Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5504 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk huwiex minnu li fl-ewwel żewġ imħażen lejn in-naħa tal-Isla, f'Dock 1 hemm midfun, fuq wara, ammont ta' asbestos liema asbestos intradam f'dan il-post ħafna snin ilu?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal matul is-sena 2008? Minn liema pajjiż kienu ġejjin? Jista' il-gvern jikkunsidra li tiżdied l-għajnuna u s-sapport lil dawk il-familji li qed jippruvaw jaddottaw it-tfal?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li n-numru ta' tfal li ġew adottati fl-2008 kien ta' 69.
Dawn kienu ġejjin minn dawn il-pajjiżi :- Malta - 3, Russian Federation - 42, Ethiopia - 14, Guatemala - 1, Kazakhstan - 2, Pakistan - 1, Albania - 1, Cambodia - 3 u Bulgaria - 2.
Tagħrif għat-tielet parti tal-Mistoqsija għada qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' gradwati li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol? Kemm ilu jirreġistra kull wieħed minnhom u fiex hu gradwat?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li sa l-aħħar ta' Diċembru 2008 kien hemm 70 gradwati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru.
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Unjoni Ewropea — fondi għar-restawr tal-Forti Sant Iermu
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx talba lill-Unjoni Ewropea għal fondi għar-restawr tal-Forti Sant Iermu kif kien qal li kellu jsir is-Segretarju Parlamentari Mario Demarco?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadu kif twaqqaf Steering Committee mill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni b’rappreżentanza mis-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu sabiex imexxi ‘l quddiem l-proġett ta’ Sant Iermu. Wieħed mill-aspetti li ser ikun qed iħares lejh dan l-iSteering Committee huwa propju l-mod kif ser jiġi ffinanzjat ir-restawr.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li sar matul is-sena 2008 f'kull dipartiment u entità fid-dekasteru tiegħu, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll x'allowances ingħataw fl-istess entitajiet matul l-istess perijodu maqsuma ukoll xaħar b'xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma nħossx li għandi naħli r-riżorsi tal-Gvern b’dan il-mod sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jagħtix raġuni valida għall-ħtieġa ta’ din l-informazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li sar matul is-sena 2008 f'kull dipartiment u entità fid-dekasteru tiegħu, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll x'allowances ingħataw fl-istess entitajiet matul l-istess perijodu maqsuma ukoll xaħar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ma nħossx li għandi naħli r-riżorsi tal-Gvern b'dan il-mod sakemm l-Onor. Interpellant ma jagħtix raġuni valida għall-ħtieġa ta' din l-informazzjoni.
Peress li tfajla ta' 24 sena li hija b'diżabilità fiżika li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament,għandha bżonn l-għajnuna tal-care workers ta' support ta' l-Imtarfa għax l-omm se jkollha bżonn tidħol l-isptar u l-missier jaħdem il-ġurnata kollha, hija talbet erba' sigħat għal ħamest ijiem għal sitt ġimgħat. Din it-talba ġiet aċċettata bil-kundizzjoni li toħroġ nofs l-ispejjeż. Jista' l-Ministru jara li din tingħata is-servizz b'xejn għax dan mhux kapriċċ?
B'referenza għat-tweġiba parlamentari 5718, jista' l-Ministru jgħid meta qegħdin ngħidu tiġi evalwata, tfisser li ser jieħdu xhur u snin meta każ bħalu infetaħ mill-Ombudsman u ħadu l-flus dovuti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull kas jingħata l-attenzjoni u jiġi evalwat skond il-merti tiegħu u hekk kif tittieħed deċiżjoni, l-individwu jiġi informat minnufih.
Informat ukoll li l-persuna konċernat ġiet informata bid-deċiżjoni li ttieħdet.
Proprjetà kummerċjali tal-gvern — trasferiment ta' proprjetà
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5840 u jgħid jekk hux possibbli li persuna li għandha titolu ta' kera fuq proprjetà kummerċjali tal-Gvern (ħanut) tittrasferixxi tali proprjetà lil terzi bil-kunsens tal-Kummissarju tal-Artijiet?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5839 u jara li jiġu rranġati t-toroq fil-Qasam Industrijali f'Ħ'Attard għax jinsabu fi stat diżastruż?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5843 u jgħid kemm-il ħanut fis-Suq tal-Belt hu mikri u qiegħed jopera b'mod regolari? X'inhu l-ġeneru tan-negozju ta' kull ħanut?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5843.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5753 u jgħid kemm hemm flus allokati għal Għawdex u x’inhuwa maħsub li jsir f’Għawdex taħt l-Operational Programme I Project Ref No 48 – Upgrading of Arterial and Distribution Roads?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirrerferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5753.
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħol sar fuq ir-riabilitazzjoni ta' widien f'Għawdex permezz ta' Environment Landscapes Consortium? Tista' tgħid meta ngħata l-kuntratt għal Għawdex dan il-consortium? Kemm kien iħaddem nies meta twaqqaf f'Għawdex? Kemm kien iħaddem nies fl-aħħar tas-snin 2007 u 2008 u illum? Kemm minnhom huma impjegati tas-Settur Pubbliku? Fuq liema bażi (ie: permanenti, temporanja, kuntrattwali, każwali,eċċ) ġew ingaġġati dawn il-ħaddiema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Environment Landscapes Consortium ma ngħatax inkarigu ta' riabilitazjoni ta' Widien f'Għawdex. Ninsab infurmata wkoll li l-kuntratt tal-Consortium f'Għawdex huwa estensjoni ta' dak ta' Malta.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament m'hi qed tirċievi l-ebda għajnuna soċjali?
Japprezza li din il-persuna hija marida mentalment u fiżikament serjament u li minħabba f'dan marret tgħix ma' ommha, mara marida li tgħix ukoll bl-għajnuna soċjali?
Jaf li dawn qed jgħixu f'faqar assolut?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5722 intqal li s-swali vojta fl-Isptar Karen Grech se jiġu rinnovati biex jieħdu l-pazjenti li hemm fl-Isptar Zammit Clapp, jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li dan isir? X’rinnovazzjoni trid issir? Kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti, irġiel u nisa separatament, li bħalissa jinsabu rikoverati fl-Isptar Zammit Clapp? X’tip ta’ kura tingħata f’dan l-isptar? Kemm hija l-medja li pazjent idum f’dan l-isptar?
Jista’ l-Ministru jara li l-pulizija jieħdu ħsieb li jsir ipparkjar ta’vetturi kif suppost meta jkun hemm logħob tal-football tal-Premier League fil-grawnd tal-Hibernians f’Kordin? Jaf li kemm-il darba qed isir ipparkjar ħazin tant li dan qed jikkawza imblukkar totali bil-konsegwenza li ambulanza ma jkollhiex minn fejn tgħaddi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza illi l-faċilitajiet għall-ipparkjar ta’ vetturi ta’ l-imsemmi ground huma limitati. Ninsab infurmat li l-akkwata hija żona industrijali u għalhekk waqt il-ħin tal-logħob il-fabbriki, fil-maġġoranza tagħhom, ikunu magħluqin u ma jkunx hemm movimenti ta' vetturi għajr għal dawk li jkunu ser jattendu għal-logħob fl-istess ground. Madankollu, ninsab infurmat illi fejn ikun hemm vetturi li jkunu qed jimblukkaw il-passaġġ il-Pulizija ser tkompli tieħu l-passi meħtieġa.