Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #35596 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Parlament il-Ġdid — ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jindika kemm se jkun hemm persuni jaħdmu fil-bini tal-Parlament il-ġdid la darba dan jiġi inawgurat u jibda jintuża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għad m’hemmx deċiżjoni finali dwar l-ammont ta’ staff li se jkun assenjat fil-bini tal-Parlament il-ġdid.

Raħal Ġdid — Valletta Road - partijiet tat-triq li ċedew

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħaditx passi dwar il-fatt li Valletta Road f’Raħal Ġdid, spiċċat ċediet f’partijiet tagħha (quddiem il-ħabs) bir-riżultat li ftit xhur biss wara li tlestiet, diġà tinsab fi stat perikoluż għas-sewwieqa? Jekk ittieħdu passi, jista' jindika x’passi ttieħdu u jekk ma ttieħdu l-ebda passi, jista' jindika għalfejn dan in-nuqqas? Min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li hemm biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fi Triq il-Belt Valletta, f'Raħal Ġdid, kien jikkonsisti minn resurfacing u mhux kostruzzjoni mill-ġdid tal-imsemmija triq. Minkejja dan, Transport Malta xorta waħda qiegħda f'komunikazzjoni mal-kuntrattur li għamel dan ix-xogħol sabiex tistabilixxi kif seħħet il-ħsara u kif tista' tiġi rrimedjata. Minħabba dan, l-ispejjeż għadhom iridu jiġu deċiżi.

BWSC — informazzjoni dwar l-estensjoni tal-power station

Question

Jista l-Ministru jgħid x'riżultati nkisbu s'issa fit-testijiet tal-makkinarju fl-estensjoni tal-BWSC fil-power station ta' Delimara u minn mindu bdew isiru t-testijiet fl-estensjoni tal-power station f'Delimara kienx hemm ħsarat fl-exhaust cleaning filters? Kemm minnhom ġarrbu ħsarat? Għaliex seħħew dawn il-ħsarat? Għaliex iservu dawn id-dust filter bags fl-estensjoni ġdida tal-power station f'Delimara u minn mindu bdew it-testijiet fl-estensjoni l-ġdida tal-power station f'Delimara kemm makni qed jintużaw waqt it-testijiet? Kemm-il darba ġiet ittestjata makna waħda? Kemm-il darba gew ittestjati żewġ makni jahdmu f'salt? Kemm-il darba ġew ittestjati tliet makni jaħdmu f'salt? Kemm-il darba ġew ittestjati sitt makni jaħdmu f'salt u kemm-il darba ġew ittestjati tmien makni jaħdmu f'salt? X'kienu r-riżultati tat-testijiet differenti b'numru differenti ta' makni jaħdmu? Jista' jgħid it-testijiet li qed isiru bħalissa mill-BWSC fl-estensjoni l-ġdida f'Delimara f'liema power station oħra saru fuq l-istess makkinarju mill-BWSC u f'liema pajjiż u x'riżultati kellhom dawn it-testijiet? Fit-testijiet li qed isiru bħalissa mill-BWSC fuq l-estensjoni l-ġdida tal-power station f'Delimara kemm hemm Maltin li qed jiġu mħarġa biex jitgħallmu jaħdmu fuq il-makkinarju stallat mill-BWSC u mindu bdew it-testijiet kemm ingħataw taħriġ hands on, f'ammont ta' siegħat mill-BWSC? Ġie ffirmat il-ftehim ta' manutensjoni bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-BWSC? Għal kemm żmien u kemm jiswa sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej proċess rigoruż fuq il-magni fl-estensjonijiet tal-power station biex ikun żgurat li dawn jilħqu l-ogħla standards ta’ kwalità, inkluż fir-rigward tal-aspetti ambjentali. Il-magni fl-estensjoni tal-power station bdew jaħdmu mit-tnax ta’ Diċembru tas-sena l-oħra u ttestijiet li saru kienu jinkludu testijiet ħalli jiġu ċċekkjati trips mis-sistema tal-protezzjoni tal-magni fil-każ ta’ emerġenza, kif ukoll testijiet meta l-magni jkunu qed jaħdmu b’output differenti biex jiġi ċċekkjat li l-magni jaħdmu fil-limiti mekkaniċi u eletriċċi (temperatura, pressa, saħħa elettrika etc) tagħhom. Bħala dust filters, kien hemm 38 minn 2192 li nstabu bil-ħsara u ġew mibdula. Id-dust filter bags iservu kemm biex jitnaqqas sostanzjalment it-trab kif ukoll bħala parti mill-apparat biex jitnaqqas l-ossidu tal-kubrit mill-exhaust. Dan biex ikun assigurat li l-livell tal-emissjonijiet jibqgħu fil-limiti konsistenti mal-istandards u r-regolamenti Ewropej. L-informazzjoni mitluba fuq kemm-il darba ġew ittestjati żewġ magni, tliet magni, sitt magni, u kemm-il darba ġew ittestjati tmien makni f'salt ma’ tistax tittieħed direttament mill-impjant. Dettalji dwar dan qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-bidu tal-ittestjar, kull magna ħadment weħedha, iżda l-impjant ġie ppruvat b’numru differenti ta’ magni sa tmien magni f’salt. Bħalma ġie spjeggat qabel, dawn ġew it-testjati b’dan il-mod, biex jiġi it-testjat il-limiti kollha tal-magni. It-testijiet fuq il-magni, boilers u l-isteam turbine huma testijiet standard li jsiru kull fejn jiġu stallati magni diesel. Sistemi DeNOx tal-abatement wkoll ġew ittestjati f’pajjiżi oħra. Ir-rizultati s’issa jidhru tajbin u l-impjant wasal għad-demonstration test u wara għar- reliability test. L-Enemalta qed tassigura ruħha li l-impjegati tagħha jkunu mħarrġa bl-aħjar mod possibli. 11 il-persuna attendew korsijiet fuq l-impjant barra minn Malta, filwaqt li 44 persuna mill-operations section, 15 il-persuna mill-maintenance u management sections, u 12 il-persuna mill-Projects Section ġew imħarrġa mill-kuntrattur. Bħalissa qed jingħata hands on training lil 44 persuna mill-operations section li diġà bdew iħaddmu l-impjant.

