejjaħ job description anki bi qbil ġewwa l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar, u sal-lum dan għadu ma seħħx?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sallum għadu ma wasal l-ebda rapport għand il-Kummissarju mingħand il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar li juri li kien sar xi qbil dwar il-job descriptions. Ta' min wieħed iżid pero', li l-Korp tal-Pulizija ilu li beda jaħdem fuq il-kwestjoni tal-job description. Fil-fatt dawk tal-iSpetturi u s-Supretendenti ilhom lesti u ġew iċċirkolati filwaqt li hemm oħrajn li qegħdin jiġu ppreparati.
Leg 11 PQ #5923 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — Ftehim Kollettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ftehim kollettiv ta' Ġunju 1993 rigward il-Pulizija, sal-lum għadu ma ġiex kollu fis-seħħ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema parti jew partijiet tal-Ftehim Kollettiv tal-1993 qed jirreferi sabiex inkun nista' nagħti risposta.
Leg 11 PQ #5947 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Proġetti infrastrutturali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal proġetti infrastrutturali f'Għawdex? Liema huma l-proġetti u meta saret l-applikazzjoni dwar kull proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar għal proġetti infrastrutturali f'Għawdex.
Leg 11 PQ #5971 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Birżebbuġa — tal-Girgħien - Development brief

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-liema stadju wasal id-development brief konċernanti l-kontrada tal-Girgħien f’Birżebbuġa? Jista' jgħid ġewx sottomessi applikazzjonijiet mal-awtoritajiet konċernanti għar-rigward tal-istess proġetti hemm indikati? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li dan iseħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Development Brief għall-inħawi Tal-Għirgħien, Birżebbuġa qed jiġi emendat wara l-kummenti li saru fit-tieni konsultazzjoni pubblika. La darba jkun finalizzat jitressaq quddiem il-bord tal-MEPA għal approvazzjoni tiegħu. Wara jkun irid ukoll l-approvazzjoni tal-Ministru konċernat. Id- Development Brief jistabbilixxi z- zoning , alignments u parametri għall-iżvilupp ta' l-art f'tal-Għirgħien li tifforma parti mid- Development Brief kif indikat fil-Marsaxlokk Bay Local Plan. Meta dan il-pjan jiġi approvat, is-sidien ta' l-art ikunu jistgħu jitfgħu l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp u dawk li diġà intefgħu jitkompla l-ipproċessar tagħhom.
Leg 11 PQ #5972 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

List of Scheduled Properties

Question

Billi skond list of schedule properties li dehret fis-Sunday Times nhar it-28 ta' Awwissu 1994 rigward djar, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, jista' l-Prim Ministru jgħid x'wassal biex dawn jew inbnew jew twaqqgħu għal skopijiet ta' kostruzzjoni? Dwar l-item grade 3 jista' jikkonferma li d-demolition ġiet permessa soġġetta għar-replacement building li jkun f'armonija mal-madwar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li Casa Caruana Dingli, Chateau En Mer, Villa Leoni u Proprjetajiet Nri 53, 54 u 55, kollha fi Triq il-Kbira, San Ġiljan kienu fost 30 proprjetà differenti li ġew skedati fl-inħawi tal-Bajja tal-Balluta fl-1994. L-uniċi proprjetajiet minn dan il-grupp li tneħħew mil-lista ta' l-iskedar huma n-numri 53, 54 u 55 fi Triq il-Kbira u Numri 7 u 8, Ir-Rampa ta' San Ġiljan, San Ġiljan. Il-ħames proprjetajiet li tneħħew mill-iskedar kienu ingħataw l-inqas Livell ta' Protezzjoni ta' Grad 3 peress li ma kellhomx valur arkitettoniku jew storiku intrinsiku, imma kienu biss importanti minħabba li kienu qrib binjiet ta' valur kulturali (Grad 2). Il-proprjetajiet l-oħra kollha għadhom skedati kif kienu oriġinarjament u għandhom Livell ta' Protezzjoni ta' Grad 1 u Grad 2 skond il-Policy tal-Pjan ta' Struttura UCO 7. Fil-każ ta dawn il-ħames proprjetajiet, l-iskedar fuqhom kien tneħħa b’approvazzjoni mill-Ministru responsabbli kif titlob il-liġi. Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent kien approva t-tneħħija tal-protezzjoni tal-proprjetajiet Numri 53 - 55 nhar is-16 ta' Jannar 2007 liema tneħħija ta' protezzjoni kienet ġiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern Nru.18,040 Notifika Numru 152 datata 23 ta' Frar 2007. Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent kien approva t-tneħħija tal-protezzjoni tal-proprjetajiet Numri 7 u 8, Ir-Rampa ta' San Ġiljan, San Ġiljan nhar il-15 ta' Marzu 2006 liema tneħħija ta' protezzjoni kienet ġiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern Nru.17,930 Notifika Numru 490 datata 6 ta' Ġunju 2006.
Leg 11 PQ #5983 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Commuted Parking Scheme — Fondi

