Jista' l-Ministru jwieġeb l-mistoqsija parlamentari 6010 u jinforma lill-Kamra:
a) kemm hemm bowsers li jġorru ilma tax-xorb irreġistrati ma' xi awtorità li taqa' taħt ir-responsabiltà tiegħu?
b) kemm hemm bowsers li jġorru ilma għat-tisqija irreġistrati ma' xi awtorità jew dipartiment li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu?
ċ) x'inhuma l-kondizzjonijiet marbuta mal-permess biex dawn iġorru dawn it-tipi ta' ilma?
d) x'monitoraġġ isir mill-Ministeru tiegħu biex jara li dawn il-kondizzjonjiet ikunu miżmuma?
e) kemm inġarr ilma tax-xorb matul l-2007 u l-2008?
f) kemm inġarr ilma għat-tisqija matul l-2007 u 2008?
g) jekk it-teħid ta' dan l-ilma huwiex b'xejn jew inkella hemmx xi ħlas għal dan it-teħid?
ġ) min jiddeċiedi l-limitu ta' dawn iż-żewġ tipi ta' ilma li jista' jittieħed?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi għanda 17-il bowser reġistrati għall-ġarr tal-ilma tax-xorb, 354 għall-ġarr tal-ilma “second class” u 40 għall-ġarr tad-drenaġġ.
L-Avviz Legali 160/97 jobbliga li l-bowsers li jġorru l-ilma u d-drenaġġ ikunu reġistrati. Dan l-Avviz ma jimponi l-ebda kundizzjoni u għandu jitqies bħala permess temporanju skond ir-regolament 5 ta’ l-istess avviz.
Ma tinżammx informazzjoni kemm inġarr ilma għax-xorb u għat-tisqija matul l-2007 u 2008
M’hemm l-ebda ħlas għall-irfieh tal-ilma minn ta’ taħt l-art.
M’hemm l-ebda regolament li jpoġġi limitu ta’ kemm jista’ jinġarr ilma.
Rigward il-monitoraġġ dwar il-ġarr tal-ilma tax-xorb nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6186 u jikkonferma rapporti li dehru f’ġurnal lokali (Malta Today Midweek) nhar l-Erbgha 11 ta' Frar, 2009 li membri tal-management board tal-Majjistral Nature and History Park huma tal-fehma u anke ilmentaw bil-pass kajman li bih miexi l-izvilupp tal-park, aktar u aktar billi ħafna karozzi privati għadhom jitħallew jidhlu fil-heritage area li hija ekoloġikament rikka? Skond l-istess ġurnal din hija wkoll il-fehma tas-Sur Martin Galea, President ta’ Din l-Art Ħelwa, waħda mill-managing Non-Government Organisations tal-park?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalissa qed jiġi ffinalizzat il-Management Plan wara li saret konsultazzjoni mal-pubbliku fuq l-ewwel abbozz. Dan kien eżerċizzju li ħa ċertu żmien minħabba li mhux faċli ssib soluzzjoni li tissodisfa lil kulħadd.
Infurmat ukoll li s’issa hemm aċċess għal-park bil-karozza fuq it-toroq eżistenti. Il-ħsieb hu li dan l-aċċess jiġi limitat meta l-pjan ikun approvat, iżda wieħed irid ikun ċert li jibqa aċċess għall-persuni anke mill-inħawi li għandhom ħtieġa jaċċedu. Il-
manager
jista’ jipproċedi u jimplimenta deċiżjonijiet li jkunu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew id-Divizjoni tal-Edukazzjoni kenux infurmati minn Lasalle Business College tal-Imsida li b'seħħ immedjat kien se jwaqqaf il-programmi CIM fil-livelli Professional Postgraduate Diploma in Marketing, Strategic Marketing Decisions (Managing Marketing Performance) u Strategic Marketing in Practice għad-detriment tal-istudenti li kienu qed jagħmlu dawn il-programmi, partikolarment dawk li waslu biex jagħmlu l-eżamijiet? Jekk kien infurmat tista' tgħid ingħatax il-permess u tispjega kif l-istudenti li waslu għall-eżamijiet se jkunu mgħejuna joħorġu mis-sitwazzjoni inkwetanti li ddaħħlu fiha f'daqqa' waħda? Jekk le, x'passi se jittieħdu biex ikunu mħarsa l-interessi tal-istudenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żagħżagħ u Sport, id-Direttorat tal-Kwalita' u Standards u d-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi ma kienux infurmati li l-programmi CIM fil-livelli Postgraduate Diploma in Marketing, Strategic Marketing Decisions (Managing Marketing Decisions) u Strategic Marketing In Practice ser jitwaqqfu. Il-Ministeru rrefera l-każ lid-Direttorat tal-Kwalita u Standards li ser jinvestiga l-każ sabiex jara x’passi jistgħu jittieħdu fl-aħjar interess ta’ l-istudenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5465 u jgħid meta se jsiru xogħlijiet ta' kisi fit-toroq hawn taħt imsemmija fl-Imsida, liema toroq qatt ma saru u huma responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali:
Triq Ġdida fi Triq Balliju Guttenberg
Parti min Triq il-Ġostra
Parti min Triq il-Kunżar
Triq Ġdida fi Triq il-Kunżar
Sqaq Casolani
Triq Ġdida fi Triq il-Knisja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'titolu għandu l-Gvern fuq il-proprjetà li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jekk il-Gvern trasferixxa din l-proprjetà lil min ġiet trasferita u taħt liema titolu?
