Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Triq il-Port Ruman - xogħol fuq it-triq

Question

Billi Triq il-Port Ruman il-Qawra, San Pawl il-Baħar hi waħda mill-itwal toroq li hemm fl-inħawi li f'partijiet minnha għadha bla servizzi u bla wiċċ tat-tarmac, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex is-servizzi u x-xogħol nieqes li għad irid isir, fil-fatt isir kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mellieħa — estensjonijiet fil-ħinijiet tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex almenu fix-xhur tas-sajf ikun hemm estenzjonijiet fil-ħinijiet tat-trasport pubbliku minn u lejn il-Mellieħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

siġar tal-palm — bumunqar aħmar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif meħtieġ dwar in-numru ta' palm li kellu jinqata' minħabba l-bumunqar aħmar, lokalità b'lokalità? Kemm minn dawn is-siġar kienu tal-privat u kemm kienu f'postijiet pubbliċi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li n-numru ta’ palm li kellu jinqala minħabba l-bumunqar l-aħmar kien ta’ 310. Minn dawn, 121 palma nqalgħu minn postijiet pubbliċi filwaqt li 189 inqalgħu minn postijiet privati. Id-dokument li juri minn liema lokalitajiet inqalgħu il-palm, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bdiewa reġistrati part-time u full-time

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa reġistrati bħala part-time u full-time rispettivament sal-aħħar tal-2008 lokalità, b'lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar l-età tal-bdiewa reġistrati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija Nru 3624 fejn jien infurmat li l-informazzjoni mogħtija kienet għadha l-istess fl-aħħar tal-2008. Ma tinżammx informazzjoni klassifikata bl-age group.
Leg 11 PQ #7336 Sitting 97 2009-03-25 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet għal kmamar tan-nar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stadju waslu l-applikazzjonijiet għal kmamar tan-nar li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Pjanti impurtati

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra dwar kemm kienu impurtati (jew imdaħħla fis-suq Malti) pjanti minn barra minn Malta? Kemm kienu in-numru ta' siġar li daħlu Malta? Minn liema pajjiż ġew dawn il-pjanti/siġar? Tistà din l-informazzjoni tingħata għas-sena 2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li matul is-sena 2008 ġew impurtati f'Malta siġar u pjanti skond kif ġej: Mill-Ewropa Pjanti: 3322 Siġar : 1,289 Xitel ta’ pjanti u ħxejjex: 1,019,321 Il-pajjiżi minn fejn ġew kienu l-Italja, l-Awstrija, l-Olanda, u Spanja, Minn pajjizi Terzi: Pjanti tal-Akkwarju: 22,486 - minn Singapore, il-Malaysia, it-Tajlandja u l-Indja. Orkidi: 165 mit-Tajlandja

Abbozz tat-Tieni Komunikazzjoni Nazzjonali lill-konvenzjoni dwar it-tibdil tal-klima,

Question

Billi fil-15 ta' Lulju 2008 il-Ministru kien għarraf lill-Kamra li l-ewwel abbozz tat-Tieni Komunikazzjoni Nazzjonali lill-Konvenzjoni dwar it-Tibdil tal-Klima, UNFCCC kien ser jkun ippreżentat f'Jannar 2009, jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan sarx? Jekk le, meta mistenni jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ġejt infurmat mill-konsulenti li tqabbdu biex isawru r-rapport li l-proġett ġie pospost minħabba xi diffikultajiet li nqalgħu fosthom il-koordinazzjoni diffiċli bejn il-ħafna esperti li jridu jagħtu l-kontribut tagħhom. Hu maħsub li Tieni Komunikazzjoni Nazzjonali lill-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima, issa ser ikun ippreżentat għall-aħħar ta’ Ġunju 2009.

