Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Permessi
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4684, rigward talbiet biex jinħareġ il-permess skond tal-paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6) ta' l-Att, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-artiklu 36, inkluż il-paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6), huwa intiż biex jirregola ż-żmien konċess lill-awtorità biex tiddeċiedi fuq kull tip ta' applikazzjoni mingħajr eċċezzjoni, biex b'hekk jiġu salvagwardati l-interessi leġittimi tal-applikanti kontra dewmien żejjed li jista' jkun hemm min-naħa tal-awtorità?
B'mod partikolari, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-provvedimenti tas-subartikli 36 (1) sa 36 (6), inkluż il-paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6), huma intiżi biex jirregolaw kemm dawk l-applikazzjonijiet li jaqgħu taħt is-subartiklu 36 (1) kif ukoll dawk li ma jaqgħux taħtu, f'liema każ dawn is-subartikli japplikaw kif debitament emendati mis-subartiiklu 36 (7)?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Permessi
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4684 dwar talbiet biex joħroġ il-permess skond paragrafu (f) tas-subartiklu 36(6) tal-Att, li ġew kollha rifjutati, jista' l-Prim Ministru jitlob l-awtorità tispjega għaliex fil-każ ta' 36 applikazzjoni minn dawn, li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, kien hemm dewmien ta' tliet xhur jew iktar minn meta kien tlesta d-Development Permit Application Report sa meta ttieħdet deċiżjoni mill-Kummissjoni kompetenti, minkejja li ma kienx hemm iktar ipproċessar xi jsir?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Permessi
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4684 dwar talbiet biex joħroġ il-permess skont paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6) tal-Att, li ġew kollha rifjutati, minn stħarriġ li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jirriżulta li mill-applikazzjonijiet li tagħhom ingħatat data tal-agenda għas-smiegħ, id-deċiżjoni dwar 33 minnhom ittieħdet f'data sussegwenti jew għada ma ttieħditx.
Jista' l-Prim Ministru jiċċara mal-awtorità jekk dawn id-deċiżjonijiet ġewx diferiti? Jekk dan mhux il-każ jista' l-Prim Ministru jitlob lill-awtorità tispjega għaliex ma ttieħditx deċiżjoni fid-data indikata fir-risposta msemmija qabel? Fil-każ ta' dawk id-deċiżjonijiet li ġew diferiti, jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra liema minn dawn id-diferimenti saru bil-kunsens tal-applikant?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Art barra z-zona ta' żvilupp
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4684 fejn jirriżulta skond l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li l-101 talba biex jinħareġ permess skont paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6) tal-Att ġew kollha rifjutati minħabba li l-applikazzjonijiet jew kienu barra miż-żona ta' żvilupp jew ma kenux mibgħuta skond kif tipprovdi l-liġi, jista' l-Prim Ministru jiċċara jekk, meta jgħid li ma kenux mibgħuta skond kif tipprovdi l-liġi, hux qed jirreferi għall-applikazzjonijiet għall-permess ta' żvilupp jew inkella għat-talbiet biex jinħareġ permess, skont l-paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6) tal-Att?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp — Applikanti nfurmati li t-talba tagħhom ma ġietx milqugħa
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4684 dwar talbiet biex joħroġ il-permess skont paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6) tal-Att, li ġew kollha rifjutati, jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra liema applikanti ġew infurmati mill-awtorità li t-talba tagħhom ma kenitx ġiet milqugħa, meta ġew infurmati, u x'kienet ir-raġuni li ngħataw?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5817 li saret mill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jara li jieħu l-passi meħtieġa sabiex il-Pont tal-Isperanza fil-Mosta jkollu fil-ġnub tiegħu il-ħajt tal-ilqugħ li tiżdiedlu filata oħra, għaliex maż-żmien bit-tarmak li ngħata naqqas l-għoli ta' dan l-ilqugħ li llum huwa biss ta' tliet filati u għalhekk qed joħloq periklu għal min ikun għaddej bil-mixi minn fuq il-pont?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT ser tispezzjona l-imsemmi pont.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm tnaqqsu ċ-charges tal-ħlasijiet għall-użu tal-karrijiet tal-mejtin waqt il-funerali minn meta saret il-liberalizzazzjoni ta' dan is-settur? Kemm-il darba nġabret, mid-diviżjoni tal-konsumatur, jew xi diviżjoni oħra, din l-informazzjoni marbuta ma' dan ix-xogħol mil-liberalizzazzjoni sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi wara d-deċiżjoni li ttieħdet li jiġi lliberalizzat dan is-settur, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni mmedjatament bdiet bl-analiżi tas-suq in kwistjoni sabiex jiġi evalwat għall-konformita’ ma’ l-Att tal-Kompetizzjoni u dik tal-Konsumatur kif ukoll ġew avviċinati għadd ta’ entitajiet u operaturi li b’xi mod jew ieħor huma involuti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta' studju dwar it-trasport bit-tramm li kien tħabbar xi żmien ilu? Jista' jqiegħed kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li għalihom kien ħareġ il-permess għat-terminal taċ-Ċirkewwa? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess pjanti kif mibdula?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn bring-in-sites madwar Malta u Għawdex? Fejn jinsabu? Kemm minnhom għandhom CCTV camers stallati ħdejhom? Jista' jgħid jekk il-WasteServ hix beħsiebha twaħħal dawn is-CCTV cameras fejn hemm il-bring-in-sites?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li f’Malta u Għawdex hawn total ta’ 237 Bring-In-Site li huma mqassma skond kif jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minnhom hemm 14-il sit li għandhom CCTV camera installata ħdejhom.
