Għawdex — San Lawrenz - applikazzjonijiet għal flats u penthouses
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu saru applikazzjonijiet għal flats u penthouses f'San Lawrenz Għawdex, liema sejħa ħarġet fil-15 ta' Novembru, 2007? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet kienu għal flats u kemm kienu għal penthouses? Jekk sar l-proċess tal-għażla, kemm min dawn kienu eliġibbli?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li fil-Ħarga 3 Shared Ownership li ħarget f’Novembru 2007, l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 19-il applikazzjoni għall-postijiet ġewwa San Lawrenz Għawdex. L-applikanti kellhom il-possibilita’ li fl-għażla tagħhom jinkludu kemm flats, penthouses kif ukoll maisonettes. Għalhekk, bosta applikazzjonijiet kellhom għażliet għal tipi differenti ta’ postijiet. 15-il applikazzjoni ġew allokati post, 13 kienu eligibbli u minn dawn finalment 7 għadhom interessati.
Awtorità tad-djar — lifts go blokk t'appartamenti tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ tal-inkwilini li jgħixu f'din il-blokka t'appartamenti tal-Gvern li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba ħsarat kontinwi li qed jirriżultaw fil-lift li stallat l-Awtorità tad-Djar u li kull darba jiswew lil dawn il-famliji bosta spejjeż biex jirranġawh?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-lift ġo Blokk E4, Ta’ Xbiex ġie mogħti lir-residenti fit-3 ta’ Marzu 2005 f’kundizzjoni tajba. Wara li il-lift ġie mogħti, l-Assoċjazzjoni tar-Residenti aċċettat responsabbiltá sħiħa tal-manutenzjoini u tiswijiet tal-lift inklużi l-ispejjeż kollha relatati mat-tħaddim tiegħu. Il-problema li tidher li tfaċċat kienet card fil-control panel li bdiet tmur spiss waqt maltempati bis-sajjetti. L-Awtoritá tad-Djar bla preġudizzju qegħda tassisti biex tinstab soluzjoni aħħarija bejn l-Assoċjazzjoni u l-Kuntrattur, sabiex dan tal-aħħar jipprovdi intervent li jippermetti t-tħaddim kontinwu tal-lift.
Gvern ta' Malta u Union Ħaddiema Magħqudin — ftehim fuq ħaddiema ta' Posta Ltd/Maltapost
Question
Fis-6 ta’ Diċembru 2007, kien iffirmat ftehim bejn il-Gvern ta’ Matla u l-Union Ħaddiema Magħqudin li bih ġiet irregolata l-pożizzjoni tal-ex ħaddiema ta’ Posta Ltd/Maltapost li għażlu li jibqgħu jaħdmu fis-settur pubbliku. Dawn kienu ikklassifikati fi tliet sezzjonijiet skond it-tluq tagħhom minn Posta Ltd/Maltapost, jiġifieri dawk li telqu fis-sena 2003 u wara, dawk li telqu wara li ġiet privatizzata l-Maltapost u finalment dawk li telqu bejn 1999 u 2002.
Minn dawn, f’Awwissu u Diċembru 2008, żewġ sezzjonijiet, jiġifieri dawk li telqu fit-2003 u l-oħrajn li telqu mal-privatizzazzjoni tal-
Maltapost
, kellhom il-pożizzjoni tagħhom regolata skond dan il-ftehim. Dawn ħadu l-aġġustament tas-salarji rispettivi tagħhom flimkien ma’ kull arretrati relatati. Baqa’ biss it-terz l-ieħor tal-ħaddiema li għadhom jistennew li l-pożizzjoni tagħhom tiġi regolata skond il-ftehim milħuq.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm għad fadal minn dawn il-ħaddiema, u kemm minnhom diġà rtiraw mix-xogħol? Jista’ jgħid għaliex dan id-dewmien sabiex jiġi onorat il-ftehim kollu u meta hemm il-ħsieb li dawn il-ħaddiema jieħdu dak li hu tagħhom skond il-ftehim milħuq u b’hekk ukoll tiġi regolata l-pożizzjoni tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li minn dawk l-uffiċjali pubbliċi li ġew lura bejn 1995 u 2002 minn Posta Ltd/Maltapost li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, għad fadal 241 li għadhom fis-servizz waqt li s’issa laħqu irtiraw 25, 26 għaddew Bord Mediku, filwaqt li 7 telqu mis-servizz għal raġunijiet oħra.
