Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tneħħija tas-servizz ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħa s-servizz tal-ilma mir-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilhom xhur li applikaw sabiex dan jitneħħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma m’għandha l-ebda rikjesta biex jitneħħa dan is-servizz tal-ilma. Dan jista’ jitneħħa wara li ssir l-applikazzjoni meħtieġa ma’ l-ARMS Ltd minn sid is-servizz.

Għargħur — Triq il-Ġnien - culvert mikxuf

Question

Billi hemm culvert mikxufa fi Triq il-Ġnien il-Għargħur meta wieħed ikun sejjer lejn Busietta Gardens u billi minħabba d-djuq tagħha spiss ikun hemm il-periklu li xi karrozzi jispiċċaw fil-culvert innifisha, jista' l-Ministru jara li titwaħħal xi gradilja tal-ħadid biex jiġu evitati inċidenti simili peress li dan jiġri l-aktar meta jkunu ġejjini karrozzi minn naħa opposti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-materja hija responsabbiltà tal-kunsill lokali rispettiv u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #35555 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Bulebel — ħinijiet tax-xogħol ta' ħaddiema f'fabbrika

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi arranġement speċjali mal-Labour Office biex fabbrika partikulari f’Bulebel li timpjega għadd kbir ta' ħaddiema barranin li nifhem li qegħdin jaħdmu f’mod regolari f’pajjiżna, bl-awtorizazzjoni tad-dipartiment ikkonċernat, fejn dawn spiss jaħdmu mis-sebgħa ta' filgħodu sas-sebgħa u nofs ta' filgħaxija kuljum inklużi s-Sibtijiet u l-Ħdud u fejn dawn jingħataw jum wieħed biss off li minkejja t-talbiet tagħhom biex ikun il-Ħadd, ħafna drabi jispiċċa jkun is-Sibt, darba kull ħmistax? Huwa aċċettabbli li dawn spiss jiġu sfurzati wkoll jaħdmu overtime sad-disgħa u nofs ta' filgħaxija b’ €0.75 fis-siegħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Mistru kkonċernat.

art ta' mad-dawra tal-ground tal-football

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art mad-dawra tal-ground tal-football li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament humiex tal-gvern ċentrali, tal-kunsill lokali jew tas-settur privat?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-art mad-dawra tal-ground tal-football li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament, kif ukoll l-istess Ground tal-Football, kienu ġew dikjarata meħtieġa għal Skop Pubbliku permezz ta’ Dikjarazzjoni tal-President Nru 375 datata 7 ta’ Lulju 1985. Il- Ground tal-Football ġie trasferit lill-Kunsill Malti għall-Isport permezz ta’ Avviz Legali Nru 86/2010 datat 19 ta’ Frar 2010, filwaqt li l-art tal-madwar ġiet devoluta lill-Kunsill Lokali tal-lokal fejn jinsab dan il- football ground.

Impjant ta' Sant'Antnin

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 35160 dwar l-iżvilupp ta’ family park f’Wied il-Għajn, b’mod partikolari għall-kundizzjoni Nru 5 li tinsab f'paġna 4 tal-Planning Gain fejn jingħad li l-proġett kellu jitwettaq fi żmien ħames snin minn mindu ngħatat id-deċiżjoni tal-permess tal-applikazzjoni (“The family park shall be implemented within 5 years from the issue of this permit”) PA 04607/06 fit-30 ta’ Jannar 2007, jiġifieri jiskadi fit-30 ta’ Jannar 2012, ma jidhirlux il-Ministru li l-kelma “implement” li bl-Ingliż tfisser “carry into effect”, bil-Malti tfisser “twettaq” u “twettaq” għal xi ħaġa bħal dan il-każ, park tal-familja, ifisser ikun komplut? Ma jaħsibx li n-nuqqas li jitlesta l-proġett kif imwiegħed jista’ jwassal biex residenti ta’ din il-lokalità jiftħu kawża biex jieħdu dak li kien imwiegħed lilhom snin ilu?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Settur tat-tagħlim fil-qasam artistiku

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-viżjoni tal-gvern għas-settur tat-tagħlim fl-qasam artistiku cioè arti, mużika, drama, żfin eċċ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellenat li l-viżjoni tal-Gvern għas-settur tat-tagħlim fil-qasam artistiku cioè arti, mużika, drama, żfin hi spjegata fid-Dokument ta’ Politika Kulturali Nazzjonali li ġie ppubblikat s-sena l-oħra. Kapitlu 3 hu speċifikament fuq hekk. Barra minn hekk, aktar dettalji ser jitħabbru fl-Abbozz ta’ Strateġija għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li għandu jiġi ppubblikat dalwaqt.