Response (FENECH, TONIO)
Il-proprjetà li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant tifforma parti minn blokk bini li l-Gvern kien iddikjara meħtieġ għal-skop pubbliku taħt titlu ta’ Pussess u Użu. Din il-proprjeta’ ġiet trasferita taħt titlu ta’ kera residenzjali. Ma tistax tinagħta informazzjoni dwar individwi mingħajr il-kunsens tagħhom.
Servizzi tad-Dwana u tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn qed jingħataw is-servizzi tad-Dwana u tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni fil-yacht marina ta' Ta' Xbiex ladarba l-post minn fejn kien qed jingħata dan is-servizz ġie magħluq?
Huwa minnu li dawn is-servizzi m'għadhomx jingħataw minn dan is-sit iżda mill-Baggage Room tal-Belt?
Jaħseb li b'dan il-mod qed tiġi preġudikata s-sigurtà tal-yacht marina?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-servizzi tad-Dwana qed jingħataw mill-Baggage Room tal-Belt 24 siegħa kulljum. Is-sigurtà tal-yacht marina qatt ma kienet responsabbiltà tad-Dwana. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li meta ssir investigazzjoni mid-Dipartiment tal-VAT għal xi snin partikolari, meta ssir reviżjoni jintbagħtu kontijiet għar-revizjoni biex jitħallsu għal aktar snin minn dawk investigati? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm saru investigazzjonijiet tal-VAT għar-revizjoni tal-kontijiet? Kemm minn dawn l-investigazzjonijiet kienu pożittivi u kemm kienet iż-żieda ta' flus bħala VAT dovuta wara r reviżjoni li kellha titħallas? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm daħħal VAT sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta issir investigazzjoni mid-Dipartiment tal-VAT, l-proċedura hi li tinħareġ stima proviżorja għall-perjodu investigat u jekk fi żmien tletin ġurnata minn meta l-istima proviżorja tiġi servuta, il-persuna jew entita’ investigata titlob reviżjoni, l-istima proviżorja tiġi riveduta qabel ma’ tinħareġ l-istima finali. Jekk waqt ir-reviżjoni ta’ l-istima proviżorja, jigu assessjati perjodi oħra minn dawk oriġinalment investigati, trid tinħareġ stima proviżorja għal dawn il-perjodi qabel ma tinħareġ stima finali. (l-istima finali ma’ tistax tinħareġ fuq perjodi li għalihom ma’ tkunx nħarġet stima proviżorja).
Bejn is-snin 2004 u 2008 saru 5,768 investigazzjonijiet. Minn dawn l-investigazzjonijiet, 2,228 irriżultaw f’istima u t-taxxa dovuta, li riżultat minn dawn l-istimi kien ta’ €22,064,985.
Id-dħul
net
mill-VAT matul dawn l-aħħar ħames snin kien kif gej :
2004 €329,770,184
2005 €392,105,372
2006 €406,787,601
2007 €421,774,817
2008 €455,136,416
Servizzi tad-Dwana u tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn qed jingħataw is-servizzi tad-Dwana u tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni fil-yacht marina ta' Ta' Xbiex ladarba l-post minn fejn kien qed jingħata dan is-servizz ġie magħluq?
Huwa minnu li dawn is-servizzi m'għadhomx jingħataw minn dan is-sit iżda mill-Baggage Room tal-Belt?
Jaħsebx li b'dan il-mod qed tiġi preġudikata s-sigurtà tal-yacht marina?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi s-servizzi mill-Pulizija ta’ l-Immigrazzjoni dwar il-Yacht Marina ġewwa Ta’ Xbiex qegħdin temporanjament jingħataw mis-Seaport fil-Port il-Kbir. Dan sakemm jitlesta x-xogħol li qed isir fuq l-uffiċċini l-ġodda lejn in-naħat ta’ l-ex Torpedo Depot.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4583, jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet ordnata Herceptin mill-Gvern? Kemm swiet din l-ordni u meta ser tibda tiġi fornuta lill-pazjenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li s'issa saru żewġ ordinijiet għall-Hercepitin. Waħda ta' 10 fjala li waslu fl-24 ta' Novembru 2008 u ordni oħra ta' 50 fjala li saret f'Diċembru u li 10 minnhom diġa waslu. Il-prezz kien ta' £450 kull fjala fiż-żewġ ordnijiet.
