Istitut għall-istudji Turistiċi — relazzjoniji u inizjattivi komuni mal-Università ta' Malta
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'relazzjonijiet jeżistu, inizjattivi komuni u kordinazzjoni bejn l-Università ta' Malta u l-Istitut għall-Istudji Turisitiċi? Xi pjanijiet komuni hemm għall-futur?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-relazzjonijiet bejn l-Institute of Tourism Studies (ITS) u l-Universita’ ta’ Malta jmorru lura għal 1993 meta bdew taħditiet biex jitwaqqaf degree programme fl-Istudji Turistiċi fl-Universita’ ta’ Malta. Il-pjan kien li studenti li jkunu ggradwaw mill-ITS bil-Higher Diploma in Hotel Management ikunu jistgħu jidħlu l-Universita’ fit-tielet sena tal-Management fejn ikunu jistgħu jkomplu speċjalizzazzjoni fl-Istudji Turistiċi. Dan kien l-ewwel eżempju konkret ta’ kif istituzzjoni vokazzjonali bħall-ITS u l-Universita’ jistgħu jikkollaboraw u jaħdmu flimkien biex jinħoloq tagħlim immirat għal settur partikolari.
Fil-fatt l-ewwel grupp ta’ studenti mill-ITS daħal l-Universita’ għad-
Degree B.Com Tourism Management
fl-1995. Il-kors fl-Universita’ (għal studenti li jiġu mill-ITS) huwa bbażat fuq skema ta’
top up
u huwa ta’ sentejn.
Sa mill-1995 kien hemm il-fuq minn 30 gradwat mill-ITS li komplew l-istudji tagħhom fl-Universita’ ta’ Malta.
Fis-sena 2002 twaqqaf id-
degree programme
sħiħ fit-Turiżmu u bħalissa studenti mill-ITS jidħlu fit-tielet sena tal-kors B.A (
Hons
)
Tourism Studies
.
Bħalissa għaddejjin taħditiet bejn id-Dipartiment tal-Istudji Turistiċi fil-Fakulta’ tal-Ekonomija,
Management
u
Accountancy
u l-ITS biex dawn iż-żewġ entitajiet ikomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom fuq il-programm ta’ taħriġ fit-turiżmu fil-livell ta’
undergraduate
, u jibdew jaħdmu flimkien fuq korsijiet
post-graduate
(MA),
certificate
(
post-graduate certificate
), u proġetti ta’ riċerka (dawn tal-aħħar qed jinħadmu ukoll flimkien mal-
Malta Hotels and Restaurants Association
u l-
Malta Tourism Authority
).
Barra minn hekk bħalissa studenti mill-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni qed jagħmlu studju flimkien ma’ l-istaff akkademiku u studenti ta’ l-ITS dwar ikel veġetarjan u dak
vegan
.
Qed isiru wkoll taħdidiet biex l-Universita ta’ Malta flimkien ma’ l-ITS ifasslu kors ta’ aġġornament lill-għalliema fl-ITS kif ukoll qed jitfasslu xi korsijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ Gastronomija u
Creative Tourism
li għandhom isiru bejn l-Universita ta’ Malta u l-ITS. Il-koperazzjoni futura bejn l-Universita ta’ Malta u l-ITS tkun diskussa f’laqgħat li jsiru bejn l-ogħla awtoritajiet taż-żewġ istituzzjonijiet minn żmien għal żmien.
Jista' l-Prim Ministru jagħti figuri ta' kemm għandhom salarji l-ħaddiema taċ-ċivil? Kemm għandu ħaddiema f'kull skala ta' salarju? Kemm għandu ħaddiema b'kuntratt u f'liema skala jaqgħu dawn il-ħaddiema meta tqabbel is-salarji tagħhom ma' dawk taċ-ċivil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5302.
Bord tal-Appell dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta' Kwalifiki
Question
Tista l-Ministru tgħid min kienu l-membri tat-tliet diviżjonijiet tal-Bord tal-Appell kif stipulat fl-Artiklu 8 tal-Avviż Legali 196 (2004) kull sena mill-2004 sal-2008? Kemm iltaqgħu u raw każi u kemm ħarġu statements kull sena?
Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn id-diviżjonijiet?
X'kien il-ħlas li ħadu l-membri tad-diviżjonijiet tal-Bord tal-Appell?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul is-snin 2004 sal-2008, il-membri tad-diviżjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki kif stipulat f’Regolament 8 tal-Avviż Legali 196 tal-2004 kienu:
Dr Jennifer Casingena Harper
Is-Sur Carmel Galea Scannura
Is-Sinjura Gemma Cachia
Is-Sur Leslie Agius
Is-Sinjura Nathalie Attard
Is-Sur Joseph Attard
Is-Sinjura Joyce Pullicino
Is-Sur Anthony Degiovanni
Skond l-Avviż Legali hawn fuq imsemmi, il-funzjoni ta’dawn id-diviżjonijiet hija dik li jittrattaw dwar appelli dwar għarfien ta’ diplomi għal edukazzjoni ogħla; ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ; u ta’ għarfien ta’ attivitajiet professjonali skond kif stipulat f’dan l-istess Avviż Legali.
Infurmata li ma kienx hemm każijiet li tressqu quddiem dawn id-diviżjonijiet matul dan il-perijodu u ma nħarġux statements.
Il-membri ta’ dawn id-diviżjonijiet tal-Bord tal-Appell ma rċevewx ħlas.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex fl-iskola sekondarja San Frangisk t’Assisi ġiet imnaqqsa skrivana li kienet imħarrġa f’xogħol tal-informatika meta fil-futur qarib din l-iskola se tniedi l-eLearning Platform u hekk din l-iskola mhux se jkollha l-istaff li għandha bżonn biex din l-inizjattiva tirnexxi? Tikkonferma li skond l-Attard Report, l-iskola hija ntitolata għal segretarju u żewġ skrivani part-time? Hemm xi ħsieb li jiġu segwiti r-rakkmandazzjonijiet ta' dan ir-rapport u 'l quddiem meta jiżdiedu l-funzjonijiet tal-eLearning Platform jekk u meta dan ikun il-każ, jigu riveduti n-numru ta' skrivani meħtieġa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-iskola sekondarja San Franġisk t’Assisi ġiet imnaqqsa skrivana minħabba li l-popolazzjoni ta’ l-istudenti f’dik l-iskola tammonta għal 452.
Skond il-formola applikata mid-Direttorat, skola b’din il-popolazzjoni ta’ studenti tirrikjedi staff klerikali magħmul minn Segretarju/a u żewġ p
art-time Clerks
. Fil-fatt f’din l-iskola hemm Segretarju u
Assistant Principal
u b’hekk ma hemmx lok li tiżdied
part-time Clerk
oħra. L-iskrivana li ġiet trasferita minn din l-iskola ġiet utilizzata fl-uffiċċju tal-Prinċipal tal-Kulleġġ li taħtu taqa’ l-iskola San Franġisk t’Assisi.
Meta tidħol l-
eLearning Platform
jista’ jkun li s-sitwazzjoni tiġi riveduta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jieħu il-ground tal-football ta’ Xgħajra Tornado Football Club? X’mistenni jiġi żviluppat minfloku?
Response (FENECH, TONIO)
It-Taqsima Proprjetà tal-Gvern m’għandha l-ebda talba biex jittieħed il- ground tal-football tax-Xgħajra Tornado Football Club biex minfloku jsir xi żvilupp. Madanakollu, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern għandha żewġ talbiet pendenti, waħda sabiex l-amministrazzjoni ta’ dan il-ground tal-football u l-faċilitajiet anċillarji tiegħu jgħaddu f’idejn il-Kunsill Malti għall-Isport skond id-dispożizzjoni tal-Att dwar l-Isports (Kap 455), kif ukoll, talba mill-Kunsill Lokali Xgħajra għad-devoluzzjoni ta’ biċċa art imdaqqsa li tinkludi wkoll dan il-football ground, sabiex fiha jsir żvilupp ta’żona rekreattiva u jsir xogħol ta’ tisbieħ fl-inħawi, liema proġett huwa kopert bil-permess tal-MEPA.