MCAST — Tisħiħ fl-oqsma akkademiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’tisħiħ għandu bżonn jagħmel l-MCAST u f’liema oqsma biex isaħħaħ l-oqsma akkademici tiegħu? Meta se jsir dan it-tisħiħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-MCAST iżomm taħdidiet kontinwi mal-istituti kollha sabiex il-programmi akkademiċi tiegħu jinżammu aġġornati u jkunu nkorporati fihom kull bidla meħtieġa sabiex il-korsijiet offruti jkunu aġġornati u ta’ valur għal min jagħżilhom. L-MCAST tivverifika wkoll l-istandard tal-programmi tiegħu fuq bażi regolari kemm internament kif ukoll esternament permezz tar-rapporti li jagħmlu l-external verifiers ta’ bordijiet akkreditati li jżuru kull istitut madwar darbtejn f’sena. Sa issa dawn ir-rapporti dejjem urew li l-programmi ta’ l-MCAST qed jilħqu l-livelli meħtieġa fuq livell internazzjonali. Minkejja dan, l-MCAST għaddej minn proċess li jagħmel il-programmi tiegħu standard fuq il-firxa sħiħa tal-istituti kollha sabiex tkompli tissaħħaħ il-kwalita’ ta’ madwar 120 programm li qed jjipprovdi.

MCAST — Basic Skills Unit/Student Support Services

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’riżorsi ġodda għandhom bżonn il-Basic Skills Unit u l-Istudent Support Services tal-MCAST biex ikunu jistgħu jilħqu izjed studenti b’mod effettiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-Taqsima tal-Għajnuna fit-Tagħlim (Learning Support Unit) li tinsab fil-librerija ewlenija tal-MCAST, Kordin, hija mgħammra b’ġabra ta’ riżorsi xierqa u aġġornati, ngħidu aħna, kotba, rivisti, materjal awdjo-viżiv, software tal-kompjuter, kartolini, kartelluni u l-bqija. Minbarra dawn ir-riżorsi, l-għalliema tal-LSU joħolqu huma stess bosta materjal ieħor biex jindirizzaw il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti tagħhom. Biex l-LSU tissokta tagħti servizz tal-ogħla kwalita’, kull sena l-MCAST jixtri għadd ta’ kotba, materjal awdjo-viżiv u software elettroniku. Il-kulleġġ qed jinvesti wkoll f’sistema aħjar ta’ kompjuters u aċċess għall- internet fiċ-ċentru li l-LSU għandu fil-librerija ta’ Kordin, biex fit-tagħlim tagħhom, l-għalliema jkunu jistgħu jinqdew aħjar bir-riżorsi elettroniċi diġa’ eżistenti.

MCAST — Studenti b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'riżorsi ġodda hemm bżonn li jkollu l-MCAST biex ikun jista’ jissodisfa t-talba dejjem tiżdied biex jilqa’ ġo fih iżjed studenti b’dizabilità? Bħalissa f'liema korsijiet qed jattendu persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-MCAST qed iħejji l-Master Plan b’mod u manjiera li l-ħtiġijiet kollha ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali jkollhom aċċess għal kull post skond l-esiġenzi tagħhom. Barra minn hekk, sakemm ikun implimentat dan il-pjan, l-MCAST qiegħed kontinwament jissorvelja u jimplimenta dawk il-passi meħtieġa sabiex dawk l-istudenti b’diżabilita’ jkollhom kundizzjonijiet adattati għall-bżonnijiet tagħhom fil-programmi magħżula minnhom. Bħalissa persuni b’diżabilita’ qed jattendu f’dawn il-korsijiet: Foundation in Care, Foundation in Hairdressing, Foundation in Construction & Engineering Skills, Foundation in Trowel Trades, Foundation in Art and Design, Foundation in Electrical/Electronics Engineering, Foundation in Computing, Foundation in Business, Foundation in Agrigulture, Foundation in Mechanical Engineering, First Diploma for IT Practitioners, First Diploma in Care, First Diploma in Art and Design, Diploma in Foundation Studies in Art and Design, Intermediate Certificate in Business, Part-66 Aircraft Maintenance, National Diploma in Child Care, National Diploma in Computing, Diploma in Dental Surgery Assistants.

Edexcel Hardship fund

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta twaqqaf l-Edexcel Hardship Fund u mindu twaqqaf kemm ibbenefikaw studenti minnu u b’liema mod?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Edexcel Hardship Fund twaqqaf fis-sena 2005 u b’kollox ibbenefikaw 84 student. Uħud minn dawn ġew eżentati mill-ħlas kollu ta’ reġistrazzjoni filwaqt li oħrajn ġew eżentati parti minn dan il-ħlas.