Ħarġet ukoll tender permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti li bħalissa qegħda tiġi aġġudikata.
Ninsab informat ukoll li 8 fjali ġew fornuti lill-pazjenti.
Awtorità dwar it-Trasport — Liċenzja għal double-deckers open tops
Question
Jista' l-Ministru jghid kemm-il liċenzja ngħatat mill-ADT sabiex jigu operati double-deckers open tops matul dawn l-aħħar erba' snin? Lil min ingħataw dawn il-liċenzji u għal liema skop qed jintużaw? Jista' jispjega għaliex liċenzja simili għadha s'issa ma ngħatatx. lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jaf bid-deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust f'każ simili ftit xhur ilu fil-każ tal-Garden of Eden? Jista' jgħid x'inhuma l-konsiderazzjonijiet tiegħu fuq tali deċiżjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid itteħdux jew jekk hux se jittieħdu passi kriminali kontra uħud minn dawn l-immigranti illegali prezumibbilment ta' nazzjonalita' Tunezina li dan l-aħħar ippartecipaw f'rewwixta u kkaġunaw ħruq u ħsara volontarja fost reati simili fi propjeta' tal-Gvern? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar tnax-il xahar kemm kien hemm rapporti minn Uffiċjali tal-Forzi tas-Sigurta' Maltija dwar grieħi li sofrew jew inċidenti oħra simili minn immigranti illegali? Jista' jgħid jekk sarux, u jekk saru jgħid kemm, inċidenti fil-closed centres u fl-open centres ta' l-immigranti illegali f'dawn l-aħħar tnax-il xahar u xi spiza inkorra l-Gvern sabiex jeffettwa r-reparazzjonijiet konċernati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li ttieħdu passi kriminali kontra erba’ immigranti illegali ta' nazzjonalita' Tuneżina li dan l-aħħar ipparteċipaw f'rewwixta u kkaġunaw ħruq u ħsara volontarja fost reati simili fi propjeta' tal-Gvern. Dawn ġew ikkundannati għal sitt xhur priġunerija kull wieħed fil-25 ta' Frar 2009.
Infurmat ukoll li matul dawn l-aħħar tnax-il xahar saru sitt rapporti minn Uffiċjali tal-Forzi tas-Sigurta' dwar grieħi li sofrew jew inċidenti oħra simili ikkawżati minn immigranti illegali.
Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar in-numru ta' inċidenti li ġew irrapportati li seħħew fil-closed u fl-open centres kien ta' 10 u 16 rispettivament. L-informazzjoni dwar l'ispiża totali li nkorra l-Gvern sabiex jeffettwa t-tiswijiet ikkawżati minn dawn l-inċidenti għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Immigranti illegali li ħarbu miċ-ċentri ta' detenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar tnax-il xahar kemm-il immigranti illegali ħarab miċ-ċentri ta' detenzjoni jew kemm ġew nieqsa immigranti illegali minn open centres u kemm minnhom ġew ri-intraċċati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar in-numru ta' immigranti llegali li rnexxihom jaħarbu miċ-ċentri ta' detenzjoni kien ta' 207, li minnhom instabu 56.
Immigranti illegali detenuti fiċ-ċentri ta' detenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, preżentement, kemm hawn immigranti illegali detenuti fiċ-ċentri ta' detenzjoni, kemm hemm fl-open centres, u kemm hu kkalkolat li hawn fil-pajjiż in ġenerali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent, il-popolazzjoni ta' immigranti illegali ġewwa ċ-ċentri ta' detenzjoni u dawk miftuħa hija ta' 2302 u 2194 rispettivament. Huwa tajjeb li wieħed jgħid illi fost dawk l-immigranti li jgħixu ġewwa ċ-ċentri miftuħa hemm numru li għad għandhom t-talba tagħhom għall-ażil pendenti.
Ninsab infurmat ukoll illi hemm 766 immigranti li jgħixu ġewwa residenzi privati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm immigranti illegali li qed jaħdmu regolarment f'Malta u jispjega x'tip ta' sussidju finanzjarju qed jagħti l-Gvern kemm lil dawk li qed jaħdmu kif ukoll li dawk li ma jaħdmux?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li sa l-aħħar ta' Jannar 2009 kien hemm 1,008 persuni bħala refuġjati, nies bi protezzjoni umanitarja temporanja u nies li qed ifittxu ażil, li kienu qed jaħdmu.