Ħlas ta' konsulenti tal-Air Malta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34892, jista l-Ministru jgħid jekk il-konsulenti tal-Air Malta tħallsux mill-gvern u allura minn fondi pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni ma tistax tingħata għax hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

impjegati li ilhom ma jitħallsu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk waslux rapporti dwar kumpaniji li ilhom x-xhur ma jħallsu lill-impjegati tagħhom? Jekk fl-affermattiv, x'qed isir sabiex dawn il-ħaddiema jirkupraw dak li huwa dovut lilhom? Jista' jghid jekk jaħsibx li hi inġusta li impjegat li ilu ma jitħallas ix-xhur, ma' jistax jitlaq mill-impjieg u jieħu l-benefiċċji tad-diżimpjieg sakemm isib impjieg ieħor? Ma jaħsibx li hemm bżonn isir xi ħaġa b'mod immedjat għax huma ħafna l-ħaddiema f'din is-sitwazzjoni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli INterpellant li minn żmien għal żmien id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-ImpJieg jirċievi lmenti fejn allegatament ma jkunux tħallsu pagi dovuti lill-impjegati. Kull każ jiġi investigat mill-ispetturi tad-Dipartiment u jittieħdu l-passi neċessarji sabiex fejn jirrżulta li il-paga ma tkunx tħallset il-liġi tkun rispettata u l-ħaddiema jitħallsu l-ammonti dovuti lilhom. Wieħed jifhem id-diffikultajiet li azzjonijiet irresponsabbli u llegali minn naħa tal-employer jista’ jkollhom fuq impjegat u l-familja tiegħu. F’dan ir-rigward, meta jsir rapport lid-Dipartiment u jirriżulta li l-impjegati kellhom jitterminaw l-impieg tagħhom minħabba r-raġuni li jkunu għadhom ma tħallsux pagi dovuti, hemm arranġament amministrattiv fejn id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg jinforma lill-ETC bil-każ ħalli dawn l-impjegati jitpoġġew taħt l-ewwel parti tar-Registru u b’hekk ikunu jistgħu jirċievu l-benefiċċju tad-disimpieg. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni iktar preċiża, hu mitlub jgħaddi l-isem tal-kumpanija kkonċernata, anki b'mod kunfidenzjali, ħalli tkun tista’ ssir verifika jekk daħalx rapport fid-Dipartiment.

