B'referenza għall-files, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, jista' l-Ministru jgħid meta s-sidien tal-art li ġiet esproprijata se jitħallsu, fiex waslu l-proċeduri u kemm hu l-ammont?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuni li dwarhom qed tintalab l-informazzjoni jagħtu l-kunsens tagħhom bil-miktub.
Tista' l-Ministru tgħid x'qed isir min-naħa tal-Gvern biex iktar kompożituri (baned u orkestri) jikkomponu xogħlijiet ġodda? Jikkontempla l-Gvern li joħloq skemi li jinċentivaw dan, bħal per eżempju, li jagħti nifs finanzjarju jew mod ieħor lill-kompożituri li jippubblikaw xogħlijiet ta' valur?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għandu Programm ta’ Għajnuna Kulturali li permezz tiegħu tingħata għajnuna finanzjarja lil diversi individwi u organizazzjonijiet fil-qasam kulturali.
Il-Ministeru wkoll min-naħa tiegħu ikollu diversi talbiet u jgħin individwi u organizazzjonijiet kulturali kemm finanzjarjament kif ukoll b’mezzi oħra.
Din il-ġimgħa stess uffiċjali mill-Ministeru tiegħi kellhom laqgħa mal-Għaqda tal-Każini u Baned li fiha kien sottomess memorandum lill-Ministeru dwar modi kif iż-żewġ naħat nistgħu nikkollaboraw flimkien biex inkomplu nxettlu l-imħabba lejn il-mużika u nressqu aktar żgħażagħ lejn il-mużika u ngħinu fit-tagħlim tal-kompożizzjoni u d-direzzjoni mużikali.
Ta’ min ifakkar ukoll li l-Ministeru, il-lum permezz tal-PBS jieħu ħsieb jorganizza il-Festival Kanzunetta għall-Ewropa u l-Junior Song Festival li t-tnejn jofffru opportunitajiet lill-kompożituri Maltin jiktbu xogħolijiet ġodda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri li qegħdin jiġu segwiti f'dawk il-każijiet fejn kemm r-raġel u kemm il-mara jaħdmu fid-Dipartiment tas-Saħħa meta minħabba l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom u peress li għandhom tfal minuri, ikun possibbli li wieħed jew l-ieħor jingħata ħin biżżejjed biex ikun jista' jieħu ħsieb it-tfal u jaraw li ma jkunu qatt waħedhom id-dar?
Jaħseb li biex tiġi salvagwardjata l-familja, għandu jkun hemm guidelines lid-diretturi ta' kull dipartiment fi ħdan id-dipartimenti kollha tas-saħħa biex ikunu flessibbli dwar din il-kwestjoni?
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3604 u tpoġġi d-dettalji kollha dwar il-persuni li ġew impjegati bħala LSAs fis-seba' xhur ta' qabel l-elezzjoni(minn Settembru 2007)? Tista' tgħid jekk hux kollha kienu eliġibbli b'żewġ suġġetti f'livell avvanzat? X'kienu s-suġġetti f'livell avvanzat u jekk fosthom kienx hemm Advanced ECDL? L-ECDL suppost li ġie aċċettat bħal suġġett f'livell avvanzat meta huwa meqjus bħala skill, jieħu ħafna inqas ħin ta' studju u ma jikkomparax ma suġġett akkademiku jew tekniku f'livell avvanzat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3598 u tgħid minn kemm ilha li bdiet is-sena akkademika preżenti kemm kellhom lezzjonijiet bla għalliema l-istudenti tal-MCAST u f’liema suġġetti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Istitut għall-Istudji Turistiċi — Kap ta' Amministrazzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid min qed jokkupa l-kariga ta' Kap ta' Amministrazzjoni (jew jagħmel din il-funzjoni bħala kariga formali) fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Il-persuna li qed taqdi din il-funzjoni meta ser tingħata l-kundizzjonijiet tax-xogħol ekwivalenti għad-dmirijiet li qed twettaq?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-persuna li qed taqdi il-funzjoni ta’ Kap ta’ l-Amministrazzjoni ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi huwa s-Sur Joseph Bonello. Huwa maħsub li fil-futur qrib l-ITS tingħata personalita’ ġuridika u meta dan iseħħ tkun tista’ tinħadem l-istruttura addattata.
