Awtorita' dwar it-Trasport — Ħlas lill-kuntratturi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 6124 u 6267 u jgħid għalfejn il-kuntratturi li jaħdmu għall-Awtorità dwar it-Trasport idumu żmien twil ma jitħallsu b'detriment għall-istess kuntratturi li jkollhom pagi u materjal xi jħallsu u interessi fuq l-overdrafts? Veru li ċ-Chief Executive Officer jiffirma ċ-ċekkijiet ta' ħlas lil dawn il-kuntratturi darba fix-xahar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif saru l-ħlasijiet dawn l-aħħar xahrejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega kif u għaliex pensjonanti li jkunu għamlu dikjarazzjoni eżatta u ġenwina meta applikaw għall-pensjoni, u li wara li jkunu ilhom jirċievu l-pensjoni kif maħduma, jgħaddu xi snin u jiġu mitluba mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali biex jagħtu lura ammont ta' flus, li allegatament ikun ġew mogħtija lilhom bħala żball meta tkun inħaditmitilhom ir-rata tal-pensjoni li jkunu intitolati għaliha?
Jidhirlu li żball li jkun ittieħed mid-dipartiment, għandu jbatih il-pensjonant li ma jkunx jaf li qiegħed jieħu iżjed milli suppost? Jidhirlu li li titlob mingħand pensjonant eluf ta' euros lura mingħandu, billi tnaqqaslu ammont regolari minn pagamenti tal-pensjoni sussegwentement jikkawża tbatija bla sens fuq tali pensjonanti? Jaħseb il-Ministru li jekk ikun żball li sar mid-Dipartiment m'għandux ibati l-pensjonant?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali tirkupra ħlas ta’ beneifiċċji li tħallsu żejda kemm jekk dawn ikunu żball tad-Diviżjoni kif ukoll jekk dawn ikunu żball minħabba xi tibdil ta’ ċirkustanzi li l-benefiċjarju ma jkunx għarraf lid-Diviżjoni bihom. L-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jipprovdi wkoll sabiex fejn il-ħlas żejjed iseħħ bħala riżultat ta’ żball minn naħa tad-Diviżjoni, l-ammont żejjed li jinġabar ma jmurx iżjed lura minn sentejn u jitnaqqas mill-benefiċċju b’rata ta 5%.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu attwalment in-numru totali ta' membri tal-Korp tal-Pulizija?
Kemm minn dawn huma assenjati f'doveri attivi fid-distretti? Kemm minn dawn huma assenjati fid-diversi sezzjonijiet u f'dipartimenti amministrattivi? L-informazzjoni mitluba għandha tirrifletti s-sitwazzjoni fl-aħħar ta' Frar 2009.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fl-aħħar ta' Frar ta' din is-sena in-numru totali ta' membri fil-Korp tal-Pulizija kien jammonta għal 1,870. Għar-rigward tal-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, ma nħossx li hi l-prassi li jiġi ppubblikat tagħrif daqshekk dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien fl-aħħar ta' Frar 2009 n-numru totali ta' immigranti illegali li jinsabu fic-ċentri ta' detenzjoni f'Malta? Kemm kien fl-aħħar ta' Frar 2009 n-numru totali ta' mmigranti illegali li jinsabu fl-open centres f'Malta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta' Frar ta' din is-sena, il-popolazzjoni ta' immigranti illegali ġewwa ċ-ċentri ta' detenzjoni u dawk miftuħa kienet ta' 2131 u 2124 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq ġo Hal Luqa li ser jingħataw resurfacing u tarmak, peress li tista' tgħid it-toroq kollha interni ġo Ħal Luqa huma mkissra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li waslu f'pajjiżna f'Jannar u Frar 2009? Kif kienu maqsuma dawn l-immigranti illegali bħala pajjiż, pajjiż? Matul l-istess perijodu ta' Jannar u Frar 2009 kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li ġew ripatrijati, u kif kienu maqsuma dawn pajjiż pajjiż?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:6709 Dhul ta Immigranti Jannar u Frar 2009.doc
Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont (breakdown) ta' kemm daħħal flus mill-multi tal-wardens fis-sena 2006, 2007? Jista' jagħti dan it-tagħrif ukoll għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-30 ta' Marzu 2008, bejn l-1 ta' April 2008 u l-31 ta' Diċembru 2008 u bejn l-1 ta' Jannar 2009 u t-28 ta' Frar 2009?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6283 u jgħid meta hu mistenni li tiġi asfaltata Naxxar Road, San Gwann minħabba l-ammont ta' ħofor li għad hemm fiha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol li qed jirreferi għalieħ l-Onor Interpellant isir meta jkunu allokati l-fondi meħtieġa lill-ADT u skond il-prijorita ffissata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi attwalment l-ispiża ta' kuljum li jġorr il-Gvern ta' Malta għal kull immigrant illegali li jinsab fiċ-ċentri tad-detenzjoni f'Malta? Din l-ispiża għal kull immigrant illegali ta' kuljum li jinsab fiċ-ċentri tad-detenzjoni, tvarja minn dik ta' kull immigrant li jinsab fl-open centres? Jekk tvarja, kemm hi l-ispiża ta' kuljum għal kull immigrant li jinsab fiċ-ċentri miftuħa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar petizzjoni ta' individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li bis-sentenza tal-Qorti Kriminali tal-Appell (Għawdex) tal-11 ta' Frar 2009 ngħata sentenza ta' sitt xhur priġunerija fuq kultivar ta' ħaxixa meta ċ-ċirkostanzi kollha kienu jimmilitaw li l-piena karċerarja ma kenitx waħda ġusta tant li l-istess Prim Imħallef li ddeċieda dan l-appell ħass fil-kuxjenza tiegħu li b'ittra jikkomunika lill-President ta' Malta biex l-akkużat jew jingħata maħfra jew li jservi l-inqas perijodu possibbli mill-istess piena karċerarja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret petizzjoni mill-individwu konċernata u din, peress li tirrigwarda reat b'konnessjoni ma' droga ġiet konsidrata mill-Kabinet skont il-proċedura kurrenti u ttieħdet deċiżjoni dwarha li ġiet komunikata lill-individwu konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4411, 4274 u 3777 u jgħid jekk għadux fil-ħsieb tal-Gvern li jwessa' Triq Ramija, s-Siġġiewi meta din inbniet aktar minn 30 sena ilu u sal-lum dan it-twessiegħ baqa' ma seħħx? Jista' jara li l-familja li l-proprjetà tagħhom tista' tkun milquta minn dan il-proġett tingħata risposta min-naħa tal-Awtorità dwar it-Trasport dwar jekk għadx hemm dan il-ħsieb jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għal-Pjan Lokali rilevanti. M'inhix infurmat li xi familja għamlet xi talba fis-sens li qiegħed jgħid l-Onor. Interpellant.
Kon-Katidral ta' San Ġwann — International Committee of Museums - fondazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6473 li saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imħejji mill-International Committee of Museums fuq il-proġett propost mill-fondazzjoni għall-Katidral ta' San Ġwann li jirrigwarda l-istess kon-katidral?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rapport li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa rapport ta’ NGO u għalhekk jidher li jkun aktar xieraq jekk l-Onorevoli Interpellant titlob kopja tiegħu lill-NGO li preparatu.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6548 u jgħid fiex wasal l-istormwater master plan? Jista' jgħid jekk dan il-pjan hux ser jindirizza l-aspett tal-flood relief u hux ser jipprovdi ammont sostanzjali ta’ storm water għal re-use fix-xhur tas-sajf meta l-aktar ikun meħtieġ?
