Peress li fiċ-Ċirkewwa qed jingħataw ħafna ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali minħabba kontravenzjonijiet ta' sinjali, peress li f'dawk l-inħawi fejn ikun hemm ipparkjati l-vetturi, li ħafna minnhom ikunu ta' Għawdxin li ta' kuljum jiġu Malta għax-xogħol, mhemmx senjaletika, jista' l-Ministru jindirizza din il-problema u cioè billi ssir senjaletika adegwata u ċara kif wkoll jiġi provdut spazju għal parkeġġ adegwat għal dawn il-vetturi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita Marittima ser tistħarreġ l-ilment inkwistjoni billi tiddiskuti mall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sabiex jittieħdu l-miżuri meħtiega għall-benefiċċju tal-pubbliku.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kuntrattrui li tqabbdu jagħmlu xogħol ta' manutenzzjoni urġenti wara li kellna ġimgħat sħaħ ta' xita f'pajjiżna? Minbarra dan ix-xogħol hemm il-ħsieb li joħorġu tenders oħra speċifiċi biex ikun hemm programm kontinwu ta' manutenzjoni fit-toroq tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntratturi kienu; Bonnici Bros Ltd li ħa estensjoni fuq il-kuntratti li kellu ma l-ADT għal manutenzjoni fid-distretti tat-Tramuntana u l-Punent, Alfred Schembri & Sons Ltd li ħa estensjoni fuq il-kuntratt tan-Nofsinhar u Schembri Infrastructures Ltd li ħa estensjoni fuq il-kuntratt tal-Lvant.
Tenders oħra joħorgu skond ir-rizorsi finanzjarji u l-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid fejn suppost jiġu maħżuna ċ-ċilindri tal-gass meta jkunu fuq it-trakk? Huwa permess li dawn jinżammu f'postijiet li huma abitati min-nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-parkeġġ fit-triq ta’ vetturi li jġorru inqas minn 10,000 kilogramm f’ċilindri tal-gass. Infurmat ukoll li l-akbar vetturi li jġorru l-gass fil-gzejjer Maltin iġorru inqas minn 9,000 kilogramm. Rigward il-ħazna ta’ ċilindri tal-gass fuq trakkijiet f’postijiet li mhumiex toroq nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5404 u 5728 dwar Triq Merħba, Fgura u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xogħol ta' asfaltar fuqha jew le?
San Pawl il-Baħar — Limbordin - bini ta' substation
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li fl-inħawi ta' Limbordin (San Pawl il-Baħar) tinbena substation ġdida mill-Korporazzjoni Enemalta?
Meta hu mistenni li tinbena din is-substation u x'se jkun l-użu tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Enemalta għandha l-ħsieb li tibni substation fl-inħawi biex tirrinforza s-sistema tal-11kV. Ix-xogħol għadu fi stadju preliminarju.
Billi numru sostenzjali mill-cats eyes li kien hemm fit-triq bejn is-Salina u n-Naxxar u mis-Salina sa l-Iklin, fil-fatt jew inqalgħu jew m'għadhomx jidhru, u billi d-dawl f'din l-istess triq qatt ma ġie stallat, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex din it-triq issir iktar tajba għas-sewqan bil-lejl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.
Imġarr, Għajn Tuffieħa u Xemxija — features ta' sigurtà fit-toroq
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-toroq mill-Imġarr sa Għajn Tuffieħa u mix-Xemxija sa Għajn Tuffieħa, li fil-parti l-kbira tagħhom qatt ma kellhom dawl stallat fihom, jiżdiedu fihom dawn il-features ta' sigurtà li hemm bżonn biex jiġi assigurat li jonqsu l-perikli għas-sewwieqa b'mod partikolari matul il-lejl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.
Jista' l-Ministru jgħid x'terms of reference ngħataw min-naħa tal-Gvern lill-Perit Renzo Piano dwar il-proġett tad-daħla tal-Belt Valletta u t-Teatru Rjal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-Terms of Referencetal-proġett huma:
Landscaping ta' Landfront Ditch u Lascaris Ditch, biex jiġu mibdula f'ġonna.
Il-bini mill-ġdid tal-pont ta' Bieb il-Belt
Il-bini mill-ġdid ta' Bieb il-Belt
Proposti għal bini fis-sit tal-Opera House
Proposti għall-iżvilupp ta' Pjazza Ħelsien
Ħsibijiet u suġġeriment relatati maż-żona kollha.
Jista' l-Ministru jagħti data definittiva ta' meta se jsir il-proġett tal-footway bridge jew underpass fi Triq is-Sebħ, Ħal Qormi minħabba l-periklu li diversi residenti qed jgħaddu minnu kontinwament?