Istitut għall-Istudji Turistiċi — korsijiet, eżamijiet u ċertifikazzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' quality assurance fuq livell internazzjonali qed isir fuq il-korsijiet, l-eżamijiet u ċ-ċertifikazzjoni fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? X'tip ta' kwalifiki qed jieħdu bħallisa l-istudenti li jtemmu b'suċċess kors fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u x'għarfien għandhom dawn il-kwalifiki fl-Università u fid-dinja tax-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi igawdi għarfien internazzjonali minn organizzazzjonijiet bħas-City and Guilds of London Institute, il-Wines and Spirits Education Trust (U.K.), ir-Royal Society of Health u l- A.E.H.T ( Association of European Hotel and Tourism Schools). Bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-British Institute of Cleaning Science dwar validation ta’ korsijiet fil-Housekeeping.
Barra minn hekk l-Istitut ta’ l-Istudji Turistici ffirma l-protokol mal-
Malta Qualifications
Council
li bih il-korsijiet ta’ l-ITS ingħataw validazzjoni u għarfien, infatti kull Certifikat, Diploma jew Higher Diploma maħruġa mill-ITS illum għandhom it-timbru tal-MQC u l-Livell tal-
Malta Qualifications Framework
.
L-ITS bħalissa toffri korsijiet MQF level 2 u 3 Certifikat, Level 4 Diploma u Level 5 – Higher Diploma. Dawk l-istudenti li jiksbu l-livell 5 –Higher Diploma jistgħu japplikaw biex ikomplu l-istudji tagħhom fl-Universita mit-tielet sena tal-kors B.A. Tourism.
Istitut għall-Istudju Turistiċi — espansjoni u żvilupp
Question
Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandu l-gvern għall-espansjoni u l-iżvilupp tal-bini u faċilitajiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi peress li dawk eżistenti m'humiex adegwati għad-domanda lokali u internazzjonali għall-korsijiet tal-Istitut? Jista' jiġi kkunsidrat li jiġi żviluppat campus ġdid għall-Istitut ħdejn il-kumpless Martin Luther King f'Pembroke?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed dejjem jistħarreġ kif jista' jtejjeb, jespandi u jiżviluppa l-bini, t-tagħmir u l-apparat tiegħu skont il-ħtiġijiet tal-korsijiet tal-Istitut. L-istitut jikkunsidra dawk il-pjanijiet kollha li jiġu mressqa skond il-permessi u r-riżorsi meħtiega għal dak l-iżvilupp.