Rigward il-punt imqajjem sabiex jiġi onorat il-ftehim anki għal dawn l-uffiċjali bħal ma sar għal dawk l-uffiċjali l-oħra li telqu minn Posta Ltd/Maltapost minn 1999 ’l hawn, qed isiru bħalissa taħditiet bejn il-partijiet kollha nvoluti, inkluz l-union pertinenti, sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa ħalli l-uffiċjali nvoluti jkunu jistgħu wkoll jibbenefikaw skond il-ftehim milħuq mill-union.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Żieda fil-ħlasijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li qed jikkunsidra żieda fil-ħlasijiet għall-permessi ta' l-iżvilupp sabiex tagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed jiġu kunsidrati numru ta’ possibilitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tul ta' persuna hijiex kriterju biex tkun eliġibbli biex tapplika għal pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għal dħul fil-kors ta' taħriġ għall-Kuntistabbli, li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern fl-10 ta' Marzu 2009 u li kopja tagħha kienet tqiegħdet fuq il-mejda tal-Kamra fis-seduta numru 98 tal-1 ta' April 2009.
Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandhom it-tobba li huma mqabbdin biex jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall- pensjoni tal-invalidità?
X'inhi l-proċedura użata?
X'inhuma l-kriterji li qed jintużaw biex persuna tkun eliġibbli għal din il-pensjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur tas-Sigurta’ Soċjali jaġixxi fuq il-parir ta’ persuna waħda jew aktar li jkollhom warrant li jeżerċitaw il-professjoni medika u li jkunu maħturin mill-Ministru għall-fini ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Inżid ukoll illi bħala linji gwida jintużaw regolamenti ta’ indeboliment li kienu ġew ippublikati permezz ta’ Avviż Legali Nr. 170 ta’ 2006 sabiex iservu bħala gwida u sabiex jiġu stabbiliti l-aspetti mediċi għall-eliġibilità jew xort’oħra ta’ applikant li jagħmel talba fir-rigward ta’ benefiċċju,
allowance
jew pensjoni taħt l-Att.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4945, issa li għaddew is-sitt ġimgħat minn meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarget l-avviż ta' nfurzar (EC 14/09) u l-ħajt baqa' ma telax, jista' l-Prim Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm? Jista' jgħid jekk l-Awtorità nformatx lill-kunsill lokali sabiex dan jissottometti stima tax-xogħlijiet? Jista' jgħid kemm hi l-istima u jekk din hijiex aċċettabbli għal din Awtorità? Jista' jgħid jekk l-Awtorità approvatx dan ix-xogħol lill-kunsill lokali?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5710, jista' l-Ministru jgħid kas b’kas (mingħajr ma jidħol fid-dettalji tal-individwi) l-24 persuna li qed jistennew sabiex jiksbu liċenzja ta' driving instructor kemm ilhom li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom? Jista' jgħid jekk huwiex minnu li bħalissa hemm dewmien sabiex dawn l-individwi jpoġġu għall-eżami? Jista' jassigura li jiġi eliminat kull dewmien li jista' jkun hemm?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 5222 u 5890 u jagħti rendikont sena b’sena, tax-xogħlijiet infrastrutturali kollha (inkluż toroq) li saru mill-Gvern Ċentrali f’Ħaż-Żebbuġ, mill-2005 sal-2008? Jista' jagħti lista tax-xogħlijiet infrastrutturali li huma fil-programm tal-Gvern Ċentrali u jagħti l-ordni ta' prijorità tal-istess xogħlijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5199 u 5888 u jassigura li l-culvert tal-ilma tax-xita li hemm fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ b’mod partikolari l-bokok tiegħu li ħafna minnhom huma miksura, issirlu l-manutenzjoni meħtieġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7037 u jassigura li l-ispeed camera li twaħħlet fi Triq l-Imdina, Ħal-Qormi fid-direzzjoni minn Ħaż-Żebbuġ għall-Belt Valletta ma tkunx moħbija kompletament wara siġra kif fil-verità tinsab bħalissa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ispeed camera msemmija qegħdha tiffunzjona tajjeb u li fuq is-sit hemm tabelli biżżejjed li juru il-preżenza ta’ l-istess speed camera minn distanza konsiderevoli qabel.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4946 u jassigura li sit vakanti pjuttost kbir li jinsab fuq tliet toroq f'Ħaż-Żebbuġ, jiġifieri Triq is-Sindku P. Vella, Triq Dun Salv Ciappara u Triq Dun Salv Trevisan, jitnaddaf b'mod immedjat mill-iskart li hemm mormi ġo fih? Jista' jassigura li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex ma jibqax jintrema skart f'dan is-sit?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li s-sit imsemmi hemm fuqu kawża pendenti l-Qorti dwar min hu sid l-art, li qed tiġi segwita mill-MEPA kif kien intqal fir-risposta tal-mistoqsija nru 4945 magħmula lill-Prim Ministru. Għalhekk nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistosija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Il-Ministeru tiegħi għandu il-kompetenza għall-klassifikazzjoni tal-prodotti mediċinali skond l-Att Dwar il-Mediċini. Skond dan il-Att it-tilqim huma kklassifkati bħala prodotti mediċinali.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk it-tilqim, per eżempju dak li jingħata lit-tfal, hux suġġett għall-VAT?