Bormla — Triq it-8 ta' Diċembru - traffic impact assesment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx traffic impact assesment fuq Triq it-8 ta' Diċembru Bormla? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jsir xi ħaġa sabiex jitneħħa l-periklu li jeżisti bħalissa f'din it-triq ?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li x-xogħol in kwistjoni qed isir bħala parti mill-proġett tas-swar u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Baċir Nru.1 — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratti marbuta max-xogħol marbut mal-Baċir Nru.1 u l-madwar ingħatawx? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu u lil min ingħataw? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn it-tenders?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Baċir Nru. 1 — kexxun

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-kexxun oriġinali tal-Baċir Nru. 1? Ma jaħsibx il-Ministru li dan il-kexxun għandu jkun f'post fejn jintrefa' u jkun parti mill-istorja marittima ta' pajjiżna?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16604.

Bormla — Triq San Franġisk - ħsara fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħsara li teżisti fi Triq San Franġisk Bormla, eżatt malli tispiċċa n-niżla int u dieħel lejn l-Isla, li minnha jgħaddi t-traffiku kollu għall-Cottonera u l-madwar, tiġi rranġata għax saret perikoluża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

talba għal flus mid-Dockyard

Question

Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni biex l-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jieħu xi flus li applika għalihom mid-Dockyard peress li ħaddieħor ħadhom u lilu ilhom żmien twil jgħidulu li wasal biex jeħodhom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.
Leg 11 PQ #35619 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ħaddiema li spiċċaw redundant

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie terminat għax spiċċaw redundant mill-1999 sa Diċembru tal-2011? Kemm minn dawn il-ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie terminat, spiċċaw redundant għax l-entità fejn kienu jaħdmu ġiet privatizzata? Kemm minnhom sabu xogħol fl-entità privata li twaqqfet minflok l-entità fejn kienu jaħdmu oriġinarjament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif għal Malta u Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie terminat għax spiċċaw redundant mill-1999 sa Diċembru 2011 kien ta’ 82,736 persuna, li 75,272 kienu Maltin filwaqt li 7,464 kienu Għawdxin. Skond l-informazzjoni li ghandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta’ ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie terminat u spiċċaw redundant għax l-entita fejn kienu jaħdmu ġiet privatizzata kien ta’ 6,756 persuna li 6,248 kienu Maltin filwaqt li 508 kienu Għawdxin. Minnhom 4,962 persuna (4,460 – Maltin, 502 Għawdxin) sabu xogħol fl-entita privata li twaqqfet minflok. L-1,794 persuna l-oħra sabu xogħol f’postijiet alternattivi.

Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex — breakdown tar-returns

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34509 u 35264 u cioè: B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34509 fejn bħala risposta rreferieni għall-mistoqsija parlamentari 34508 li jiena kont għamilt lill-Ministru għal Għawdex u li għal liema mistoqsija, il-Ministru ma tatx l-informazzjoni mitluba u allura ż-żewġ Ministri qed jitfgħu dubbji serji fuq it-trasparenza, serjetà u kontabilità tal-Gvern fl-infiq ta’ flus il-poplu, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns bi breakdown dettaljat tal-ispiża li saret fuq kull item tal-Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex li ntbagħtu lill-Budget Office fil-Ministeru tiegħu għal Diċembru 2010 u għal Diċembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija Għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 34509.

Servizzi ta' out-patient u in-patient

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti li għandhom ir-residenza tagħhom f’Għawdex irċevew servizzi ta’ out-patients u in-patients separatament kull sena mill-2002 sal-2011? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont in-numru ta’ drabi li ngħataw servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jsemmi l-isptarijiet li dwarhom qed tintalab din l-informazzjoni.