Għat-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġiet reklutata u assenjata s-Sinjura li isimha qed jintbagħat separatament sabiex tevalwa l-applikazzjonijiet fl-ERDF għal ħlas ta' €50 fis-siegħa? Jista' jispjega kif is-Sinjura tista' tassessja l-applikazzjonijiet ta' ħuha, li ismu qed jintbagħat separatament, li hu konsulent ta' ħafna individwi u entitajiet li japplikaw għal fondi meta dan hu każ ta' konflitt ta' interess?
Tista' l-Ministru tindika, referibbilment għas-sejħa tal-Kunsill Malti dwar il-Kultura u l-Arti għall-pożizzjonijiet ta' Artistic Directors li saret f'Novembru tas-sena l-oħra:
i. Kemm kienu meħtieġa Artistic Directors?
ii. Kemm applikaw?
iii. Kienx hemm time limit li fih setgħu japplikaw dawk kollha interessati fil-post ta' Artistic Directors?
iv. Kienx hemm time limit li fih kellhom jitħabbru r-riżultati tal-mili tal-post(ijiet) ta' Artistic Directors?
v. Min kien fuq il-Bord ta' l-Għażla?
vi. Tikkonferma l-Ministru li fil-31 ta' Jannar, 2009 saru intervisti għall-post(ijiet) de quo?
vii. Tikkonferma l-Ministru li mhux kulmin applika ntbagħat għall-intervisti?
viii. Fuq liema kriterji sar dan ix-short list?
ix. Għalfejn kulmin applika ma ġiex informat li ntgħażel jew ma ntgħażilx għax-shortlisting?
x. Taħseb li dan il-proċess kien mill-bidu sal-aħħar proċess għal kollox mhux trasparenti u li jimmerita li jerġa' jibda mill-bidu?
xi. Kemm fil-fatt attendew għall-intervisti tal-31 ta' Jannar 2009?
xii Kemm eventwalment ġew ammessi għall-post(ijiet) ta' Artistic Directors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti laqa’ applikazzjonijiet għal sitt attivitajiet li huma l-Għanafest, Mnarja, Malta Arts Festival, Jazz Festival, Notte Bianca u Milied. Il-Kunsill irċieva wieħed u tletin applikazzjoni għal Artisitic Directors. Dawn l-applikazzjonijiet għalqu fid-9 ta’ Diċembru 2008. Ma kienx hemm time limit specifikat għat-tħabbir tar-riżultati. Il-Bord ta’ l-Għażla kien jikkonsisti bejn tlieta u ħames membri tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u rappreżentant/ossevatur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. L-intervisti saru fil-31 ta’ Jannar 2009 u fl-4 ta’ Frar 2009. L-intervisti saru ma’ tnax-il applikant, filwaqt li l-kriterji ta’ short listing kienu bbażati fuq diversi fatturi ta’ ħtieġa essenzjali fosthom dik ta’ leadership, komunikazzjoni u team work, programmar u preparazzjoni ta’ baġit kif ukoll kienu meħtieġa viżjonijiet u direzzjonijiet artistiċi. Ġew infurmati biss dawk li kienu shortlisted bħala parti minn proċess ta’ l-għażla. Jirriżulta li dan il-proċess sar b’mod trasparenti u bl-approvazzjoni tal-Kunsill.
Disa’ applikanti attendew għall-intervisti tal-31 ta’ Jannar 2009 filwaqt li tlieta oħra kienu preżenti għall-intervisti ta’ l- 4 ta’ Frar 2009. Intgħażlu erba’
Artistic Directors
għall-Għanafest, il-Malta Arts Festival, il-Jazz Festival u n-Notte Bianca.
Jista' l-Ministru jikkonferma li kien hemm negozjati għaddejjin mal-Unjoni Ħaddiema Maqgħdin biex porters tal-ambulanzi minn 40 hour week jigu jaħdmu 42 hour week? Jekk iva, x’wassal biex dan ma seħħx?
Response (DALLI, JOHN)
Ma kien hemm ebda negozjati mal-UHM dwar xi tibdil ta' ħinijiet ta' xogħol għall-porters ta' ma' l-ambulanzi.
Tikkontempla l-Ministru li l-Karnival jiċċaqlaq għat-tieni ġimgħa ta' Mejju biex issir attrazzjoni iktar qawwija għat-turiżmu, waqt li ċ-ċelebrazzjonijiet isiru aħjar b'iktar xogħlijiet u grandjożitá?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti jieħu ħsieb il-parti organizzattiva u amministrattiva tal-Karnival ta’ Malta. Huwa fid-dover tal-Kunsill li l-attivitajiet nazzjonali jiġu marbuta mal-folklor u t-twemmin ta’ pajjiżna u l-patrimonju kulturali Malti.