European Union Cohesion Fund u l-European Union Structural Funds — Pagamenti fuq proġetti u skemi
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-pagamenti li saru mill-2004 sal-lum fuq proġetti, skemi, eċċ f’Malta u f’Għawdex, kull gżira għaliha, taħt l-European Union Cohesion Fund 2004-2006 u l-European Union Structural Funds 2004-2006 u jgħid:
X’kien l-ammont ta’ kull pagament, maqsum f’fondi ta’ Malta u fondi tal-Unjoni Ewropea;
Lil min tħallsu u fejn hi r-residenza ta’ min irċieva l-pagament: Malta, Għawdex jew xi pajjiż barrani;
Kif kien maqsum kull pagament: xogħlijiet, servizzi, tagħmir, materjal, eċċ. li pprovda min irċieva l-pagament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-informazzjoni l-oħra li qed jitlob l-Interpellant rigward kif inhuma mqassma x-xogħolijiet, servizzi, tagħmir, material jew xi ħaġa oħra, hi umananent impossibbli għaliex trid tiġi minngħand kull Project Manager li kien qed jieħu ħsieb ix-xogħol.
Ghaldaqstant jekk l-Onor. Interpellant jeħtieg aktar informazzjoni specifika dwar xi progett jew għotja l-Ministru ma jsib l-ebda oġġezzjoni li jagħti tali informazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4630 u jagħti figuri ta' kemm għandhom salarji l-ħaddiema taċ-Ċivil? Kemm għandhu ħaddiema f'kull skala ta' salarju? Kemm għandu ħaddiema b'kuntratt u f'liema skala jaqgħu dawn il-ħaddiema meta tqabbel is-salarji tagħhom ma' dawk taċ-Ċivil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward is-salarji tal-ħaddiema taċ-Ċivil, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għall-Estimi Finanzjarji ppublikati mill-Gvern.
Rigward l-ammont ta’ ħaddiema fid-diversi skali u l-ħaddiema b’kuntratt, l-informazzjoni, tinsab fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Apparti dawn, hemm 552 ħaddiem imħallsin b’rati mhux komparabbli ma’ Skala.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa n-numru ta' applikazzjonijiet għat-twaqqigħ ta' bini li kienu jservu bħala lukandi, biex minnufih jinbena bini ieħor? Fejn jinstabu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma’ l-Awtorità ġew sottomessi għaxar (10) applikazzjonijiet għat-twaqqiegħ ta' bini li kien iservi bħala lukandi/kumplessi turistiċi biex minflok jinbena bini residenzjali jew kummerċjali.
Dawn l-applikazzjonijiet jinsabu f'dawn il-lokalitajiet: Rabat (Malta), San Pawl il-Baħar, Marsaskala, Sliema, Swieqi, San Ġiljan, Mellieħa u Għajnsielem.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3743, jista' l-Ministru jagħti risposta aktar fid-dettall wara li jara d-dokumenti li qed nibgħat separatament?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha bil-miktub.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-Gvern beħsiebu joħroġ it-tender għat-tmexxija tad-Dragonara Casino, partikolarment wara li din it-tender suppost li ħarġet f'Ottubru tas-sena l-oħra? Għalfejn qed ikun hemm dan id-dewmien fil-ħruġ tat-tender?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tender qed jiġi imħejji u jiġi ppublikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk infetħitx is-sejħa sabiex jintefgħu offerti għat-tmexxija tal-Casino? Jekk fin-negattiv, hemm il-ħsieb li jsir dan, u meta?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5537.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — każijiet fuq titoli tal-art
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif ser jiġu trattati dawk il-każi fejn persuni li għandhom titoli fuq art, jew bini tal-Gvern fil-kampanja li applikaw għal xi permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u li nħareġ, iżda d-Dipartiment tal-Artijiet jew ma kienx infurmat jew fejn għalkemm kien infurmat, ma kien hemm l-ebda reazzjoni min-naħa tiegħu għal dik l-applikazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-permessi għall-iżvilupp li jinħarġu mill-MEPA għandhom kundizzjoni li tgħid li l-applikant irid jikseb il-kunsens ta’ sid l-art qabel ma jinbeda x-xogħol. Meta l-art tkun proprjetà tal-Gvern, l-applikant għandu l-obbligu li jibgħat kopja tal-permess flimkien mall-pjanti approvati lid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjetà. Jekk l-art fejn ser isir l-iżvilupp tkun mikrija għand l-applikant, jiġi vverifikat jekk il-permess maħruġ mill-MEPA huwiex konformi mall-kundizzjonijiet tal-kirja li għandu, u jekk dan ikun il-każ, jinħareġ permess mid-Dipartiment tal-Artijiet li jkopri dan l-iżvilupp.