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jinbeda x-xogħol ta' rikostruzzjoni ta' Triq il-Marsa, fil-Marsa minħabba l-istat urġenti tagħha u kemm hija stmata l-ispiża għal din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq it-tiswija ta’ Triq il-Marsa fil-Marsa hu maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi se tkopri l-installazzjoni ta’ servizzi minn diversi entitajiet. Sussegwentament se jiġu rranġati xi livelli tat-triq u jingħata wiċċ lit-triq eżistenti minn ħdejn in-nizla ta’ Triq Valletta Luqa sat-tarf tat-Triq il-Marsa jiġiferi sat-Triq l-Iljun, Qormi. L-aħħar fazi se tkun il-kostruzzjoni ta’ traffic junction ġdida fit-tarf tan-niżla ta’ Triq Valletta, Luqa u t-tiswija tal-kumplament ta’ Triq il-Marsa sa Triq Aldo Moro.
L-istima tax-xogħol tat-tieni fazi hi ta’ madwar Euro 230,000, liema stima teskludi tqegħid ta’ servizzi, filwaqt li l-aħħar fazi hu stmat li se tiswa madwar Euro 250,000
Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel u t-tieni fazi se jibdew għall-aħħar tas-sena u l-aħħar fazi se ssir lejn il-bidu tas-sena d-dieħla dejjem jekk ikunu allokati l-fondi neċessarji.
Qasam tat-Tekonoloġija tal-informatika u komunikazzjoni
Question
Peress li sa ftit snin ilu, l-ambizzjoni tagħna fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u l-komunikazzjoni kienet li nkunu fost l-aħjar fil-Mediterran u peress li dan l-għan intlaħaq, jista' l-Ministru jgħid xi sfidi rridu nirbħu biex inkomplu nimxu 'l quddiem f'dan il-qasam?
Response (GATT, AUSTIN)
L-isfidi li għandu quddiemu pajjiżna fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni huma dawk li jidhru fl-istrateġija The Smart Island li nformazzjoni dwarha tista' tinkiseb mill-websajt tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni fl-indirizz http://www.mitc.gov.mt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba tnaddfu u nbidlu l-filters tal-air conditions tal-Isptar Mater Dei matul is-sena 2008? Jista jgħid jekk isirux spezzjonijiet biex jara li s-sistema tal-ajra kundizzjonata tkun waħda ta' livell u li ma tkunx qed tikkawża hija stess l-problemi mediċi?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebhom ilestu l-blokk ġdid li qed jinbena fir-residenza ta' San Vinċenz de Paule? Kemm se jesa residenti dan il-blokk? Permezz ta' dan il-blokk se jiżdiedu servizzi ġodda għall-istess residenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li x-xogħol fil-blokk miexi b'ritmu mgħaġġel u wasal fl-aħħar stadju. Huwa mistenni li jkun lest fil-futur qarib.
Informat ukoll li dan il-blokk li ser ikun fih tlett sulari ser jakkomoda 144 sodda, li minnhom ser ikun hemm 48 għal residenti li jbagħtu mid-Dimenzja. Biex inħaddmu dan il-blokk għandna bżonn 25 nurse u 50 carer.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa kuljum lill-istat pazjent diabetiku li jieħu it-tajjar, labra, insulina u alcohol pads b'xejn mill-ispiżerija tal-gvern? Hemm ħsieb li flok dan kollu jibdew jinxtraw il-pilloli moderni li hawn fis-suq li permezz tagħhom pażjenti jiffrankaw milli joqgħodu jittaqbu darbtejn, tliet darbiet kuljum?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-ispiża għat-trattament ta’ pazjenti dijabetici tvarja bejn €22.67 u €43.71 fix-xahar skond it-tip ta’ terapija preskritta lilhom. Id-dettalji jidhru fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Importanti li wieħed jinnota li pazjenti ma jingħatawx tajjar b’xejn peress li qed jingħataw ’alcohol pad’.
Informat ukoll li d-dijabete tista’ tiġi kontrollata b’diversi modi, fosthom bid-dieta u l-eżercizzju. Dawk li ma jirnexxilhomx jikkontrollaw il-livell taz-zokkor fid-demm b’dan il-mod jinghataw medicinali bħal pilloli u / jew injezzjonijiet tal-insulina. Is-servizz tas-saħħa tal-gvern diġa għandu fuq il-formularju tiegħu u jqassam diversi tipi ta’ injezzjonijiet u pilloli tad-dijabete b’xejn. Hemm ukoll numru ta’ talbiet għal pilloli ġodda li għad iridu jiġu kkunsidrati biex jidħlu fil-formularju. Ta’ min iżid li certu tipi u kazijiet ta’ dijabete ma jistgħux jiġu kontrollati bil-pilloli biss u jkunu jinħtieġu injezzjonijiet tal-insulina.
