Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fgura — Toroq u raba'

Question

B'referenza għat-twessiegħ ta' Triq il-Foss u l-kostruzzjoni ta' Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa, Fgura jaħseb il-Ministru li l-pjanta proposta mill-Awtorità dwar it-Trasport li dettalji dwarha qed jidhru separatament, għandha tinbidel b'mod li t-twessiegħ tat-triq għandu jsir fil-parti żdingata biex jiġu protetti l-ħbula tar-raba' li jinħadmu u li huma saqwija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.

Skola Primarja tal-Fgura — ambjent tal-madwar

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jsir biex jitnaddaf l-ambjent mitluq u degradanti li hemm fil-passaġġi li jdawru l-iskola primarja tal-Fgura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ħaddiema mis-Sezzjoni ta’ l-Agrikoltura perjodikament jiġu jaħartu l-ħamrija, ineħħu l-ħaxix ħażin u jiżbru s-siġar tal-madwar. Wara jitneħħa l-materjal ħazin billi jinġiebu vetturi mill-istess Dipartiment.
Leg 11 PQ #7534 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Buġibba — negozji - kriżi akuta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ser jagħmel il-Gvern biex jilqa' għal kriżi akuta fin-negozji f'Buġibba, partikolarment dawk li jiddependu mit-turiżmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern permezz tas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu u l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għaddej b’ħidma kontinwa, id f’id mas-settur privat sabiex inaqqas b’kemm jista’ jkun l-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja internazzjonali fuq it-turiżmu. Dan qed isir permezz ta’ moniteraġġ kontinwu tal-andament ta’ l-industrija, riklamar aktar iffukat u diskussjonijiet kontinwi ma operaturi f’dan il-qasam inkluż linji tal-ajru. Qegħdin ukoll naħdmu sabiex intejbu l-prodott turistiku. Il-Gvern nieda diversi inizjattivi u qed jaħdem fuq numru ta’ proġetti inkluż proġetti fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra, li kollha għandhom igħinu sabiex jiġbdu aktar turisti lejn din iż-żona. Fost dawn ta’ min isemmi l-iskema ntiża għall-intrapriżi turistiċi, ko-finanzjati mill-fondi Ewropej li permezz tagħhom operaturi turistiċi ser ikunu qed jieħdu fondi sabiex itejbu l-kompetittivita’ tagħhom. Jien infurmat li daħlu numru t’applikazzjonijiet minn operaturi turistiċi minn Buġibba / Qawra. Ser toħroġ ukoll skema biex tgħin lukandiera jagħmlu xogħol ta’ titjib fil-lukandi tagħhom. Hemm ukoll proġettat bini ta’ akwarju pubbliku u bajja fil-Qawra. Dawn l-inizjattivi għandhom igħinu sabiex tiżdied il-kompetittivita’ ta’ dan il-lokal. Ovvjament dan isir jekk l-operatur privat ukoll jagħmel il-parti tiegħu u jinvesti.

Għawdex — Rabat - parking space għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm parking spaces għall-persuni b'diżabilità fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid fejn huma u meta ġew approvati mill-Awtorità dwar it-Trasport?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #7550 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ilma tax-xita

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri ħa l-Gvern biex il-kwantità ta' ilma tax-xita li kellna f'dawn l-aħħar xhur jiġi stivat u ma jinħeliex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kienx hemm miżuri speċifiċi biex il-kwantita' ta' ilma tax-xita li kellna f'dawn l-aħħar xhur jiġi stivat.
Leg 11 PQ #7551 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — sheltering - vittmi ta' vjolenza domestika