MCAST — Servizzi ta' guidance and counselling

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhuma s-servizzi ta’ guidance u counselling li qed jipprovdi lill-istudenti tiegħu l-MCAST bħalissa u kif jara li għandu bżonn isaħħaħ dawn is-servizzi biex ikunu iżjed effettivi mal-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-servizz ta’ Career Guidance u Counselling ta’ l-MCAST jitqassam fi tlieta:- Career Guidance, Counselling u Xogħol fi Gruppi. Guidance Dan is-servizz hu offrut kemm għal studenti tal-Kulleġġ kif ukoll għal dawk prospettivi permezz ta’: · Appuntament ma’ wieħed/waħda mill-uffiċċjali inkarigati minn dan il-qasam · Taħdidiet fl-iskejjel sekondarji ma’ studenti tal-ħames klassi · Parteċipazzjoni f’diversi attivitajiet marbuta ma’ karrieri · Laqgħat informali li jsiru qrib iż-żmien ta’ l-applikazzjoni · Sessjonijiet individwali ma’ l-istudenti, xi drabi akkumpanjati mill-ġenituri Counselling Permezz tal- Counselling , l-istudenti jifhmu aħjar is-sitwazzjoni tagħhom u jaħdmu sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-għanjiet tagħhom. Dan isir permezz ta’ sessjonijiet individwali mal- Counsellors fejn l-istudenti stess ikunu jistgħu jagħmlu appuntament filwaqt li drabi oħra l-istudenti jiġu riferuti għal dan is-servizz. Il- Counsellors jaħdmu id f’id ma’ aġenziji oħra għall-benefiċċju ta’ l-istudenti. Gruppi Attivitajiet kemm formali bħal seminars kif ukoll informali jiġu organizzati b’temi bħal: Imġiba Sesswali, Addictions , Gambling , Self-Esteem , Leadership , Valuri, Eżamijiet u Stress , Student 2 Student u Enrichment Groups dwar Relazzjonijiet, Abbuż sesswali, ADHD, ADD u diffikultajiet oħra fit-tagħlim. Il-Kulleġġ qiegħed fi proċess dwar tisħiħ ta’ dawn is-servizzi. Dan se jsir permezz ta’ evalwazzjoni ta’ l-istess servizzi għal aktar iffukar u attenzjoni; aktar programmi ta’ Career Guidance partikolarment lil studenti li jkunu waslu biex ilestu l-kors ta’ l-istudji tagħhom u bi proviżjoni ta’ aktar programmi speċjalizzati għal ħtiġijiet partikolari ta’ l-istudent.

MCAST — Memorandum of Understanding

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta gie ffirmat il-Memorandum of Understanding mas-Segretarjat for Small Business and Self Employed? Xi nkiseb s’issa permezz ta’ dan il-memorandum u x’inhuma maħsuba li jkunu l-attivitajiet tal-MCAST f’dan il-qasam matul is-sena akkademika kurrenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Memorandum of Understanding mas-Secretariat for Small Business and Self-Employed ġie ffirmat fid-19 ta’ Lulju 2005. Kienu diversi l-attivitajiet ewlenin li fihom ipparteċipaw l-istudenti fejn kienu mistiedna rappreżentanti tas-Secretariat for Small Business and Self-Employed biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ l-istudenti tal-MCAST. Is-Segretarju Parlamentari ta’ dak iż-żmien għadda ħafna materjal edukattiv li tqassam lill-istudenti. Fost dan, materjal fuq Start-Ups, Don’t just start a Business, start a successful one u Entrepreneurship Manual. Ingħataw ukoll bosta lectures minn membri tas-segretarjat kif ukoll talks f’diversi attivitajiet extra-kurrikulari. Għal li ġej, l-MCAST beħsiebu jkompli jibni fuq is-suċċess ta’ l-imgħoddi u jżid ativitajiet bħal dawk ta’ open weekends fejn il-pubbliku, minbarra li jżur il-faċilitajiet ġewwa l-MCAST, jkollu wkoll il-possibilta’ li jżur azjendi kbar kif ukoll żgħar u oħrajn fl-Incubation Centre. B’hekk wieħed ikun jista’ jifhem aħjar x’opportunitajiet verji jista’ joffri t-tagħlim ġewwa l-MCAST u jħajjar aktar studenti biex jiftħu għal rashom.
Leg 11 PQ #6218 Sitting 96 2009-03-24 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Commuted Parking Payment Scheme