MEPA — applikazzjonijiet pendenti fil-Qawra u San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, bejn Triq il-Kurazza, il-bus terminuts tal-Qawra u Triq it-Turisti, f'San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn l-applikazzjonijiet, meta ġew approvati? Jekk ġew, xi żvilupp hemm propost?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'hijiex f'pożizzjoni li tagħti nformazzjoni fuq applikazzjonijiet fiż-żona bejn il-bus terminus u Triq it-Turisti u għalhekk qed tagħti żewġ listi, waħda ta' applikazzjonijiet pendenti u oħra ta' applikazzjonijiet approvati fit-toroq ta' Triq it-Turisti u Triq il-Kurazza fil-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar. Din l-informazzjoni inġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijiet li għandhom fil-lokalità tal-iżvilupp propost waħda mill-kliem "Turisti" jew "Kurazza". Aktar informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Interview għall-midwife

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tintbagħat għall-interview għall-midwife tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet infurmata b’ittra reġistrata bid-data tal-intervista għall-post ta’ midwife.

Dar Residenzjali għall-persuni b'diżabilità f'Birżebbuġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq id-dar residenzjali għall-persuni b'diżabilità f'Birżebbuġa? Meta se tibda tintuża? Kemm persuni diżabli se jgħixu fiha? X'tip ta' diżabilità għandhom il-persuni li se jgħixu hemmhekk?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xoghol strutturali fuq id-dar ghall-persuni b’dizabilita’ gewwa Birzebbuga li tikkonsisti f’żewġ appartamenti u li mistenni takkomonda tfal d’diżabilita’ huwa lest. Huwa l-ħsieb li l-ewwel appartament jibda jilqa’ l-ewwel persuni f’Ottubru li ġej. Bhalissa qed jigi mghammar l-ewwel appartament u beda l-proċess għal reklutaġġ tal-ħaddiema. Huwa stmat li l-ewwel tfal b’diżabilità intelletwali jkunu qed jibbenefikaw minn dan is-servizz f’Ottubru 2012. In-numru ta’ tfal li jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz se jkun jiddependi fuq il- assessment tal-bzonnijiet tagħhom u jvarja bejn 3 u 6 it-tfal f’kull appartament.

Transport Malta — ħlasijiet ta' kontijiet b'lura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex ħlasijiet ta' kontijiet b'lura? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu l-ammont? Hemm xi timeframe meta l-kredituri se jitħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħal kull entita' kummerċjali, Transport Malta jkollha kemm kredituri kif ukoll debituri u l-ħlasijiet isiru fit-termini normali miftehma kummerċjalment. Ma jidhirlix li għandi npoġġi l-lista tal-kredituri jew tad-debituri fuq il-Mejda tal-Kamra għaliex din hi nformazzjoni kunfidenzjali.
Leg 11 PQ #35571 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Garaxxijiet f'Ħaż-Żebbuġ — għeluq ta' shaft

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija ma ordnatx lis-sid ta' għadd ta' garaxxijiet li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament sabiex jagħlaq ix-shaft perikoluz li hemm f'dan il-complex u diġà sewa l-ħajja ta' tifel ta' sentejn u għaxar xhur? Kif wara li diġà għaddeww erba' snin minn din it-traġedja, dan ix-shaft għadu miftuħ u espost għall-periklu u riskju ta' xi traġedja oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ilha li intimat skont il-ligi lis-sid tal-kumpless imsemmi mill-Onorevoli Interpellant sabiex ineħħi l-periklu u dwar dan anke’ hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll illi nell’ fratemp, kemm il-Pulizija kif ukoll il-kunsill lokali ħadu miżuri sabiex il-periklu jkun minimizzat kemm jista jkun, billi poġġew barrier u railing.

Anzjani li ma daħħlux fir-Residenza San Vinċenz de Paul — ħtieġa ta' kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-anzjani li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ma daħħlux fir-Residenza San Vinċens de Paul meta għandhom mard serju u kroniku u jeħtieġu kura kontinwa u peress li m'għandhom l-ebda familjari biex jieħdu ħsiebhom, kellhom jidħu f'residenza privata għall-anzjani, iżda li mhix nursing home u minħabba li ma jistgħux jingħataw is-servizz li jeħtieġu f'din ir-residenza, spiċċaw pratikament priġunieri fil-kamra li għandhom mikrija? Jista' jgħid f'liema post dawn iż-żewġ anzjani qegħdin fuq il-waiting list ta' Residenza San Vinċenz de Paul u għaldaqsant meta se jiddaħħlu bħala residenti? Jista' jgħid ukoll x'jiġri meta dawn l-anzjani jispiċċawlhom il-flus u għaldaqsant ma jkunux jistgħu jħallsu aktar is-somma ta' €1,500 bejniethom fix-xahar u dan apparti l-ispejjeż ta' għadd kbir ta' affarijiet u servizzi li jkollhom iħallsu għalihom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ż-żewg persuni li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant kienu ġew approvati mill-Bord tal-Ammissjoni biex jidħlu fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul. B’hekk l-applikazzjoni tagħhom tqiegħdet fil-lista ta’ stennija għal din ir-Residenza.