Il-
Bring-in-sites
huma kontinwament moniterjati minħabba abbużi u fejn jinħass il-bżonn jittieħdu l-miżuri neċessarji.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa, in-numru ta' persuni full-time li jaħdmu fis-Selmun Palace Hotel? Jekk dak li ġie rapportat fil-gazzetti u cioè li ħadd ma wera interess biex jixtri din il-lukanda, huwa minnu, x'inhu mistenni li jsir minn din l-istess lukanda?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa il-kumpannija Selmun Palace Hotel Co Ltd għandha 73 ħaddiem 'full-time' fuq kuntratt indefinit jew definit. Kif intqal kemm il-darba, l-Air Malta, li għandha l-ishma kollha ta' din il-kumpannija, ser tiddisponi minn dawn l-ishma. Kif dan ser isir għadu qiegħed jiġi studjat.
Better Regulation Unit — ħruġ tal-liċenzji tan-negozju
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta twaqqaf il-Better Regulation Unit? X'tip ta' programm fassal dan il-unit? Liema regolamenti ġew identifikati bħala li jridu jitneħħew jew jitnaqqsu? X'tip ta' koperazzjoni kellu u għandu llum mad-diviżjonijiet tal-kummerċ jew oħrajn li huma responsabbli mill-ħruġ ta' liċenżji tan-negozju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni Aħjar (BRU) ġie mwaqqaf fi ħdan il-Management Efficiency Unit (MEU) f’Jannar ta’ l-2006.
Meta l-BRU ġiet imwaqqfa, hija ffukat l-isforzi tagħha fuq l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-moniteraġġ ta’ l-ewwel Pjan għas-Simplifikazzjoni għal Malta. Il-miżuri fil-Pjan għas-Simplifikazzjoni kienu jikkonsistu f’111-il proġett li kienu maqsuma f’sitt kategoriji :
1. twaqqif ta’
One-Stop-Shops
jew konsolidazzjoni ta’ entitajtiet preżenti;
2. reviżjoni ta’ proċeduri / proċessi;
3. użu ta’
ICT
u servizzi ta’
eGovernment
;
4. simplifikazzjoni ta’ liġijiet u tneħħija ta’ liġijiet li ma għadhomx validi; u
5. konsolidazzjoni ta’ formularju.
Il-BRU ġie fdat bil-moniteraġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri li għaliha huma responsabbli l-Ministeri. Sal-lum madwar nofs il-miżuri tal-Pjan tlestew. Kemm in-negozji kif ukoll iċ-ċittadini ibbenefikaw minn dawn il-proġetti. Il-BRU ħadmet flimkien mal-Ministeri, id-dipartiment u l-entitajiet regolatorji biex jitlestew kemm jista’ jkun mill-miżuri. Madanakollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li minn meta dan il-Pjan ġie żviluppat sal-lum għadda ż-żmien u nbiddlu ċ-ċirkustanzi.
