Applikazzjonijiet għal xiri ta' appartamenti tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ għax-xiri mill-inkwilini fl-appartamenti tal-gvern, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, għaliex baqgħu ma ntlaqgħux dawn l-applikazzjonijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-iskema Sir Sid Darek hija temporanjament sospiża u qed tiġi riveduta fil-kuntest tat-tibdiliet li jridu isiru fl-iskemi kollha mħaddna mill-Awtorita’ ta’ Djar biex ikun żgurat li l-għajnuna tingħata lil min veru għandu bżonn.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5995, jista' l-Ministru jagħti lista tal-179 mediċinali li nstab li l-prezz f'pajjiżna kien ogħla mill-medja tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, bil-prezz f'pajjiżna u l-medja fl-Unjoni Ewropea f'kull każ? Liema kienu s-60 prodott li traħħsu u x'kien il-prezz qabel u wara?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-għassa ta' Wied il-Għajn tibda tinfetaħ regolarment biex taqdi l-ħteġijiet ta' numru kbir ta' residenti ta' din il-lokalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet meta l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lil l-pulizija li jkun għassa joħroġ 'l barra fuq xi doveri oħra, bil-konsegwenza li l-Għassa tingħalaq għal ħin temporanjament.
Wied il-Għajn — Programm għal Wara l-Ħin tal-Iskola
Question
Tista' l-Ministru tghid meta se jibda jitwettaq fl-Iskola Primarja ta' Wied il-Għajn, il-Programm għal Wara l-Ħin tal-Iskola fejn it-tfal ikunu jistgħu jagħmlu l-homework u jieħdu sehem attiv f'attivitajiet ta' crafts, drama, mużika u edukazzjoni fiżika?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ingħatat finanzi mill-Fond Ewropew Soċjali sabiex jinfetħu numru ta’ programmi f’xi skejjel għal wara l-ħin ta’ l-iskola. Bħalissa l-Fondazzjoni qiegħdha tevalwa l-postijiet fejn dawn iċ-ċentri jistgħu joperaw. S’issa m’hemmx indikazzjoni li Wied il-Għajn huwa wieħed minn dawn il-postijiet.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema skala jiġi impjegat bniedem meta jidħol mas-servizz pubbliku, jekk dan jiġi impjegat bħala book binder? Kif jitqabbel dan l-iscale mal-iscale ta' labourer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li:
(i) persuna tiġi ingaġġata fil-post ta’
Bookbinder
, fi Skala ta’ Salarju 16 wara sejħa għall-applikazzjonijiet, minn ġewwa s-Servizz Pubbliku; u
(ii) filwaqt li l-Iskala ta’ Salarju ta’
Bookbinder
hija dik ta’ Skala 16/15 (wara ħames (5) snin servizz sodisfaċenti) / 14 (wara ħames snin servizz sodisfaċenti fi skala 15), dik ta’ Labourer hija ta’ għoxrin (20).
Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu nies lokalità b'lokalità matul l-2008?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni li tinżamm hija ta' kemm ġew reġistrati mwiet u dan it-total fl-2008 kien ta' 3073. Is-sistema kompjuteriżżata kif inhi bħalissa ma tippermettix li din l-informazzjoni tinġabar lokalita', b' lokalita'.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6173, tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex obbligata tħares l-interess pubbliku meta l-Ministeru tagħha joħroġ sejħa għall-offerti b’valur ta’ eluf kbar ta’
euros
?
Tista’ tgħid x’fiha ta’ natura kummerċjali li tagħti l-valur ta’ offerta li kienet l-orħos, ġiet irtirata u l-kuntratt ingħata lil ħaddieħor? Taf il-Ministru li l-liġi tesiġi li dawn il-valuri jiġu ppubblikati? Kif assigurat li ma kienx hemm kollużjoni bejn l-orħos offerent u t-tieni l-orħos offerent?
Tista’ tgħid x’fiha ta’ natura kummerċjali li tgħid x’approvazzjoni ntalbu mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment?
Tista’ tgħid x’fiha ta’ natura kummerċjali li tgħid liema artiklu tal-Abbozz tal-Liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali jesiġi li r-Reġistru Pubbliku u r-Reġistru tal-Artijiet ikunu fiżikament magħquda f’lokal wieħed?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandix x'inżid mar-risposti li tajt għall-Mistoqosijiet Parlamentari numri 5602, 6009 u 6173
Għawdex -Marsalforn Waterfront u Xlendi Waterfront — disinni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx l-aġġudikazzjoni tas-sottomissjonijiet għall-kompetizzjoni tad-disinn tal-
Marsalforn Waterfront
u tax-
Xlendi Waterfront
? Jekk fl-affermattiv, tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-disinn rebbieħ f’kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-aġġudikazzjoni għall-kompetizzjonijiet tad-disinn tal-Marsalforn Waterfront u tax-Xlendi Waterfront saret u r-riżultat dalwaqt ser jiġi ppubblikat.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6066, 5525, 4778, 4244 u 3230 u jgħid jekk il-Gvern għadx għandu l-ħsieb li jinfetaħ casino f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x’sar s’issa fuq dan il-proġett? Jekk fin-negattiv, għaliex ġiet imwarrba din il-wegħda li l-Prim Ministru għamel kemm-il darba fil-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3230.