Applikazzjoni ta' Anzjana biex tidħol f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ilha seba' snin applikata biex tidħol f'dar tal-anzjani u li hija demeted u li saħansitra qed tkun anke aggressiva, sal-lum għadha ma ddaħletx u dan meta din l-anzjana ġiet irrikmandata li tidħol hemm minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Anzjani kif ukoll mit-tabib tagħha? Jista' jgħid għaliex? Jista' jgħid meta din l-anzjana se jmissha biex tidħol? Jista' jgħid f'liema post tinsab fil-waiting list? Jista' jgħid għaliex il-każ ta' din l-anzjana mhux jitqies b'urġenza minħabba l-għadd ta' ċirkostanzi serji tal-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li meta l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat, is-sitwazzjoni medika tagħha kienet waħda ta’ low priority. Il-każ tal-anzjana reġa ġie rivedut fis-17 ta’ Mejju 2012 u b’hekk qiegħda fil-lista ta’ stennija għad-dar ta’ Bormla.
Leg 11 PQ #35586 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — segretarji eżekuttivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-segretarji eżekuttivi u impjegati li kien hemm fil-Kunsilli Lokali ta’ Ħal-Lija, Ħal-Balzan, Ħ’Attard u Birkirkara mill-bidu ta’ dawn il-kunsilli sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35588 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — ejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtela post vojt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-proċeduri li għandu jsegwi kunsill lokali wara li joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimla’ post vojt u jsib li fost l-applikanti hemm min jiġi minn xi persuna li tkun diġà impjegata f’dak l-istess kunsill, u minn xi persuna li minħabba l-kariga tagħha f’dan il-kunsill normalment ikollha sehem fil-proċess ta’ għażla fost l-applikanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Artiklu 19 tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) kif ukoll għal Artiklu 29 tar-Regolamenti dwar ir-Riżorsi Umani tal-Kunsilli Lokali u li kopja tagħhom qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #35592 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Qorti t'Għawdex — miżuri ta' sigurtà

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ġibdet l-attenzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas ta’ miżuri ta’ sigurtà fil-Qorti t’Għawdex? Jekk saru tali lmenti, tista’ tagħti raġuni għalfejn dan qatt ma sar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żewġ Ministri msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari tkellmu dwar il-miżuri ta' sigurtà fil-bini tal-Qorti t'Għawdex bir-riżultat illi kien ġie deċiż li s-servizz ta' sigurtà jiġi offrut mill-Pulizija, u issa anke permezz ta' stallazzjoni ta' walk through u manual detectors utilizzati minn security guards.

Qorti t'Għawdex — metal detector

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta inxtara l-metal detector li issa qed jintuża fil-Qorti t’Għawdex? Jista' jgħid fejn intuża qabel ma ttieħed lejn il-Qorti t’Għawdex u kemm dam jintuża f’kull post li intuża? Jista' jgħid fil-perjodu eżatt qabel ma ttieħed lejn il-qorti t’Ghawdex fejn kien qed jintuża?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-metal detector li issa qed jintuża fil-Qorti t’Għawdex inxtara fi Frar 1995 u kien jintuża fl-entratura prinċipali tal-qorti fi triq ir-Repubblika. Baqa’ jintuża fl-istess post sa Lulju 2011. Minn Lulju 2011 sa ma ttieħed il-Qorti t’Għawdex ma kienx qed jintuża.
Leg 11 PQ #35594 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpanija Brażiljana — rilokazzjoni f'Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu l-pjani imħabbra minnu stess f’laqgha pubblika fit-8 ta’ Frar ta’ din is-sena, biex kumpanija Brażiljana tirriloka l-ħidma tagħha f’Malta? Jista' jagħti żmien meta se ssir din ir-rilokazzjoni? Jista' jgħid kemm tħaddem nies bħalissa din il-kumpanija? Jista' jgħid kemm se tkun qed tħaddem nies din il-kumpanija ġaladraba tirriloka f’pajjiżna? Jista' jgħid f’liema qasam topera din il-kumpanija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaddiema fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-Parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u Teatru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li fil-preżent huma impenjati fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u tat-teatru? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma ta' nazzjonalità barranija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 403 impenjati fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-parlament il-ġdid, bieb il-belt u tat-teatru.