Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar it-tmexxija tal-park tas-Simar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi dwar liema partijiet qed isiru d-diskussjonijiet biex ma jibqgħux amministrati mill-gvern?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru vjaġġi mill-Airport saċ-Ċirkewwa u viċi-versa minn mindu nbeda dan is-servizz? Kemm inġarru passiġġieri f'kull direzzjoni rispettivament? Kemm tħallas jekk tħallas, sussidju għal dan is-servizz?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6087 u 5604 u jgħid jekk hux qed tinżamm kif suppost database u reġistru tas-sorsi ta’ hazardous waste kif ukoll dwar x’tip hu, minn fejn qed joriġina u fejn qed jispiċċa? Jinżammu records dwar kemm minnu qed jiġi esportat u jekk iva, primarjament lejn fejn? Dan suppost huwa faċli għaliex nifhem illi l-Gvern għandu sistema ta’ export trail?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6087.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlametari 6072 u jgħid jekk mill-istudji li għamlet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-proġett Smart City, ġiex ikkwantifikat fl-EAI? X'effett dan se jkollu fuq il-carbon emissions tal-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, jista' jikkwantifikahom imqar fuq livell approssimattiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudju ta' l-impatt ambjentali li tħejja bħala parti mill-ipproċessar ta' l-applikazzjoni ta' Smart City indika stima ta' konsum ta' madwar 110,000 MWh fis-sena.
Dan ifisser madwar 5 fil-mija ta' l-elettriku ġenerat fil-gżejjer Maltin u huwa rifless fin-National Allocation Plan ta' Malta għas-snin 2008-2012. Din l-istima tissaraf f'madwar 96,400 tunellata ta'
carbon dioxide
fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom out of stock il-pilloli tal-pressjoni Amlodipine tal-5mg? Jaf li dawn mhumiex jingħataw la mill-ispiżerija tal-għażla tiegħek u lanqas mill-kliniċi tal-gvern? Jaf l-Ministru li l-kliniċi tal-Gvern qed jagħtu l-istess pilloli iżda tal-10mg?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-pilloli Amlodipine 5mg qegħdin in stock. Kunsenja oħra mistennija fil-ġranet li ġejjin. Dawn il-pilloli kienu out of stock minħabba problemi fil-process tal-għoti tat-tender mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Sakemm jiġi konkluż dan il-process id-Dipartiment tal-Procurement [Taqsima tas-Saħħa] ħareġ sejħa oħra għall-offerti għal ammont fil-limitu Dipartimentali.
MEPA Report on the Feasibility of Artificial Islands
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-MEPA Report on the Feasibility of Artificial Islands? Jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA ingħatat ir-responsabbilità li jsir dan l-istudju, f'isem il-gvern. Dan l-istudju ġie iffinalizzat fl-2008 u r-rapporti li nġabbru għadhom qed jiġu evalwati mill-MEPA. Dan l-istudju ġie jiswa’ madwar €403,000.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raguni li anzjan ta' 94 sena minn San Ġiljan, li ddaħħal b'emerġenza fl-Isptar Mater Dei nhar l-Erbgħa, 19 ta' Frar, 2009 għall-ħabta tal-3.45 p.m. isofri minn ħruġ ta' dmija minn rasu, wara li tteħidlu X-ray tal-pulmun u ntbagħat fl-ENT, inbagħat lura d-dar l-għada minghajr ma ġie stabbilit minn fejn ħareġ id-demm u mingħajr ma ngħata kura?
Jista' jgħid jekk din hijiex proċedura normali, jigifieri li pazjenti jintbagħtu d-dar mingħajr ma l-kundizzjoni tagħhom tiġi investigata sakemm tiġi stabbilita d-djanożi biex tingħata l-kura u mingħajr ma jingħataw appuntamenti oħra biex jiġu eżaminati biex jaraw il-progress tal-kundizzjoni li jkunu fiha?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li dan il-pazjent intbagħat lura d-dar wara li ġie stabbilit minn fejn kien ħareġ id-demm. Il-kundizzjoni tiegħu ġiet investigata u d-dijanjożi kienet stabbilita. Il-pazjent ingħata l-kura kollha meħtieġa u ntbagħat lura d-dar meta kien assigurat li l-kundizzjoni tiegħu kienet stabbli. Il-pazjent ingħata wkoll il-medicini meħtiega għall-kundizzjoni tiegħu.