Bini ta' hanger għall-SR Teknik

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini tal-hanger għall-SR Teknik? Jekk tlesta dan, ġie mgħoddi lill-SR Teknik? Jekk iva, b'liema titolu ġie mgħoddi; dak ta' lokazzjoni jew b'emfitewsi? Jekk sar kuntratt simili ta' trasferiment, x'inhuma l-kundizzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-SR Technics Malta Limtied (SRT) qed tesplora l-potenzjal ta' espansjoni ġewwa Safi Aviation Park minn fejn din il-kumpannija diġa' qed tiġġestixxi l-operat tagħha. Dan minħabba l-infrastruttura avvanzata illi diġa' teżisti ġewwa dan il-park ta' l-avjazzjoni u anki minħabba titjib infrastrutturali ieħor illi ser jibda' jitwettaq fix-xhur li ġejjin. Għaldaqstant, l-iżvilupp tal-binja proġettata għall-espansjoni ta’ l-SR Technics Malta Limited għadu ma bediex. Il-kuntratt viġenti huwa wieħed ta’ lokazzjoni. Mhux prudenti illi jiġu żvelati t-termini u l-kundizzonijiet ta’ l-allokazzoni peress illi dawn huma meqjusa bħala kummerċjalment sensittivi għall-SRT u jista’ għalhekk ikun hemm impatt negattiv fuq l-operat ta’ l-SRT jekk din l-informazzjoni issir pubblika.

lista ta' fabbriki ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' fabbriki ġodda li nfetħu bejn 2008 u 2011? Kemm ħadmu nies f'dawk il-fabbriki l-ġodda? Kemm kien l-investiment investit minn kull fabbrika? Kemm kien l-estensjonijiet ta' fabbriki li saru bejn 2008 u 2011? Liema fabbriki kienu li effetwaw estensjonijiet? Kemm kien l-investiment f'kull fabbrika u kemm żdiedu ħaddiema f'kull fabbrika?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Kontribut ta' Malta għall-bailout jew self lill-Spanja

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm se jkun il-kontribut ta' Malta għall-bailout jew self lil Spanja? Kif se jimpatta dan il-kontribut fuq id-dejn ta' pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Spanja għadha ma applikatx għall-ebda programm t'għajnuna. Għaldaqstant, għadu ma ġie nnegozjat l-ebda programm u allura l-anqas m'hu magħruf id-daqs tal-programm. Fuq kollox, għadu mhux determinat jekk hux se jintuża l-EFSF jew inkella l-ESM f'każ ta' programm għas-settur bankarju fi Spanja. S'issa kulma hemm hija stqarrija tal-Grupp tal-Ministri taż-żona tal-ewro illi lest jikkonsidra faverovalment applikazzjoni għall-għajnuna minn Spanja. Minħabba s-sitwazzjoni kif deskritta hawn fuq, it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu mhux magħruf.
Leg 11 PQ #35656 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Organisation of Working Time Regulations għas-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-organisation of working time regulations humiex applikabbli għas-servizz pubbliku? Jekk le, jista' jgħid meta se jiddaħlu fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bħalissa qed jiġi kkunsidrat liema hu l-aħjar mod kif l-Organisation of Work Time Regulations jistgħu jkunu applikati fis-Servizz Pubbliku.
Leg 11 PQ #35657 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kariga ta' Diretturi u Diretturi Ġenerali fis-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti l-informazzjoni dwar kemm-il sejħa sabiex jimtlew karigi ta' diretturi u diretturi ġenerali ħarġu fis-servizz pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2012 ħarġu tliet sejħiet biex jimtlew il-karigi ta’ ħames pożizzjonijiet ta’ Direttur Ġenerali u wieħed u tletin pożizzjoni ta’ Direttur.

MCCAA — informazzjoni dwar iċ-chairman

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35489 u 35256 u jinforma lil din il-Kamra jekk hux minnu li ċ-chairman tal-MCCAA se jżur il-Gżejjer ta' Fiji fi żmien qrib? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x'inhu l-għan ta' din iż-żjara, kemm se tiswa lit-taxpayer u waqt li ċ-chairman ikun barra l-pajjiż, hemm xi ħadd li uffiċjalment għandu l-poter li jieħu deċiżjonijiet u jiffirma minfloku? Jista' jinforma lil din-Kamra kemm kienet is-somma globali li ċ-chairman tal-MCCAA rċieva bħala allowances tas-safar matul dawn l-aħħar erba' snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35256.

Hawker ticket seller

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35508 u jgħid jekk taħt id-dekasteru tiegħu jiġux regolati dawk li huma magħrufa bħala hawker ticket seller? Jekk fl-affermativ liema awtorità jew dipartimenti huwa responsabbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.