Jista' l-Ministru jgħid kif taħdem is-sistema ta' xiri tal-pilloli li jittieħdu b'xejn minn fuq il-kartuna s-safra u dik roża? Għaliex jgħaddu xhur u pilloli neċessarji jkunu out of stock? Min huwa responsabli ta' dan kollu?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-ewwel jiġi determinat mid-Dipartiment tal-Procurements jekk tali xiri iridx isir b’sejħa pubblika Dipartimentali permezz ta’ kwotazzjonijiet jew tender skond il-valur. Meta l-valur ikun aktar minn €47,000 is-sejha għall offerti trid issir permezz tad-dipartiment tal-Kuntratti. Hemm każijiet li minħabba il-valur, l-avviż tas-sejħa jrid jigi ppublikat fl-EU Journal. Wara li jidħlu l-offerti, issir l-aġġudikazzjoni biex eventwalment tintagħżel l-aktar offerta vantaġġjuża u li tkun konformi mal-ispecifications. Il-medicini jridu jkunu wkoll reġistratati mal-Awtorita tas-Saħħa sabiex jistgħu jiġu impurtati. Kull xiri ta’ medicini jrid isir skond il-legiżlazzjoni dwar il-finanzjament tax-xiri pubbliku.
Dwar il-kwistjoni ta’ l-out of stock nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6293.
Nisab informat ukoll li r-responsabilita' għal dan ix-xiri hija tad-Dipartiment tal-Procurements li jimxi skond il-lista ta’ medicini fil-formularju tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-full complement fil-Korp tal-Pulizija u kemm hemm bżonn Puliżija f'kull rank biex jintlaħaq dan? Meta sejrin jinfetħu sejħiet sabiex jimtlew l-postijiet battala jekk dawn jeżistu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-full complement tal-Korp tal-Pulizija huwa ta’ 2,040. Skont l-esiġenzi tal-Korp, fil-preżenti hemm postijiet vakanti fir-ranks ta' 16 il-Spettur, 2 Surġenti Maġġuri, 38 Surġent u 114 Kuntistabbli. Hemm il-ħsieb li aktar tard matul din is-sena toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ kuntistabbli.
Jista' l-Minstru jgħid kemm kien ikollu jħallas iktar il-Gvern kieku ma kienx hawn pilloli out of stock matul l-2008? X'kienet ir-raġuni prinċipali li kkawżat li jkun hawn pilloli out of stock matul l-2008? Din ir-raġuni kienet l-istess waħda li kkawżat pilloli out of stock matul is-snin 2007,2006,2005 eċċ.? Jekk iva, għaliex ma ssolvitx? Jekk le x'qed isir dwar dan?
Response (DALLI, JOHN)
Tajjeb li wieħed ikun jaf li l-Gvern jixtri, madwar għaxart elef medicina u tagħmir mediku differenti. Dan isir permezz ta’ sejħiet pubblici għall-offerti, li huwa process ongoing u jinvolvi mijiet kbar ta’ konsenji.
Meta pilloli jkunu
out of stock
għax il-kuntrattur jonqos li jissuplixxi fiż-żmien miftiehem, jinxtara stokk a spejjeż tiegħu u jeħel ukoll penali. Jekk pilloli jiġu
out of stock
għax tiżdied id-domanda minn kemm ikun ikkalkulat li ser iservi l-istokk attwali, ix-xiri jkun parti mill-ispiża normali tas-servizz tas-saħħa.
Ir-raġunijiet principali li xi prodotti jiġu
out of stock
huma:
a) Kuntratturi ma jilħqux iwasslu l-konsenji fiż-żmien miftiehem, bil-konsewgwenza li jiġu penalizzati kif stipulat fil-klawsoli tal-kuntratt;
b) Kuntratturi ma japplikawx biex jirreġistraw il-prodott/i f’Malta, bil-konsegwenza li wara l-process kollu sabiex tkun tista’ toħroġ is-sejħa għall-offerti ma jkunx hemm offerti eliġibbli. Dan ifisser li sabiex ikun jista’ jinqeda l-pazjent, il-Gvern ma jkollux triq oħra għajr li jinbdew proceduri oħra ġodda sabiex ikun jista’ jimporta direttament hu minn barra;
c) Metodi ġodda ta’ trattament permezz ta’ certu tip ta’ medicini flok oħrajn, li jwassal għal żieda sostanzjali fil-konsum.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gozo College joffrix is-support services kollha li huma offruti minn kulleġġi simili f'Malta, partikolarment fejn jidħlu servizzi ta' psikoloġija, dawk relatati ma' għajnuna lit-tfal li jbatu b'dyslexia u dawk tal-inclusive and special education?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-servizzi li hemm Malta jinsabu wkoll fil-Gozo College. Anzi l-Gozo College joffri servizzi oħra apparti dawk offruti Malta. Biżżejjed wieħed isemmi il-HW u Activity clubs ta' wara l-ħin fl-iskejjel Primarji kollha darbtejn fil-ġimgħa. Fil-Gozo Colllege jeżisti wkoll żewġ support groups li qed jaħdmu tajjeb ġafna: l-ADHA u d-Dyslexia support groups.
Issa għandna wkoll SpLD teacher għal Għawdex biss. U ġafna servizzi u attivitajiet oħra li jinsabu biss fil-Gozo College kif wieħed jista' jara jekk jikkonsulta il-Gozo College Diary.