Question

Ladarba l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha miljuni ta' euros miġburin mill-commuted parking scheme għal diversi lokalitajiet u rari jintnefqu, jaħseb il-Prim Ministru li huwa l-mument li dawn il-flus li jappartjenu lil-lokalijiet għandhom ikunu mgħoddija lill-kunsilli lokali rispettivi sabiex jintnefqu fuq toroq fil-lokal stess? Jista' jgħid kemm hemm flus fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-commuted parking scheme f'kull lokalità u min qed jiggwadanja mill-interessi ta' dawn is-somom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-flus fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-commuted parking scheme f'kull lokalità. L-interessi ta' dawn is-somom qed jiġu ridepożitati fil-kontijiet tas-CPPS stess, u jinqasmu fuq il-lokalitajiet skond il-bilanċi relattivi.

Kumitat tal-Mediċinali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf il-Kumitat tal-Mediċinali? X'inhuma t-terms of reference tiegħu? Kemm-il każ ta' mediċina li allegatament kienet qed tinbiegħ bl-għoli investiga? Kemm-il mediċina nstabet li qed tinbiegħ bi prezz ogħla mill-medja Ewropea? X'passi ttieħdu f'kull każ? Il-kumitat hux qed isegwi l-passi li jkun ħa biex jara li verament l-prezz ikun traħħas u sakemm għandu żmien jiffunzjona dan il-kumitat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat tal-Prezzijiet tal-Mediċinali twaqqaf f’Novembru 2006. It-terms of reference ta’ dan il-kumitat huwa li joħloq sistema li biha jista jiġi vverifikat li l-prezzijiet tal-mediċinali huma ġusti u raġjonevoli. Wara diversi laqgħat fi Frar 2007, intlaħaq ftehim, li l-prezz tal-mediċinali f’Malta jiġi mqabbel ma’ tnax-il pajjiż Ewropew. Id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni li hija responsabbli mit-tħaddim ta’ din is-sistema, sabet 179 mediċinali li l-prezz tagħhom kien aktar mill-medja. Sar tnaqqis fuq 60 mediċinali waqt li qed isiru diskussjonijiet fuq il-mediċinali l-oħra. Id-Diviżjoni tagħmel numru ta’ spezzjonijiet fil-gimgħa biex tara li l-prezzijiet ikunu raħsu ma’ dawk miftehma. M’hemmx terminu definit ta’ kemm għandu jibqa jiffunzjona l-kumitat.
Leg 11 PQ #5996 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