F’każ li l-permess maħruġ ma jkunx konformi mall-kundizzjoni tal-kirja tal-applikant, id-Dipartiment jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu. Madanakollu l-applikant xorta jista’ jitlob li l-permess li kiseb jiġi kkunsidrat skond id-disposizzjoni tal-Att dwar it-Trasferiment tal-Proprjeta’ (Kap268) u dan dejjem skond il-mertu tal-każ.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5396 u cioè : B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3743, jista' jagħti risposta aktar fid-dettall wara li jara d-dokumenti li qed nibgħat separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5396.
Delegazzjonijiet barra minn Malta — negozjanti li jakkumpanjaw lill-President ta' Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kif jiġu magħżula n-negozjanti li jakkumpanjaw lill- President ta' Malta bħala parti mid-delegazzjoni meta dan iżur nazzjonijiet barranin bħal, per eżempju, dik ta' l-Alġerija u l-Polonja? Jista' jsemmi liema kienu n-negozjanti li akkumpanjaw lill-President f'dawn iż-żewġ żjarat serparatament? Kien hemm min wera x-xewqa li jkun parti minn din id-delegazzjoni u ma ntgħażilx?
Response (BORG, TONIO)
Nagħmel referenza għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2110.
Is-sidien tan-negozji u kumpaniji li jakkumpanjaw lill-President ta' Malta bħala parti mid-delegazzjoni kummerċjali f'vizti barra minn Malta jagħmlu dan wara li jkunu esprimew ix-xewqa li jipparteċipaw. Dan wara li tkun dehret Sejħa ta' Interess (Expression of Interest) fil-ġurnali lokali kollha.
Ta' min jgħid li sa issa kull min wera interess li jkun parti minn dawn id-delegazzjonijiet kien aċċettat u għalhekk ma kienx hemm min ma ntagħżilx.
F'din il-leġiżlatura sa issa ġew organiżżati delegazzjonijiet kummerċjali għall-Ukrajna, Portugall u Polonja. In-numru ta' sidien ta' negozji u kumpaniji li qed jieħdu sehem qed jiżdied. Ta' min jgħid li f'delegazzjoni kummerċjali li marret il-Polonja f'Jannar 2009, kien hemm 63 persuna li akkumpanjaw lill-President ta' Malta f'din iż-żjara.
Jista' l-Ministru jgħid kif jikkompara dħul ta' taxxi fuq qliegħ kapitali Jannar 2008 ma' Jannar 2009? Qiegħed jara nuqqas mid-dħul ta' taxxi fuq qliegħ kapitali fl-2009 meta kkomparat ma' l-2007 u l-2008?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif jiġi allokat ix-xogħol tal-patching fit-toroq primarji u sekondarji? Jaħseb illi l-patching bil-cold asphalt huwa ħela ta' flus speċjalment f'ħofor imxarrbin meta dan jerġa' jinqala l-għada? Hemm studji ta' kif l-aħjar jintuża dan u jekk dawn ir-rakkmandazzjonijiet humiex jinżammu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-patching mill-ADT jiġi allokat fit-toroq arterjali u distributorji li jaqgħu fir-responsabbilta ta' l-ADT u skond il-projorita' u l-ħtieġa li tħoss l-ADT minn żmien għal żmien.