Għalhekk bħalissa l-BRU ħejjiet rapport ta’ konklużjoni biex b’hekk jiġi magħluq dan il-Pjan eżistenti mill-aktar fis possibli, biex b’hekk jagħmel spazju għal pjan li hu aktar orjentat lejn in-negozju permezz tal-proposti li ser jitressqu fil-pjan il-ġdid. Huwa mistenni li dan iwassal biex ir-riżorsi tal-BRU jiġu utilizzati b’mod aħjar billi tingħata l-attenzjoni xierqa lil inizjattivi oħra aktar importanti fosthom li tgħin lil Gvern Malti jilħaq il-mira li hu kkommetta ma’ l-Unjoni Ewropeja li jnaqqas bi 15% il-piżijiet amministrattivi, b’mod partikulari dawk li joħorġu minn informazzjoni żejda li qed tintalab, fuq in-negozji sa l-2012.
Ta’ min jgħid ukoll li issa li dan il-programm qiegħed fil-proċess li jiġi magħluq, l-BRU ħejja pjan strateġiku għal regolamentazzjoni aħjar għas-sentejn li ġejjin li ġie approvat mill-Kabinett f’Ottubru li għadda. Fost il-miżuri li fih dan il-pjan il-BRU bi ħsiebha tinkoraġġixxi t-tnedija ta’ taħriġ fil-Ministeri, dipartimenti u l-entitajiet regolatorji. Miżura oħra hija l-użu ta’ Manwal fis-Settur Pubbliku li ġie żviluppat fi
Twinning Light Project
li sar ma’ l-Irlanda ta’ Fuq bejn Frar u Awwissu 2008. Permezz ta’ dan il-Manwal ir-regolamentazzjoni ġdida ser tgħaddi minn proċess strutturat, professjonali u xjentifiku biex tkun relevanti għall-kuntest Malti, bl-inqas impatt negattiv fuq l-operaturi pero’ li tipprovdi l-protezzjoni meħtieġa lill-klienti u lill-pubbliku.
Rigward liema regolamenti ġew identifikati bħala li jridu jitneħħew jew jitnaqqsu, kif diġà ġie spjegat hawn fuq il-miżuri tal-Pjan għas-Simplifikazzjoni ma kienux jinkludu biss dawk immirati lejn tneħħija jew tnaqqis ta’ regolamenti. Il-miżuri li ġew implimentati kienu ukoll immirati biex jiffaċilitaw proċessi u jippromovu l-użu ta’ ICT. Ta’ min jgħid ukoll li l-miżuri kienu mmirati kemm lejn is-settur tan-negozju kif ukoll lejn iċ-ċittadini. Il-lista tal-miżuri li tlestew qed tiġi impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra.
Il-BRU meta ġie żviluppat il-Pjan għas-Simplifikazzjoni ma għamlitx dan waħida iżda ħadmet flimkien mall-Ministeri, Dipartimenti u entitajiet Governattivi oħra. Filfatt kull Ministeru, inkluż il-Ministeru responsabbli mill-kummerċ u l-ħruġ ta’ liċenzji, innomina persuna li r-rwol tagħha kien li tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ l-inizjattivi tal-Pjan għas-Simplifikazzjoni u affarijiet oħra relatati mar-regolamentazzjoni aħjar li jaqgħu taħt il-Ministeru konċernat.
Il-BRU qed tahdem mill-qrib mas-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Is-Simplifikazzjoni ser tingħata nifs ġdid permezz ta’ konsultazzjoni ma’ setturi differenti, korpi kostitwiti u msieħba oħra f’dan il-qasam tan-negozju sabiex tinkiseb aktar informazzjoni u b’hekk inkunu nistgħu nindirizzaw l-problemi. Ser jiġi varat eżerċizzju ta’ konsultazzjoni għas-setturi tan-negozju maħsub sabiex jiġu identifikati dawk il-problemi amministrattivi li qed jiffaċċja dan is-settur kemm dawk speċifici għas-setturi partikolari u kemm dawk ġenerali għan-negozju eżempju l-ħruġ ta’ liċenzji tan-negozju. Il-Ministeri kollha ser ikunu mistiedna biex jattendu wkoll għal din il-konsultazzjoni biex b’hekk ikunu nvoluti f’dan l-eżerċizzju sa mill-bidu nett. L-informazzjoni miġbura tiġi imbagħad analizzata u s-soluzzjonijiet jiġu prijorizzati, kif ukoll tiġi mmoniterata l-implimentazzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Palma fl-Imtarfa hiex fil-lista ta' prenotazzjonijiet għax-xogħlijiet ta' għoti ta' tarmak? Jista' jgħid meta hu mistenni li din it-triq tingħata wiċċ ta' tarmak ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpelant hija nkluża fil-program ta’ bini ta’ toroq residenzjali li jridu jsiru . Hu mistenni li dan ix-xogħol jinbeda fix-xhur li ġejjin.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ sabiex l-Imtarfa Boys' Secondary isir il-ground ta' turf li jkun jista' jintuża mill-Imtarfa Football Club u n-nursery ta' l-istess lokalità? Huwa mifhum li dawn il-clubs diġà ħallsu għall-ispiża ta' turf u l-ministeru kien mistenni li jagħmel ix-xogħol tal-konkos.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li, skond il-ftehim iffirmat bejn id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-Imtarfa Football Club, il-Gvern għamel parti mill-art ta’ l-Iskola Sekondarja tas-Subien Sir Temi Zammit tal-Kulleġġ San Nikola aċċessibli għall-Club biex jinstalla fiha Jubilee UEFA Mini Pitch. Skond l-istess ftehim, il-Gvern m’għandu ebda obbligu li jagħmel xi xogħol konness ma dan it-tqegħid tal-pitch.
Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma — sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jara li permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, issir sorveljanza fuq sump tad-drenaġġ quddiem ir-residenza, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn qed tikkawza d-drenaġġ li jidħol fil-basements ta' residenzi? Jista' jara li tissewwa l-ħsara li hemm f'din is-sump u s-sistema tad-drenaġġ tal-madwar sabiex id-drenaġġ ma jibqax ifur fil-basements tar-residenti tat-triq imsemmija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex tkun tista' tieħu l-passi meħtieġa.
Peress li r-residenti ta' Triq Lunzjata fir-Rabat, Għawdex qed jilmentaw minħabba rwejjaħ ikkaġunati minn rimi ta' skart u ħmieġ ieħor f'Wied il-Lunzjata, tista` l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-indafa fit-triq imsemmija hija responsabbilta' tal-Kunsill Lokali tal-lokalita'. Għaldaqstant nitlob lill-Onoreevoli Nterpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Kumpanniji Maltin — esportazzjoni ta' materjal rriċiklat - fuel issussidjat
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux xi skemi biex kumpanniji Maltin li jesportaw materjal riċiklat għandhomx xi sussidju fuq il-fuels? Jista' jgħid jekk hemmx xi skema fejn kumpanniji ikollhom fuel issussidjat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Enterprise m’għandha l-ebda skema ta’ sussidju fuq fuel.
L-Att Dwar il-Promozzjoni Ta’ Negozji (Business Promotion Act), jagħti għajnuna f’forma ta’ ghotja lill-kumpanniji tal-manifattura Għawdxija. Dan sabiex ikopru l-ispejjeż attwali, addizzjonali u meħtieġa għat-trasport li jkunu ħallsu dawn il-kumpaniji biex jittrasportaw bejn iż-żewġ gżejjer makkinarju, impjant, materjal, merkanzija jew prodotti li huwa meħtieġ għall-attivitajiet tagħhom f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-applikazzjoni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u jgħid jekk hux ser ikun hemm xi żviluppi f'dan il-każ u każijiet oħra simili?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.
Peress li r-residenti ta' Triq Qortin, Nadur, Għawdex qed jilmentaw minħabba l-kwantità ta' ilma li din it-triq qed iżżomm kif ukoll dwar l-istat ħażin tat-triq u dan b'inkonvenjent għall-istess residenti, tista` l-Ministru tara li din il-problema tiġi ndirizzata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija taqa' fir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' din il-lokalita', nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista` l-Ministru tagħti rendikont dettaljat ta' x'ġara minn meta għalqet il-biċċerija f'Għawdex biex suppost reġgħet infettħet wara ftit xhur u tgħid għaliex kien hemm dan id-dewmien kollu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jien infurmata li minn meta għalqet il-biċċerija nħarġet offerta għal estensjoni tal-bini u saret il-kostruzzjoni. Inħarġet ukoll offerta għal Disinn, Provvista, Installazzjoni, Ittestjar u Kummissjonar ta' apparat tal-biċċerija u Servizzi Anċillari fejn ħadd mill-offerti ma kien skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta. L-offerta reġgħet inħarġet u wara li l-bord tal-evalwazzjoni ta l-konklużjonijiet tiegħu kien hemm oġġezzjonijiet minn żewġ offerenti u l-appell tagħhom mistenni jinstema' fi ftit żmien ieħor. Sadanittant qiegħda ssir parti oħra mill-bini permezz ta' ħaddiema tal-Gvern.