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid: a) Liema huma dawk il-lokalitajiet li għalihom l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tapplika il- Commuted Parking Payment Scheme (CPPS)? b) Kemm inġabru flus mill-awtorità taħt din l-iskema minn meta bdiet titħaddem? ċ) Kif dawn il-fondi miġbura b'din l-iskema, ġew użati mill-awtorità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawk il-lokalitajiet li għalihom l-Awtoritàa ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tapplika il-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS) huma: San Ġiljan Tas-Sliema Il-Belt Valletta Il-Furjana Il-Ħamrun Il-Mosta Ir-Rabat, Għawdex Birkirkara San Pawl il-Baħar Raħal Ġdid San Ġwann Il-flus li nġabru mill-Awtorità taħt din l-iskema minn meta bdiet titħaddem sal-31 ta' Diċembru 2008 jammontaw għal €10,657,430. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-flus li nġabru mill-Awtorità taħt din l-iskema u kif dawn il-fond ġew użati fl-iskema rispettiva.

Titjib fl-Ipproċessar u l-Marketing tal-Prodotti Agrikoli — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta' proġetti f'Għawdex li ngħataw għajnuna taħt il-miżura Titjib fl-Ipproċessar u l-Marketing tal-Prodotti Agrikoli tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid min kienu dawn il-kumpanniji u l-ammont ta' għajnuna li ħadu kull wieħed matul l-aħħar erba' snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba hija skond kif ġej: Kumpanija Għajnuna L-ewwel sejħa (2004) Cottage Products Ltd (Olive/Lemon Press) €93,115.78 Magro Brothers Ltd. (Tomato Processor) €116,468.67 It-tieni sejħa (2005) FarmFresh Ltd – (Cheeslets) €116,468.67 Gozitano – (Potatoes) €70,680.17 Magro Brothers Ltd (Tomato Processor) €116,468.67 Cottage Products Ltd.– (Jam) €37,284.81 Spiteri Enterprises Ltd. – (Wine) €116,468.67 It-tielet sejħa (2008) Magro Brothers Ltd.- (Tomato Processor) €125,000 Ta’ Mena Agri Ltd. – (Wine) €125,000

Programm ta' Fondi Strutturali — bdiewa u raħħala li bbenefikaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa u raħħala Għawdxin li bbenefikaw mill-Programm ta' Fondi Strutturali taħt il-miżura għal Investiment fi Strutturi Agrikoli f'dawn l-aħħar tliet snin? Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawn il-bdiewa u raħħala u l-ammont ta' għajnuna li ħadu kull wieħed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #6626 Sitting 96 2009-03-24 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — Għawdex bħala destinazzjoni distinta turistika

Question

Peress li huwa rikonnoxut li Għawdex huwa destinazzjoni distinta u għaldaqstant dan it-twemmin irid ikun imsaħħaħ bi strutturi maħsuba li jippromowovu u jippromwovu u jpoġġu lil Għawdex bħala gżira u destinazzjoni differenti, fuq il-merti u l-karatteristiċi uniċi tagħha, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta biex jintlaħaq dan il-għan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-MTA għandha Gozo Unit li jopera bl-għan ewlieni li jippromwovi ’l Għawdex. Dan il-Unit għandu budget għalih u jikkordina l-interessi t’Għawdex kemm mas-Segment Teams kif ukoll man-network ta’ uffiċini li jinsabu barra minn Malta. Il-Unit iniedi kampanji speċjalizzati ta’ pubbliċità għal Għawdex, jattira u jospita press visits dedikati għal Għawdex, jagħti għajniuna lill-operaturi ġodda biex jibdew jibagħtu t-turisti lejn Għawdex, jipparteċipa f’fieri internazzjonali f’isem Għawdex, kif ukoll iniedi inizjattivi sabiex jinbena database elettroniku ta’ klijenti prospettivi li jistgħu jiġu milħuqa permezz ta’ materjal promozzjonali elettroniku. Il-Unit jaħdem ukoll mal-istakeholders kollha fl-industrija turistika Għawdxija permezz ta’ kuntatti kontinwi mal-Gozo Tourism Association, kif ukoll jassisti f’inizjattivi mmirati sabiex ikattru t-turiżmu domestiku lejn il-Gżira Għawdxija.