Informat ukoll li ma jistgħux jingħataw dettalji aktar speċifiċi dwar id-dijanjożi ta’ dan il-pazjent minħabba raġunijiet ta’
data protection
. Iżda is-sezzjoni tal-Customer Care tal-iSptar Mater Dei spjegaw id-dettalji kollha tal-każ lill-familjari tiegħu. Jekk il-pazjent jew il-familjari għandhom bżonn aktar informazzjoni jew għajnuna, huma mistiedna jikkuntattjaw lis-sezzjoni tal-Customer Care tal-iSptar Mater Dei jew lit-tabib kuranti.
Peress li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jinħass il-bżonn ta' uffiċċju u servizz ta' probation officers f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid jekk taqbilx li wasal iż-żmien li f'Għawdex ikollna dan it-tip ta' servizz u jekk il-Gvern għandux pjanijiet sabiex fil-futur qrib ikollna appuntu dan is-servizz?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Peress li fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru l-korsijiet għal Learning Support Assistants li ser isiru f'Malta, u peress li hemm ħafna LSAs Għawdxin li jixtiequ jagħmlu dan il-kors, tista' l-Ministru tikkonsidra li jsir kors f'Għawdex bħalma ġieli saru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għadu kmieni wisq biex wieħed jiddetermina jekk jistax isir il-kors Għawdex peress li dan il-kors ser jattendu għalih Supply Learning Support Assistants skond is-seniority tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswew prezentement lill-Gvern fix-xahar iċ-ċentri kollha fejn jinzammu l-immgranti illegali u jgħid kemm hemm personnel impjegat ma' dawn iċ-ċentri, kemm b'mod volontarju kif ukoll bil-paga? Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswew tfal ta' immigranti li qed jattendu skejjel Maltin u jindika l-istatistika? Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati, kemm b'mod volontarju, kif ukoll b'forza tal-liġi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar u kemm kienet l-ispiża konċernanti? Jista' l-Ministru jagħti dettalji, pajjiz b'pajjiz, dwar dawk il-pajjizi li jaċċettaw jakkomodaw lill-immigranti illegali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi preżentement hemm 270 u 50 impjegat ġewwa l-Closed u l-Open Centres rispettivament. Infurmat ukoll illi bejn Frar tal-2008 u Frar tal-2009 ġew ripatrijati 80 immigrant illegali. In-nefqa għar-ripatrijazzjoni ta' numru minn dawn il-persuni li saret minn dan il-Ministeru kienet ta' €72,158.
Il-pajjiżi li s'issa aċċettaw resettlement ta' immigranti minn Malta kienu, l-Olanda, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Portugal, l-Irlanda u l-Istati Uniti tal-Amerika. Barra minnhekk, bħalissa għaddej il-proċess sabiex Franza wkoll tieħu 80 persuna li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali. Ta' minn ifakkar ukoll illi l-Gvern qed jagħmel sforzi kontinwi sabiex il-proċess ta' resettlement jinfirex ma' aktar pajjiżi Ewropej.
Għar-rigward l-ewwel parti tat-tielet mistoqsija u ta' tfal ta' immigranti li jattendu skejjel Maltin, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministri kkonċernati.
L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal status ta' refuġjat jew għal xi forma ta' kenn ieħor f'Malta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, sat-23 ta' Frar ta' din is-sena, kien hemm 1015 -il applikazzjoni pendenti. Dawn jinkludu applikazzjonijiet li saru mill-227 immigrant irregolari li daħal dan l-aħħar.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dwar l-emissjonjiiet mill-power station ta' Delimara matul is-sena 2008 u fis-sena 2009 sal-lum, partikolarment dwar particulate matter li spiss nirreferu għalih bħala trab fin?
Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Statement of Defence tal-4.8.08 li Malta bagħtet lill-Unjoni Ewropea bi tweġiba għall-infringement 2006/2407 li jikkonċerna d-direttiva 2001/80/KE tal-Unjoni Ewropea dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar ta' kombustjoni u dan b'rabta ma' l-operazzjoni ta' l-impjant ta' l-istim Fazi Nru 1 tal-power station ta' Delimara u tal-power station tal-Marsa?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-applikazzjoni tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament meta kienet applikat għas-sussidju fuq il-bdil tal-gallarija tagħha fil-Belt Valletta taħt l-iskema li kienet tħabbret matul is-sena li għaddiet?