Istitut għall-Istudji Turisitiċi — Koperazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'koperazzjoni teżisti bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li hemm relazzjonijiet tajbin u fil-qrib bejn l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi u l-Malta Tourism Authority. Minbarra laqgħat regolari l-ITS u l-MTA jaħdmu flimkien biex jippromwovu karrieri u opportunitajiet fis-settur turistiku u ta’ l-ospitalita’ fosthom ta’ min isemmi ic-Choice Programme. Sar ukoll xogħol bejn l-MTA u l-ITS fuq il-proġett HOTSME u anke fuq il-proġett Prisma dwar Integrated Relational Tourism.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-għajnuniet finanzjarji u/jew rimedji li qed jibbenefikaw minnhom n-negozji ż-żgħar (partikolarment ħwienet tax-xorb u stabbilimenti ta' l-ikel)? Liema huma dawk l-għajnuniet u/jew rimedji li jingħataw minn programmi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Taħt il-programm ta’ Fondi Reġjonali 2007-2013 ser nimplimentaw skema għall-proġetti ta’ turiżmu sostenibbli. Il-fond għal din l-iskema hu ta’ Euro 10 miljuni. Is-sejħa għall-offerti infetħet fit-2 ta’ Frar 2009. Saru numru ta’ laqgħat ta’ informazzjoni kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex sabiex jiġu spjegati d-dettalji ta’ din l-iskema. Il-Ministeru vara din l-iskema fil-ħdax ta’ Diċembru 2008.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jintbagħtu r-refund fuq ħlas tal-Income Tax tas-Sinjura li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-gvern bejn Jannar u Diċembru 2008 biex stajna nżommu l-operazzjonijiet ta' salvataġġ? Kemm ġew salvati persuni permezz ta' dawn l-operazzjonijiet? Jista' jgħid jekk intalbitx xi għajnuna ta' xi pajjiż ieħor f'dawn l-operazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa ferm diffiċli li wieħed jifred l-ispiża tal-Forzi Armati ta' Malta (FAM) fuq operazzjonijiet ta' salvataġġ minn spejjeż oħra fuq operazzjonijiet ta' natura differenti. Dan minħabba li speċjalment fuq il-baħar, li-FAM topera f'ħafna oqsma differenti, imma dejjem tuża’ l-istess mezzi. Għaldaqstant il-bċejjeċ tal-baħar tal-FAM u l-mezzi tal-ajru huma multipurpose. Ħafna drabi operazzjoni, per eżempju, ta' sorveljanza tinbidel f'salvataġġ minħabba ċirkostanzi tal-mument.
Minkejja dan kollu huwa magħruf li l-ispiża kollha biex jitħaddmu l-iskwadra Marittima u dik tal-Ajru u ċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-FAM fl-2008 kienet tammonta għas somma globali ta' Euro 8,601,941. Dan jinkludi pagi u
allowances, bonus, income supplement u national insurance contribution, fuels, oils and lubricants, materials and supplies, repair and maintenance.
Fil-perjodu msemmi ġew salvati ftit aktar minn 2200 immigrant irregolari, l'ekwipaġġi ta' żewġt vapuri li kienu jammontaw għal 16–il baħri, 26–il baħri ieħor li kellhom bżonn kura medika urġenti li ġew evakwati minn fuq vapuri, 42-il trasferimenti bejn l-isptarijiet Mater Dei u l-Isptar Ġenerali t'Għawdex u 33 persuna oħra minn fuq dgħajjes żgħar.
F'missjonijiet ta' salvataġġ, hija ħaġa komuni ħafna u aċċettata internazzjonalment li tintalab l-għajnuna ta' kull min ikun jista' jgħin. Ħafna drabi dawn ikun vapuri merkantili jew sajjieda. Spiss jintalab l-intervent minn mezzi militari Taljani u anke Amerikani, għalkemm mhux daqshekk ta’ spiss fil-każ ta’ l-aħħar. Is-sena l-oħra diversi bċejjeċ u mezzi tal-ajru kienu Malta u ħadu sehem fl-operazzjoni ta' sorveljanza tal-aġenzija FRONTEX. Meta kien hemm il-ħtieġa dawn ukoll intalbu jassistu f'missjonijiet ta' salvataġġ. Dawn il-mezzi kienu bastiment Franċiż, ħelikopters Ġermaniżi u ajruplan mill-Lussemburgu.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex ibiddel is-sistema ta' mediċini b'xejn li teżisti bħalissa? Kif se jagħmilha u meta jaħseb li din tiġi fis-seħħ?