Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tarbija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li l-ġenituri tagħha applikaw għaċ-ċittadinanza, s'issa għadhom bla risposta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda tiġi pproċessata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol tal-asfaltar ta' Sliema Road, Kappara tħalla nofs leħja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-triq taqa' taħt ir-responsilita' tal-Kunsill Lokali. Pero' minħabba li qed tintuża bħala arterja mportanti għall-isptar Mater Dei, l-ADT iddeċidiet li toħroġ parti mill-ispiża fi ftehim mal-Kunsill Lokali u ssir l-aktar parti tat-triq li kienet fl-agħar sitwazzjoni u kien jikkonsisti fi tqaxxir tal-wiċċ eżistenti u l-għoti ta' żewġ layers ta' Asphalt. Peress li il-Kunsill Lokali baqa' ma għamilx ix-xogħol fuq il-kumplament tat-triq, il-Gvern għadu kif approva fondi biex l-ADT tkun tista' tkompli din it-triq.
Peress li r-residenti ta' Triq Qortin, Nadur, Għawdex qed jilmentaw minħabba l-kwantità ta' ilma li din it-triq qed iżżomm kif ukoll dwar l-istat ħażin tat-triq u dan b'inkonvenjent għall-istess residenti, jista` l-Prim Ministru jara li din il-problema tiġi ndirizzata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi din it-Triq għad m’għandhiex servizz ta’ drenaġġ. Il-Kunsill qiegħed f’taħditiet mal-awtoritajiet konċernati biex ir-residenti jingħataw is-servizz tad-drenaġġ. Sadanittant, il-Kunsill qed jagħmel manutenzjoni ta’ din it-Triq permezz ta’ patching. Il-Kunsill hu konxju li jrid isir xogħol ta’ wiċċ ġdid u qed jistenna illi jsir is-servizz tad-drenaġġ qabel ma jagħmel dawn ix-xogħlijiet.
Irċevejt ilmenti mingħand persuni b'diżabilita' li għandhom reserved parking u li qed jilmentaw minħabba l-fatt li llum il-ġurnata dan ir-reserved parking m'għadux ikun bin-numru tal-vettura ta' min ikun applika, u allura kulmin għandu l-blue sticker jista' jipparkja f'dan il-parkeġġ, u b'dan allura min ikun applika u ottjena l-parkeġġ riservat ma jkollux fejn jipparkja għaliex ikun okkupat minn vettura oħra bil-blue sticker. Peress li din is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjent kbir lil dawk il-persuni b'diżabilità li wara tant taħbit ikunu ottjenew dan il-parkeġġ, jista' l-Ministru jara jekk dan l-inkonvenjent jistax jiġi ndirizzat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għal-lukanda li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha magħluqa flimkien mal-annexe tagħha għal madwar sitt snin, minkejja li s-sidien tal-post tellgħu ħajt tal-bricks mad-daħla tal-lukanda, għad hemm nies li qed jidħlu fil-premises tal-ex lukanda mill-bieb ta' wara u mill-ex-store ta’ bay junction bil-konsegwenza li nies li jkunu qed jiffrekwentaw bars fil-viċin qegħdin jużaw dan il-bini abbandunat bħala toilets b’inkonvenjent kbir għas- saħħa tar-residenti tal-inħawi.
B’żieda ma' dan, kull meta jkun maltemp bir-riħ qawwi, diversi corrugated panels qed jagħmlu ħsejjes kbar li qed ikunu ta' inkonvenjent għall-istess residenti.
Jista' l-Prim Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex dan il-premises mitluq ma jibqax jkun ta’ inkonvenjent għar- residenti tal-inħawi, aktar u aktar minħabba l-istat ta’ abbandun li jinsab fih?
Ladarba li l-inkjesta dwar il-mewt tas-suldat Matthew Psaila issa tinstab konkluża, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-istess inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari W13.
Fil-każ ta' lifts li ġew stallati f'binjiet tal-Gvern, jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jerfa' r-responsabbiltà li jsiru l-ispezzjonijiet regolari minn inġinier? Min qed jivverifika li jkun hemm maintenance contract li jiżgura li l-lifts huma rreġistrati u li qed jinġiebu skond ir-regolamenti stabbiliti għal-lifts fiż-żmien stipulat?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li r-responsabilita’ tal-manutenzjoni tal-lifts u spezzjonijiet regolari minn inġinier f’każijiet ta’ blokki residenzjali tal-Gvern, taqa’ fuq l-Assoċjazzjoni tar-Residenti tal-Blokk. Fil-maġġoranza tal-każijiet, hekk kif il-lift jitlesta u jiġi ċertifikat, dan jiġi mgħoddi lill-Assoċjazzjoni tar-Residenti tal-Blokk, li tassumi r-responsabbilta’ kollha tal-amministrazzjoni tal-lift. F’ċerti każijiet l-inkwilini jaċċettaw li, mal-kera, jħallsu wkoll miżata sabiex il-lift jiġi amministrat direttament mill-Awtorita’ tad-Djar.