riforma fil-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-konsultazzjoni dwar ir-riforma maħsuba għall-kunsilli lokali ntemmitx? Tul il-perjodu li saret il-konsultazzjoni liema kienu dawk il-korpi kostitwiti, NGOs, individwi, eċċ li ġew ikkonsultati? X'kienu (forma ta' punti) is-suġġerimenti eċċ li saru u x'inhu issa l-pass li jmiss fir-rigward ta' din ir-riforma? Minn meta hu maħsub li tibda r-riforma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni ngħalaq fl-aħħar ta’ Novembru 2008. Saru laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ Ministeri, Dipartimenti tal-Gvern, il-Kunsilli Lokali kollha, Trade Unions, il-pubbliku fi tliet laqgħat pubbliċi, kif ukoll tfal tal-iskola, anzjani, korporazzjonijiet pubbliċi bħall-Water Services Corporation, l-EneMalta, il-MEPA, il-MEUSAC u oħrajn kif ukoll diversi NGO’s bħall-Kulleġġ tal-Kappillani, u entitajiet oħra interessati wara talba minnhom stess. Saru diversi proposti (’il fuq minn 2,000) fosthom dwar it-terminu tal-Kunsill, it-terminu tas-Sindku, xi forma ta’ allowance lill-Kunsillieri, regolamenti aktar ċari dwar il-laqgħat tal-Kunsill u dwar l-ingaġġ tas-Segretarji Eżekuttivi, kif ukoll emendi sabiex il-liġi tkun aġġornata f’diversi oqsma, il-ħtieġa ta’ ristrutturar tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex isaħħaħ ir-rwol ta’ regolatur, kif ukoll diversi proposti oħra dwar delega ta’ aktar funzjonijiet lill-Kunsilli Lokali u l-għoti ta’ aktar riżorsi. Ir-rapport finalizzat se jkun imgħoddi għall-kunsiderazzjoni tal-Kabinett. Wara jsiru l-emendi leġislattivi u amministrattivi meħtieġa.
Leg 11 PQ #6023 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Gozo Discovery Bus

Question

Peress li skond survey ibbażat fuq l-opinjoni ta' dawk li għamlu użu mill-Gozo Discovery Bus is-sena l-oħra jirriżulta li l-proġett kien suċċess, tista' l-Ministru tgħid jekk din is-sena hux se jerġa jkun introdott dan is-servizz? Tista' tgħid kemm hemm persuni li għamlu użu minn dan is-servizz is-sena l-oħra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkorċernat.
Leg 11 PQ #6024 Sitting 85 2009-02-18 Oral · Interim From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Derelict vehicles u oġġetti oħra kbar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-inizjattiva li saret dan l-aħħar biex jinġabru derelict vehicles u oġġetti oħra kbar tal-metall mill-kampanja u toroq, kemm-il sit ġie identifikat f'Għawdex? Kemm minn dawk is-siti tnaddfu s'issa? X'qed isir minn dan il-materjal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Djar tal-Anzjani — residenti u staff

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5635 u jgħid fid-Djar tal-Anzjani tal-gvern kemm hemm: a) Persuni: i) indipendenti? ii) semi dipendenti? iii) dipendenti? iv) b'dementia b) Staff grad bi grad?

Response (DALLI, JOHN)

Informat hekk : Indipendenti - 367 Semi Dipendenti - 232 Dipendenti - 151 Bid-dimenzja - 74 Għat-tieni parti tal-Mistoqsija nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 5301.

Imġarr, Għajn Tuffieħa u Xemxija — features ta' sigurtà fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-toroq mill-Imġarr sa Għajn Tuffieħa u mix-Xemxija sa Għajn Tuffieħa, li fil-parti l-kbira tagħhom qatt ma kellhom dawl stallat fihom, jiżdiedu fihom dawn il-features ta' sigurtà li hemm bżonn biex jiġi assigurat li jonqsu l-perikli għas-sewwieqa b'mod partikolari matul il-lejl?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kordin Business Incubation Centre — tkabbir

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi pjanijiet jeżistu għat-tkabbir tal-Kordin Business Incubation Centre? Meta hu meħtieġ li jsir dan it-tkabbir u f'liema oqsma hu mistenni li topera l-parti miżjuda tal-Kordin Business Incubation Centre? X'esperimentazzjoni qiegħda ssir bħalissa f'dan iċ-ċentru?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.