Għall-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għall-diversi mistoqsijiet supplimentari wara li kont irrispondejt il-mistoqsija ta' l-istess Onor. Interpellant, cioe' nru. 5089 waqt seduta nru. 76.
Wara diversi drabi ta' intenzjoni ta' ħlas, jista' l-Ministru jagħti data ċerta ta' meta se jsiru l-aħħar pagamenti lil dawk in-nies li kellhom bank account mal-Bank Bical?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi diversi proċeduri ġudizzjarji qed iwwasslu għal dewmien fit-tqassim lid-depożitanti ta’ l-aħħar għoxrin fil-mija tal-kapital u l-interessi dovuti fuq id-depożitu kollu.
Il-Kontrollur qiegħed jagħmel dak kollu possibli fil-poter tiegħu biex din il-kwistjoni tiġi finalizzata fl-aktar żmien qasir sabiex l-likwidazzjoni tal-kumpaniji titkompla sal-finali u issir distribuzzjoni ta’ dak kollu dovut fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies jirreġistraw għax-xogħol bejn Jannar u Diċembru tal-2008? Kemm min dawn sabu xogħol u kemm baqgħu ma sabux? Xi kwalifiki kellhom dawk li sabu xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bejn Jannar u Diċembru 2008 kien hemm dawn l-ammonti ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta’ kull xahar:-
Xhur
Persuni
Jannar 2008
6,463
Frar 2008
6,342
Marzu 2008
6,168
April 2008
6,086
Mejju 2008
6,018
Ġunju 2008
5,861
Lulju 2008
5,958
Awwissu 2008
6,121
Settembru 2008
6,096
Ottubru 2008
6,351
Novembru 2008
6,600
Diċembru 2008
6,373
Informat ukoll li kien hemm 13,629 persuna li b’xi mod jew ieħor missew mar-reġistru tal-qgħad (fuq l-ewwel jew it-tieni parti tar-reġistru). Minn dawn kien hemm 3,631 persuni li sabu xogħol, 6,279 persuni għadhom qed jirreġistraw għax-xogħol, filwaqt li 3,719 la qed jaħdmu u l-anqas qegħdin jirreġistraw għax-xogħol ma’ l-ETC.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-inizjattiva li saret dan l-aħħar biex jinġabru derelict vehicles u oġġetti oħra kbar tal-metall mill-kampanja u toroq, kemm-il sit ġie identifikat f'Għawdex? Kemm minn dawk is-siti tnaddfu s'issa? X'qed isir minn dan il-materjal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-eżerċizzju għadu għaddej u li s-siti identifikati mill-enforcement officers tal-MEPA s'issa (Tlieta, 17 ta’ Frar) jammontaw għal 294. Dan l-eżerċizzju qed isir b’kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali rispettivi. Il-materjal qed jittieħed f'żoni reġistrati għaż-żamma ta' dan it-tip ta' skart biex eventwalment jiġi esportat minn Malta.
Apparti minhekk, f’żoni u toroq pubbliċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Pulizija u l-Gwardjani Lokali, l-Pulizija rrapportaw li bejn Jannar u Diċembru ta’ l-2008, f’Għawdex ħarġet 44 ordni ta’ tneħħija ta’ vetturi, skont l-A.L.94/1997 kif emendat; li minnhom 43 ġew imneħħija mis-sidien tagħhom u waħda ġiet ittowjatha.
Fl-istess perjodu l-Pulizija f’Għawdex ħarġu 43 ordni ta’ tneħħija fuq opri tal-baħar u karrijiet li 37 minnhom tneħħew mis-sid u 6 ġew ittowjati mill-Pulizija. Fl-2009, inħarġu 18-il ordni ta’ tneħħija fuq vetturi li minnhom 15 ġew imneħħija minn sidhom u tlieta ġew irmunkati mill-Pulizija. Dawn jinsabu fil-yard tal-gvern fil-Kajselli, Xewkija.