X’inhu l-istorage capacity ppjanat tal-istorm water infrastructure? Meta ser jigi ppubblikat il-pjan nazzjonali dwar l-ilma? Kemm implimentajna s’issa mill-European Union Water Framework Directive?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6549 u jgħid kemm kibret il-ħażna ta' l-ilma f'dawn l-aħħar snin kif ukoll il-produzzjoni tagħha? X'qed isir f'mod konkret biex dan l-ilma kollu ma jibqax imur il-baħar? X'miżuri ser ikollu jieħu l-Gvern fil-ġejjieni dwar dan ir-riżors importanti anke fir-rigward ta' dawk li huma utility rates?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li rigward it-tieni parti tal-mistoqsija d-dipartiment tax-xogħlijiet qed jieħu tlett inizjattivi li huma:
· program ta’ tindif ta’ widien u tindif u tiswija ta’ ġibjuni
· tkomplija tal-proġett nazzjonali għall-kontrol ta’ l-għarar fejn bħalissa qed isiru l-
cost benefit analysis
u EIA biex fejn hu ekonomikament vijabbli l-ilma tax-xita jkun milquħ.
· ħruġ ta’ regolamenti ġodda (LN 236 ta’ 2008) li jistipulaw li kull bini ġdid irid ikollu bir u li l-ilma li jinġabar irid ikun użat għall-
flushing
tat-
toilets
u t-tisqija.
Ninforma l-Onor Membru li l-ewwel u t-tielet parti jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-
Water Services Corporation
u għalhekk nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6537 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dwar l-emissjonjiiet mill-power station ta' Delimara matul is-sena 2008 u fis-sena 2009 sal-lum, partikolarment dwar particulate matter li spiss nirreferu għalih bħala trab fin?
Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Statement of Defence tal-4 ta' Awissu 2008 li Malta bagħtet lill-Unjoni Ewropea bi tweġiba għall-infringement 2006/2407 li jikkonċerna d-direttiva 2001/80/KE tal-Unjoni Ewropea dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar ta' kombustjoni u dan b'rabta ma' l-operazzjoni ta' l-impjant ta' l-istim Fazi Nru 1 tal-power station ta' Delimara u tal-power station tal-Marsa?
Heritage Malta — Ħ'Attard- restawr fuq il-linja tal-ferrovija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Heritage Malta tistax tikkonsidra li tirrestawra l-enbankment u dak li għad fadal mil-linja tal-ferrovija fl-akkwati ta’ wara l-lukanda Corinthia Ħ’Attard? Jidhrilha li dan huwa parti mill-patrimonju Malti u li jeħtieġ li jiġi kkurat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-sit li qiegħda ssir referenza għalih mhux wieħed mis-siti li qed tieħu ħsieb Heritage Malta bħala operatur. Heritage Malta taqbel li dan is-sit jifforma parti integrali mill-patrimonju Malti u l-agenzija tikkonsidra li tagħti stima għax-xogħol meħtieġ lill-Kunsill Lokali jekk dan ikollu responsabbilta’ għal dan il-proġett.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-triq li minn Ħ’Attard tagħti għal Ta’ Qali tingħata wiċċ ġdid bħalma sar lil diversi toroq madwar Malta minħabba l-ħofor li fiha, kawża tax-xita li niżlet f’din il-xitwa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Frar sar xogħol ta’ patching bil-cold asphalt f’din it-triq sabiex tneħħew il-ħofor li kien hemm. Xogħol ta’ resurfacing isir skond ir-rizorsi u l-prijoritajiet meħtiġa.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet biex id-dilettanti tal-karnival ikunu jistgħu jiġu rilokati f'post alternattiv għal dak ta' Sant' Iermu fejn għadhom fil-preżent?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6424, jista’ l-Ministru jagħti lista bl-ismijiet tat-32
cruise liners
li jkunu jistgħu jużaw il-faċilità msemmija u jindika liema minnhom żaru lil Malta f’dawn l-aħħar snin? Jista’ jgħid kull wieħed minnhom meta l-aħħar li daħal Malta? Jista’jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-analiżi li għamlet l-Awtorità Marittima ta' Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.