Nitlob ukoll lill-Ononevoli Interpellant biex jirreferi għall-Avviż Legali numru 231 tas-sena 2007 li jistipula r-regolamenti kollha dwar responsabbilitajiet ta’ Spezzjonijiet u reġistrazzjoni ta’ liftijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti għal balzmaturi full-time? F'każ illi hemm, kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet u kemm hu mistenni li jdumu aktar sabiex jinħarġu l-liċenzji relattivi?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7236 u jgħid kemm inħarġu environment enforcement notices mill-Ispetturi ta’ l-Ambjent, sena b’sena mill-2002 sa l-2008? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta’ speċi protetti, twaqqiegħ ta’ ħitan tas-sejjiegħ, importazzjoni ta’ speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta’ impjanti mhux skond ir-regoli ambjentali u rimi ta’ skart?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6536 u jgħid kemm kien hawn persuni li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma sena b'sena mis-sena 2004 sas-sena 2008 u matul l-ewwel xahrejn ta' l-2009? Kemm kien hemm persuni fl-istess perijodu li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7115 u 6838 u jgħid lokalità b'lokalità liema toroq residenzjali tlestew sa tmiem l-2008 mill-programm ta' xogħol li kien tħabbar f'Awwissu 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista ' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6835 u jgħid kif il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, giet appuntata biex tagħmel cost accounting exercise fl-Isptar Mater Dei u jekk ġietx appuntata wara ħruġ ta' tender jew b'direct order ?
Jekk b'tender min kienu l-applikanti, x'kienu r-rati u fuq liema bażi ġiet appuntata l-persuna magħżula? Jista' jgħid x'esperjenza għandha d-ditta li isimha qed jingħata b'mod separat fl-operat ta' sptar tad-daqs ta' Mater Dei kif ukoll kemm-il persuna qed taħdem fuq l-eżerċizzju ta' cost accounting ?
Jekk b'direct order għaliex intgħażlet din id-ditta, kemm hija s-somma li qed titħallas, kemm se jdum għaddej dan l-eżerċizzju u kemm se tkun in-nefqa totali ?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-persuna konċernata ġiet appuntata b’direct order. Id-ditta għandha esperjenza fuq xogħlijiet simili fi tliet sptarijiet: Monte Carmeli, Sir Paul Boffa u Zammit Clapp. Hemm żewg persuni li qed jaħdmu fuq l-eżeċizzju.
Informat ukoll li d-ditta intgħażlet għaliex fil-passat ħadmet b’mod sodisfaċenti fl-isptarijiet imsemmija hawn fuq. Din id-ditta setgħet tiġi appuntata għaliex l-eżercizzju jaqa’ fil-limitu permess minn
direct order
, ċioe` li għandu jieħu anqas minn sitt xhur u in-nefqa totali ser tkun ta’ €23,000.
Chiswick House School — permessi għal school population
Question
Tista' l-Ministru tgħid f'liema sena ngħata l-permess biex tiftaħ iċ-Chiswick House School fil-Kappara u x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta ma' dan il-permess? Kemm kellhom permess għal school population dak iż-żmien? Kemm kienet l-ischool population għal kull sena skolastika minn dak iż-żmien sal-lum? Kemm kien in-numru ta' għalliema full time u part time meta nħareġ il-permess biex tiftaħ iċ-Chiswick House School u kemm huwa llum? Kemm-il darba nħarġu permessi ġodda u meta kienu dawn id-drabi għal tkabbir strutturali f'din l-iskola, u minn liema awtorità nħarġu l-permessi?
The Eden and Razzett Foundation — iffirmar ta' ftehim
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7020 u 6647 u jgħid jekk iffirmax xi ftehim finanzjarju mal-Fondazzjoni l-ġdida The Eden and Razzett Foundation? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji? Jekk fin-negattiv, xi ftehim hemm bejn il-Ministru u dawn iż-żewġ fondazzjonijiet separatament?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Nefqa totali f'delegazzjonijiet minn Malta għal Brussell u Lussemburgu
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6966, 6253, 5852, 5642, 5351, 4756 u 4376 u jgħid kemm nefaq f'delegazzjonijiet li telgħu minn Malta għal Brussell u Lussemburgu relatati ma' xogħol tal-Unjoni Ewropea minn Mejju 2004 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Nefqa totali f'delegazzjonijiet minn Malta għal Brussell u Lussemburgu
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6966, 6253, 5852, 5642, 5351, 4756 u 4376 u jgħid kemm nefaq f'delegazzjonijiet li telgħu minn Malta għal Brussell u Lussemburgu relatati ma' xogħol tal-Unjoni Ewropea minn Mejju 2004 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3185.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6963, 6259, 5850, 5640, 5354, 4753 u 4375 u jgħid kemm huwa it-total li nefaq il-Gvern f'Dar Malta?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.