Jekk fl-affermattiv, għaliex it-tilqim m'huwiex ikkonsidrat bħal mediċini oħra u għalhekk ma jiġix suġġett għall-VAT?
L-impożizzjoni ta’ VAT fuq it-tilqim hija deċizjoni li ħa l-Gvern Malti minn rajh jew toħroġ mill-mod kif saru n-negozjati għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea?
It-tilqim kien fost il-mediċini li l-Gvern Malti talab lill-Unjoni Ewropea biex ma jżommx VAT fuqhom?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Meta dan l-aħħar qamet il-kwestjoni dwar il-limitu ta’ sewqan fit-toroq fejn twaħħlu speed cameras ġodda, Is-Sur David Sutton u s-Sur Joe Fenech Conti pubblikament qalu li l-Awtorità dwar it-Trasport għandha rapport mingħand esperti Franċiżi li f’Malta m’hawnx toroq li fihom tista’ ssuq b’veloċità ta’ iżjed minn 70 kilometru fis-siegħa. Jista' l-Ministru jgħid:
Kemm huma affidabbli dawn l-esperti?
Jekk iva, x’passi ttieħdu jew ser jittieħdu sabiex ikunu attwati r-rakkmandazzjonijiet ta’ dawn l-esperti, għax għad hawn toroq fejn l-i
speed
massimu indikat huwa ta’ 80km fis-siegħa?
Fuq liema awtorità jew dipartiment taqa’ r-responsabbiltà biex dawn ir-rakkmandazzjonijiet jiġu attwati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ingaġġ ta' Uffiċjali Każwali ta' Detenzjoni — interview
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk li ġew imsejħa għall-interview f'Settembru 2008 għall-Ingaġġ ta' Uffiċjali Każwali ta' Detenzjoni, ma rċevew l-ebda risposta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont il-prassi ta' meta jitlesta proċess ta' għażla biex jimtela xi post vakanti fis-Servizz Pubbliku, deher avviż fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tat-12 ta' Diċembru 2008 li r-riżultat għall-ingaġġ ta' Uffiċjali Każwali ta' Detenzjoni kien ppubblikat u wieħed seta' jarah fuq in-notice-board tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, House of Catalunya, Triq Marsamxett, Valletta.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-proċedura tax-xiri tal-fond tal-Gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Jaħseb li wara li madwar ħames snin ilu diga' kienu marru l-Periti tal-Gvern biex jagħmlu l-verifiki tagħhom għadda żmien biżżejjed biex tiġi konkluża din il-proċedura?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li fil-preżent l-iskema msemmija ta’ xiri ta’ appartamenti hija sospiża u għalhekk mhix possibbli li jinxtara dan il-fond.
Liġi biex miżżewġin jaddottaw tfal mingħajr dewmien
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se titressaq l-emenda għal-ligi dwar l-adozzjoni fil-Parlament, biex tagħti l-fakultà lill- miżżewġin li japplikaw biex jaddottaw mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew is-snin u dan wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ngħatat ricentiment?
Jista' jgħid jekk in vista tas-sentenza indikata, hux se jagħti struzzjonijiet amministrattivi lid-Diviżjoni tal-Adozzjoni fi ħdan l-Appoġġ, biex jaċċettaw b'mod immedjat applikazzjonijiet minn koppji miżżewġa u li qed ikunu diskriminati minħabba provvediment inġust fil-liġi? Jekk se jagħti dawn l-istruzzjonijiet, dan se jkun ifisser li l-proċedura min-naħa tad-Divizjoni se tkun tista' tinbeda?
Jista' jgħid huwiex ippjanat li jsaħħaħ l-istruttura tad-Diviżjoni għall-Adozzjoni biex il-proċedura li l-koppji jkollhom jagħmlu ma tieħux aktar fit-tul bla ħtieġa?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament qed isiru diskussjonijiet interni dwar il-Ligi tal-Addozzjoni sabiex isiru l-emendi adatti mill-aktar fis possibli. Ninforma wkoll li l-istruzzjonijiet amministrattivi indikati fil-Mistoqsija Parlamentari numru 7774 diga’ ingħataw. Hemm ukoll il-ħsieb li jsir studju ta’ l-istrutturi tal-FSWS u tad-DSWS bil-għan li jissaħħu.
In vista tal-fatt li fis-7 ta' Marzu 2008, d-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili ta l-permess lil Island Microlight Club biex jopera titjiriet b'aircraft microlight fil-heliport t'Għawdex, jista' l-Ministru jispjega x'qed izomm milli l-istess club jingħata access għall-heliport sabiex jibda dawn l-operazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-triq l-antika ta' Wied il-Għajn li sarilha patchwork intensiv, ma sarx l-istess xogħol tant meħtieġ fl-aħħar 200 metru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.