Gozo Discovery Bus

Question

Peress li skont survey ibbazat fuq l-opinjoni ta' dawk li għamlu użu mill-Gozo Discovery Bus is-sena l-oħra jirriżulta li l-proġett kien suċċess? Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena hux se jerġa' jiġi introdott dan is-servizz? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għamlu użu minn dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-Gozo Discovery Bus kien proġett tal-Foundation for International Studies tal-Universita' ta' Malta. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Flus lil kuntratturi u agent ital-pinnoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu jagħti l-gvern fi flus lil kuntratturi u agenti li jforni lill-gvern f’pinnoli u apparat mediku? Jista’ jgħid meta beħsiebu jaqta’ dan id-dejn? Hemm xi pjanijiet biex għal futur ma nerġgħux nispiċċaw f’din iċ-ċirkustanza?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Gvern fl-aħħar ta’ Frar 2009 kellu jagħti l-ammont ta’ Euro 29,092,375 lill-fornituri Maltin u Barranin għall-mediċini u surgical devices. Minn dan l-ammont, inqas minn Euro 3 miljun kienu dovuti għall-150 ġurnata jew aktar u qegħdin jitħallsu f’Marzu 2009. Il-kuntratti tas-supply ta’ mediċini u surgical devices jispeċifikaw li l-valur tal-fattura trid titħallas sa’ 150 ġurnata minn meta s-supply tiġi aċċettata mid-Dipartiment tas-Saħħa. Għaldaqstant, l-ammont dovut jitħallas meta jkun il-waqt li għandu jitħallas. Informat ukoll li l-pjanijiet preżenti jinkludu li l-ordinijiet għall-mediċini u surgical devices isiru aktar viċin meta huma meħtieġa billi l-kuntratti kollha jesiġu delivery period iqsar u għalhekk jitnaqqas iż-żmien ta’ stockholding fl-iStores ewlieni tad-Dipartiment tas-Saħħa.

Stokk ta’ basktijiet tal-plastic

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex sejjer jħalli lil dawk is-sidien tal-ħwienet li għandhom stokk ta’ basktijiet tal-plastic sabiex jagħmlu użu minnhom matul is-sena 2009 kollha? Jekk persuna għandha maħżen basktijiet tal-plastic għal sena, dan jista’ jibqa’ juża dawn il-basktijiet jew se jkunu marbutin bl-użu ta’ dawn il-basktijiet sa xi data? X’jiġri mill-basktijiet żejda li jkun fadallu fl-istokk tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li kif digà ħabbart fil-pubbliku, mill-1 ta’ Mejju li ġej, il-basktijiet tal-plastik li se jinbiegħu irid ikollhom fuqhom il-marka ta’ kontroll skond il-ligi ta’ l-eko-kontribuzzjoni, rrispettivament mill-fatt jekk il-basket li qed jinbiegħ kienx stokk qadim jew le. Min jifdallu basktijiet mhux użati li ma jkunx jista’ jużahom se jkun jista jitlob rifużjoni ta’ l-eko-kontribuzzjoni li jkun ħallas fuqhom. Din it-talba għandha ssir sal-15 ta’ Mejju 2009. Sadanittant, il-GRTU, li kontinwament qed nikkonsultaw magħha fuq dan is-suġġett, qed tagħmel stħarriġ ħalli tara x’implikazzjonijiet ser iħallu dawn il-miżuri fuq il-bejjiegħa li l-iktar ser jintlaqtu u x’rimedji oħra jkun hemm forsi jittieħdu biex jittaffa l-effett tagħhom.