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bħalissa qiegħda issir evwalazzjoni sħiħa tas-sistema biex nassiguraw li tiġi żviluppata sistema aktar ekwa u sostenibbli. Informat ukoll li s'issa għadhom ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq il-Gvern Malti bejn Jannar u Diċembru 2008 sabiex iżomm il-klandestini f'Malta? Kemm minn dawn l-ispejjeż huma ġejjin minn għajnuna tal-Unjoni Ewropea u kemm minnhom irid iħallashom il-Gvern Malti? Kemm huwa kkalkulat li jiġi jiswa kull klandestin kull jum? Jista' jgħid kemm għandna persuni fi status ta' klandestin illum il-ġurnata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Djar ta' l-Anzjani — Ħlas differenti mill-pensjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-residenti li qegħdin fir-residenza San Vincenz De Paule iħallsu 80% tal-pensjoni tagħhom u residenti ġo homes oħrajn iħallsu 60%? Għaliex mhux kulħadd iħallas 60% tal-pensjoni tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li d-differenza tal-persentaġġ tal-pensjoni li jħallsu l-anzjani li qegħdin fir-Residenza San Vincenz De Paule u dawk li qegħdin fi djar oħrajn hija dovuta għall-fatt li l-livell ta' servizz li jingħata ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paule huwa simili għal dak li jingħata fi sptar. Uħud mis-servizzi jinsabu fir-Residenza San Vincenz de Paule ma jingħatawx fid-Djar ta' l-Anzjani tal-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-affarijiet Barranin jgħid kemm ġew flus mill-Unjoni Ewropea matul is-sena 2008? Jista' jgħid dawn il-flus fuq liema proġetti ġew u kemm nistgħu nibqgħu nirċievu l-istess għajnuna? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-kontribuzzjoni li Malta għamlet lejn l-Unjoni Ewropea u kif kienu maqsumin dawn il-kontribuzzjonijiet? Jista' jgħid jekk konniex eleġibbli għal xi fondi u minħabba xi raġuni dawn il-fondi tlifnihom? X'kienet ir-raġuni li minħabba fiha tlifna l-fondi?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq niġbed l-attenzjoni lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministru responsabbli.
Hotels, villa, restaurtants u appartamenti minbinija fuq art tal gvern
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-hotel, villa, restaurant u appartamenti kienu mibnija fuq art tal-Gvern u wara li nbnew, ġew regolarizzati fl-aħħar 20 sena? Jista' jsemmi kemm saru minn dawn l-każijiet sena b'sena fl-aħħar 20 snea?
Jista’ l-Prim Ministru jekk jogħġbu jgħid kemm hemm flus allokati għal Għawdex u x’inhuwa maħsub li jsir f’Għawdex taħt l-Operational Programme I Project Ref No 48 – Upgrading of Arterial and Distribution Roads?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemmx fondi allokati għal Għawdex bħala parti mill-proġett Upgrading of Arterial and Distribution Roads (Ref No 048).
Madankollu, fondi għal toroq f’Għawdex ġew allokati taħt il-proġett
Reconstruction of part of Xlendi Road and Ta’ Pinu Road (Ref No 047)
.
Meta kienu telgħu l-imgħaxijiet ta' banek, sar għagħa kbir, issa li tnaqssu, jista' l-Ministru jinfurmani kemm qegħdin jiffrankaw familji li għandhom loans mal-banek? Ċifra medja tkun biżżejjed biex tagħti idea.
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi peress li data li qed jitlob hi ta’ natura kummerċjali, din trid tinġabar mingħand il-Banek li huma privati.
Għaldastant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu in-numru ta' liċenzji tal-kummerċ li jiġu pproċessati kull sena? Liema hi l-aħħar sena sħiħa li ġiet ipproċessata u x'kien l-ammont ta' flus li daħħal il-Gvern f'dik is-sena partikolari? Liema kien l-aħħar xahar li ġie pproċessat mis-sena 2008?
Jaf li sidien ta' postijiet tal-kummerċ li bagħtu l-ħlas tal-liċenzja tal-kummerċ tagħhom f'Ottubru li għadda għadhom ma rċevewx il-liċenzja mġedda/l-irċevuta? Jista' jispjega għaliex dan id-dewmien fid-dħul tal-Gvern u jieħu passi biex dan id-dewmien ma jkomplix b'detriment għall-istess Gvern u wkoll għas-sidien ta' postijiet tal-kummerċ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numri ta' applikazzjonijet għal-liċenzi jvarja minn sena għall-oħra.