Dħul għall-Gvern minn servizz residenzjali finanzjat mill-istat
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 5692 u jgħid x’kien id-dħul tal-Gvern kull sena mill-1999 sal-lum minn Malta u Għawdex separatament: (i) taħt l-Artiklu 93 ta’ l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, mill-anzjani li jirċievu servizz residenzjali finanzjat mill-istat?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5768, filwaqt li napprezza l-kontenut tar-risposta kif mogħtija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi tkun il-pożizzjoni ta' dawk il-persuni li għandhom proprjetà tal-gvern jew imqabbla jew b'ċens validu mingħand il-Gvern, li javżaw lid-Dipartiment ta' l-Artijiet b'dak li jkunu se japplikaw għalih għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u d-dipartiment jibqa' ma jagħtix risposta lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
B'refernza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6067, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ġiet sottomessa applikazzjoni ġdida lill-Unjoni Ewropea għall-fondi għal dan il-proġett? Meta kienet saret l-applikazzjoni oriġinali? Jista’ jekk jogħġbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-applikazzjonijiet?
Stante li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament qed jistenna sentenza quddiem it-Tribunal Industrijali fl-ismijiet li qed jintbagħtu separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jintervjeni biex il-Visa temporanja tiegħu tiġi estiża għaż-żmien meħtieġ biex tinqata' s-sentenza u occorrendo jinqata' l-Appell?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4498 li jien kont tajtu dwar il-persuna konċernata, ninfurmah li sabiex jiġi mġedded il-permess eżistenti li din il-persuna għandha sabiex tkun tista' toqgħod f'Malta għar-raġunijiet msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari, hija mitluba immedjatament tagħmel l-applikazzjoni meħtieġa mad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6486, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm karozzi impurtati mill-Ingliterra ġew reġistrati mal-Awtorità dwar it-Trasport kull xahar, matul l-2008 u l-ewwel xahrejn ta’ din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6486 li oriġinarjament saret lill-Ministu għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzoni u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi li ġew impurtati mill-Ingliterra, kull xahar, sal-lum bejn Lulju 2008 u Jannar 2009?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kull meta qed isir risk assessment fir-rigward tax-xogħol li jsir mill-membri tal-Korp tal-Pulizija?
Jista' jgħid ukoll x'tip ta' informazzjoni qed tingħata lill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fir-rigward tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar l-Awtorita` għas-Saħħa u s-Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol (Kap 424 tal-Liġijiet ta' Malta), il-Korp tal-Pulizija huwa wieħed minn dawk l-entitajiet li huma eżentati mit-tħaddim ta’ din il-liġi. Madankollu, is-saħħa u s-sigurtà tal-membri tal-Korp għandhom jiġu żgurati sakemm dan ikun raġonevolment possibbli fil-kuntest ta’ l-iskop ġenerali ta’ dawk tas-servizzi li jipprovdu. Għalkemm ma hux rikjest bil-liġi il-Korp tal-Pulizija, ħaseb biex ikollu fi ħdanu uffiċjal li jieħu ħsieb u jirrakkomanda x’miżuri għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward. Infurmat ukoll illi f’Novembru li għadda, ingħata bidu għal eżerċizzju komprensiv fuq din il-materja fit-Taqsimiet kollha tal-Korp, liema eżerċizzju għadu fis-seħħ fil-preżent.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, infurmat illi l-Awtorita` għas-Saħħa u s-Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol tingħata l-informazzjoni li titlob fir-rigward tal-Korp tal-Pulizija..
dokument strateġiku dwar l-immaniġġjar tal-iskart solidu
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6570 u ċioè: Billi l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, bħal kull Ministeru ieħor, huwa ffinanzjat minn fondi pubbliċi, jista' l-Ministru jagħtina dan it-tagħrif marbut mal-abbozz tad-dokument strateġiku dwar l-immaniġġjar tal-iskart solidu:
a) Kemm ġew jiswew individwalment ir-rapporti kkummissjonati in konnessjoni ma' dan id-dokument
strategiku i.e. breakdown dettaljat?
b) L-ismijiet tal-persuni li għamlu dan ix-xogħol ta’ konsulenza fil-kompilazzjoni ta’ dawn ir-rapporti
c) Il-kompetenzi tekniċi tal-persuni konċernati involuti fir-rapporti individwali li jissemmew fid-dokument innifsu?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6569 u jgħid meta ser tiġi deċiża l-policy tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi dwar feed-in tariffs? Dawn se jkunu preferenzjali jew 1 : 1?
Hemm xi ħsieb li 'l quddiem titfassal feed-in tariff anke għall-intraprendituri barranin jew Maltin li jistgħu jitħajru jipproduċu enerġija alternattiva għas-suq lokali?