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-faċilitajiet ta' sheltering f'Għawdex għan-nisa u t-tfal li huma vittmi ta' vjolenza domestika?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi m'hemmx pjanijiet għall-faċilitajiet ta’ sheltering għan-nisa u t-tfal vittmi ta’ vjolenza domestika f’Għawdex peress li dan is-servizz diġa' jingħata mill-Knisja f’Għawdex.
Leg 11 PQ #7552 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Pazjenti diabetiċi — servizzi offruti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'servizzi jiġu offruti mill-Istat lill-pazjenti diabetiċi tfal?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena infurmata li t-tfal dijabetiċi f’Għawdex huma offruti s-servizzi dijanjostiċi u terapeutiċi kollha neċessarji mis-Sala tat-Tfal fl-Isptar Ġenerali ta’Għawdex u mid-Dipartiment tal-Outpatients. Huma jiddaħħlu l-isptar skond il-bżonn waqt l-ewwel episodju fejn tiġi stabiliżżata l-kundizzjoni medika tagħhom u tinbeda l-kura bl-insulina. Hawn titieħed l-okkażżjoni biex isir tgħalim intensiv dwar id-dijabete fit-tfal, kif għandhom jieklu, il-kura bl-insulina, kif isiru l-injezzjonijiet, kif jiċċekkjaw il-livell ta’ zokkor fid-demm u x’għandu jsir meta t-tfal ma jħossuhomx sewwa. Jekk ikunu iridu, il-familji jiġu mlaqqgħin ma’ oħrajn li wkoll għandhom tfal bid-dijabete u li huma lesti li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ dawk li qed jiffaċċjaw id-dijabete għall-ewwel darba. Ġaladarba joħorġu mill-isptar it-tfal dijabetiċi jinżammu taħt osservazzjoni mill-qrib. Fil-bidu dan isir billi jattendu fis-sala tat-tfal u wara xi żmien ikomplu jattendu l-outpatients. Il-kura tat-tfal bid-dijabete hija primarjament ikkordinata mill-pedjatri li jikkonsultaw ma’ speċjalisti tal-għajnejn, tal-ENT, dentisti, dieticians, speċjalisti tal-endokrinoloġija fit-tfal u nefroloġisti skond il-bżonn. L-Isptar joffri wkoll ċertu mediċini, siringi u monitoring strips b’xejn lil tfal li għandhom id-Dijabete.

Għawdex — facilitators, kindergarten assistants

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-għalliema, facilitators, kindergarten assistants kollha li ġew trasferiti minn skola għall-oħra f'Għawdex stess u tindika l-iskejjel x'inhuma, kif ukoll ta' dawk l-għalliema, facilitators, kindergarten assistants li minn Malta ġew trasferiti Għawdex u f'liema skejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #7554 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema trasferiti fuq xogħol ta' back office

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew trasferiti ħaddiema tal-Gvern Għawdxin minn Malta għal Għawdex fuq xogħol ta’ back-office kull xahar minn Lulju 2008 ‘l hawn? Jekk fl-affermattiv, x’xogħol qed jagħmlu? Jekk fin-negattiv, meta mistennija li jiġu trasferiti minn Malta aktar ħaddiema Għawdxin fuq xogħol ta’ back office f’Għawdex? X’xogħol se jkunu qed jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn Lulju 2008 ’l hawn, ma ġewx ittrasferiti ħaddiema tal-Gvern Għawdxin minn Malta għal Għawdex fuq xogħol ta’ ‘back-office’. Kif għamlet fl-imgħoddi, din l-Amministrazzjoni ser tkompli twettaq kull proġett li jinstab li hu vjabbli bħala ‘back-office’ sabiex uffiċjali Għawdxin ikunu jistgħu jaħdmu f’Għawdex.
Leg 11 PQ #7591 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għaqdiet sportivi, soċjali u tal-baned — Inizjattivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jara li permezz tal-MEUSAC fil-fatt jinstab mezz ta' kif bosta għaqdiet sportivi, soċjali u tal-baned (fost l-oħrajn) li għandna f'pajjiżna igawdu minn programmi li joħorġu minn inizjattivi tal-Unjoni Ewropea? Billi dawn l-għaqdiet bosta drabi m'għandhomx uffiċjali mħarrġa biżżejjed għal dan ix-xogħol, jista' jinħadem programm ta' kollaborazzjoni ma' dawn l-istess għaqdiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’Novembru 2008 twaqqaf Funding Unit fi ħdan il-MEUSAC bl-għan li joffri għajnuna teknika lill-kunsilli lokali u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) fil-mili ta’ applikazzjonijiet għal fondi taħt il-programmi tal-UE. Minn dak iż-żmien sal-lum, permezz ta’ din it-taqsima, minbarra l-assistenza lill-kunsilli lokali, il-MEUSAC iltaqa’ u qed jgħin diversi NGOs fosthom każini tal-baned u għaqdiet soċjali. Ma’ dawn l-għaqdiet il-MEUSAC qed jiffirma Ftehim ta’ Kooperazzjoni li permess tiegħu jgħin lil dawn l-NGOs jagħżlu programmi minn fejn jistgħu jibbenfikaw permezz ta’ fondi mill-UE, u jassisti fil-mili tal-applikazzjonijiet.
Leg 11 PQ #7592 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Għaqdiet sportivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tieħu inizjattivi lokali f'dawk li huma faċilitajiet sportivi, biex fondi li jinsabu għandha għal dawk li huma urban improvement funds jintużaw għal dawn l-għaqdiet sportivi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qegħda tirrevedi l-policy dwar l-Urban Improvement Fund. Dan il-fond għandu prinċipalment jintuża fuq proġetti urbani li jibbenefikaw minnhom ir-residenti u l-viżitaturi tal-lokalità, li jistgħu jinkludu iżda m’humiex limitati għal playing fields, ġonna pubbliċi, u faċilitajiet li jtejbu l ambjent lokali. Il kunsilli lokali, il-Gvern u l NGOs huma dawk li jistgħu japplikaw għal fondi li huma amministrati mill-Awtorità.