Statistika globali għal dawn l-aħħar erba' snin hija kif ġej:
2005
Jan - Dec
1126
2006
Jan - Dec
1209
2007
Jan - Dec
1137
2008
Jan - Dec
870
Din tinkludi applikazzjonijiet għal-liċenzi għal postijiet kummerċjali, għal attivitajiet freelance, bejjiegħa tat-toroq, bejjiegħa ta' monti, buskers, fieri kummerċjali, car boot sales u trasferimenti.
L-ammont tal-flus li daħħal il-Gvern minn applikazzjonijiet għal-licenza fit-2008 kien ta' 545,601 Ewro.
L-aħħar xahar li ġie pproċessat mill-2008 kien Diċembru.
Minn Ottubru s'issa ġie rċevut il-ħlas ta' madwar 9200 "renewal".
Fadal biex jintbgħatilhom irċevuti mal-150 li daħlu f'Jannar 2009 u 150 oħra li għandhom xi problema li qegħdin jiġu kkuntatjati individwalment .
Hawnekk tajjeb nagħmel klarifika li is-sena 2008 ma kienitx bħal snin oħra fejn jidħlu "renewals".
Dan għaliex f’Ottubru 2007 tħabbru tariffi ġodda u orħos fil-ħlas tal-liċenzji tal-kummerċ fejn ma baqgħetx issir distinzjoni fuq il-lokalità u valur tal-kera ta’ l-istabbilment i¿da fuq il-metri kwadri ta’ kobor tas-sular terran ta’ dak l-istabbilment. Dan wassal biex bosta negozji zgħar gawdew minn roħs sostanzjali fil-ħlas tal-liċenzja u anke jekk kien hemm xi zidiet permezz ta’ dawn ir-rati ġodda l-liċenzjat jibqa’ jħallas dak li kien iħallas qabel sa kemm ma jsirx xi trasferiment jew bdil fil-ġeneru tan-negozju. Għawdex ukoll gawda minn dan it-tibdil għaliex kull liċenzja maħruġa fuq negozji għawdxin tgawdi minn roħs addizzjonali ta’ 25% fuq it-tariffa . Dan ir-roħs gawdew minnu kull min ħallas il-liċenzja fit-2008.
Biex id-detenturi tal-liċenza setgħu igawdu minn dan ir-roħs ġew mitluba jagħmlu dikjarazzjoni tal-metri kwadri tas-sular terran u jħallsu skond it-tariffi marbuta ma' dik l'
area.
Din it-tariffa flimkien ma spjegazzjoni ġiet mgħoddiha lilhom mat-talba għal-ħlas. Id-Divizjoni għall-Kummerċ opera ukoll servizz t'assistenza li bejn it-13 t'Ottubru u 14 ta' Novembru għen mal-2800 detentur.
Fl-aħħarnet nixtieq niġbed l-attenzjoni għal fatt li minkejja mhux mitlub mill-liġi kienet il-prassi li d-ditentur tal-liċenzja jirċievu flimkien ma l irċevuta dokument iġenerat mis-sistema awtomizzata li ukoll juri li l-liċenzja ġiet mħallsa. Filwaqt li kif għedt iktar qabel l-irċevuta intbgħatet lil- madwar 8900 detentur, id-dokument li tiġenera is-sistema ser jieħu ftit ta¿-¿mien biex jintbgħat il-kullħadd. Dan għaliex kontra snin imgħodija qabel jiġi ġenerat trid jiġi imdaħla fis-sistema l-informazzjoni li bagħat l-applikant. Dawn diġa intbgħatu mal-4500 u qegħdin jintbgħatu mal-150 kuljum.
Madanakollu jekk xi ħadd għandu bzonn xi assistenza jista jikkuntatja il Business Care Unit –tad- Divizjoni tal-Kummerċ fuq 21226688.