Jista' l-Ministru jgħid il-għaliex minkejja li din il-familja kienet infurmata li l-applikazzjoni qed tkun processata baqgħet ma rceviet xejn aktar mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaddejt l-informazzjoni lill-Awtorità kkonċernata sabiex tassigura li jsir kuntatt ma’ l-applikanta u tiġi nfurmata bid-dettalji kollha ta’ l-applikazzjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk it-taxxa msemmija fil-Budget ta’ €0.50 fuq kull turist għal kull lejl, hijiex se tkun implimentata u fil-każ minn meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif kien spjegat fid-Diskors tal-Baġit 2009, l-eko kontribuzzjoni msemmija hija effettiva mill-1 ta’ Jannar 2010.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux pjan li jwaqqaf mill-ġdid banda nazzjonali? Taħseb li banda nazzjonali jkollha rwol importanti f'pajjiżna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-preżent il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti qed jieħu diversi inizjattivi ġodda u innovattivi li huma aktar meħtieġa u ta’ prijorita’ kulturali għall-pajjiżna.
Jista’ jkun li t-twaqqif ta’ banda nazzjonali tkun ikkunsidrata fil-futur.
Rabat, Baħrija, Mtaħleb u Dingli — Manutenzjoni fuq toroq
Question
Jista' l-Ministru jara li fid-dawl tal-maltemp li ħakem il-gżejjer tagħna jsiru l-manutenzjonijiet meħtieġa fit-toroq tar-Rabat Malta, Baħrija, Mtaħleb, Dingli u l-irħuwla tal-madwar, kif sar fl-inħawi u arterji oħra ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fuq toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilita tagħha biss skond ir-rizorsi finanzjarji allokati lilha. Tajjeb ngħidu li fl-aħħar xahar sar xi xogħol ta’ resurfacing fi Triq Tabija, Rabat u Triq Ħad Dingli, Rabat u Triq Rabat, Dingli.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istormwater master plan? Jista' jgħid jekk dan il-pjan hux ser jindirizza l-aspett tal-flood reliefu hux ser jipprovdi ammont sostanzjali ta’ storm water għal re-use fix-xhur tas-sajf meta l-aktar ikun meħtieġ?
X’inhu l-istorage capacity ppjanat tal-istorm water infrastructure? Meta ser jigi ppubblikat il-pjan nazzjonali dwar l-ilma? Kemm implimentajna s’issa mill-European Union Water Framework Directive?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kibret il-ħażna ta' l-ilma f'dawn l-aħħar snin kif wkoll il-produzzjoni tagħha? X'qed isir f'mod konkret biex dan l-ilma kollu ma jibqax imur il-baħar? X'miżuri ser ikollu jieħu l-Gvern fil-ġejjieni dwar dan ir-riżors importanti anke fir-rigward ta' dawk li huma utility rates?
B'referenza għall-kwestjoni tal-vetturi mingħajr numri tar-reġistrazzjoni li kienu Malta (undocumented vehicles), jista' l-Ministru jgħid għaliex wara kważi sena li għalqet din l-iskema, ħadd għadu ma ngħata numru tar-reġistrazzjoni biex ikun jista' juża vettura vverifikata bħala genuine classic?
Jista' jgħid għaliex minkejja li ħafna applikazzjonijiet kienu eżaminati mill-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki, u vverifikati bħala vetturi ġenwini, xorta waħda min-naħa ta' l-Awtorità dwar it-Trasport ma ħareġ xejn?
Jista' jispjega għaliex meta applikanti li ilhom żmien jistennew, jmorru jistaqsu lill-Awtorità dwar it-Trasport x'inhuma r-raġunijiet tad-dewmien kollu, r-risposta tkun li "weħlu l-files għand il-Ministeru tal-Finanzi" iżda meta dawn l-istess applikanti jistaqsu għand il-Ministeru tal-Finanzi, r-risposta dejjem tkun li l-files kienu pproċessati u qegħdin għand l-Awtorità dwar it-Trasport?
Jista' jagħti deadline raġonevoli biex din il-kwestjoni tkun riżolta, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-Awtorità dwar it-Trasport għandu f'idejh eluf ta' euros tan-nies, liema flejjes kienu tħallsu madwar sena ilu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Istallar ta' antenni u appart ta' telekomunikazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' permessi u DNOs fir-rigward istallar ta' antenni u apparat ieħor ta' telekomunikazzjoni kemm fiss kif ukoll ċellulari f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u kemm ġew iritirati?