Kunsill Malti għall-isports

Question

Billi bosta għaqdiet ta' l-isports f'Malta ibatu minn problemi finanzjarji, tista' l-Ministru tara li l-Kunsill Malti għall-Isports jieħu inizjattivi speċifiċi, biex taħt kundizzjonijiet stretti, ikunu jistgħu jsiru ħlasijiet ta' kontijiet bħal per eżempju tad-dawl u l-ilma, biex l-għaqdiet sportivi jiffrankaw parti mill-ispejjeż tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Isport għandu numru ta’ skemi ta’ assistenza ndividwali biex itaffi l-ispejjeż lill-għaqdiet sportivi. Is-sena li għaddiet it-total ta’ assistenza li rċevew l-għaqdiet sportivi mingħand il-Kunsill Malti għall-Isport kien ilaħħaq 1.3 miljun Ewro. Madankollu, ma hemm l-ebda skema li hija speċifika fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Inizjattivi għall-baned lokali

Question

Tista' l-Ministru tara jekk huwiex possibbli li flimkien mas-sezzjoni tal-Ministeru li tieħu ħsieb il-kultura f'pajjiżna, isiru inizjattivi li permezz tagħhom ikun hemm kollaborazzjoni ikbar ma' dawn il-baned biex il-bosta teżori li dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu prodotti aħjar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru qed jaħdem sabiex itejjeb il-kollaborazzjonijiet bejn l-istakeholders kollha fil-qasam artistiku u kulturali sabiex jassigura prodott aħjar.
Leg 11 PQ #7595 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Buġibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar — Plots mhux mibnijin

Question

Billi matul is-sena d-dieħla hu mistenni li l-Gvern jagħmel investimenti qawwija f'dik li hi infrastruttura, jista' l-Prim Ministru permezz tal-ħaddiema tiegħu jieħu l-passi neċessarji biex kull plot li mhix mibnija li tinsab fl-inħawi ta' Buġibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar fil-fatt tingħalaq u dan għall-benefiċċju tal-ambjent ta' madwar u bħala investiment lokali, kif ukoll għat-turiżmu f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar — Ħsarat fit-toroq

Question

Billi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena li għaddiet kellha tagħmel mijiet ta' interventi fuq is-sistema tal-ilma fl-inħawi ta' Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar u billi ħafna minn dawn l-investimenti wasslu biex it-toroq konċernati jibqgħu bi problemi fil-wiċċ tagħhom, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-ħsarat jissewwew mill-ġdid kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lil Onorevoli Nterpellant biex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u ċioe jindika l-ismijiet tat-toroq fil-lokalitajiet imsemmija fejn saru l-interventi li qed jirreferi għalihom.

San Ħiljan — Triq it-Tabib John Buontempo - arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibilità hemm li jsir arblu tad-dawl fi Triq it-Tabib John Buontempo, The Village, San Ġiljan, minħabba d-dlam li hemm f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #7604 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Eczema — Għajnuna medika bla ħlas

Question

Peress li hawn ħafna każijiet ta' eczema li huma severi u kroniċi u dawn il-pazjenti għandhom bżonn ħafna kura, assistenza u mediċini li jridu jieħdu kuljum, u peress li l-eczema mhix inkluża fit-tieni parti tal-ħames skeda tal-Kap 318 tal-Liġijiet ta' Malta, jista' l-Ministru jara kif is-sitwazzjoni ta' dawn in-nies tista' tiġi għall-aħjar billi l-eczema tiżdied ma' din il-lista biex dawn il-pazjenti jkunu ntitolati għal għajnuna medika bla ħlas?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li hemm pjan li fil-ġejjieni qarib jiġi evalwat it-trattament mediċinali li l-Gvern qed joffri fis-servizz tas-saħħa b’mod ħolistiku bil-għan li l-Gvern ikun jista joffri servizz aktar aċċessibli, ekwu u sostenibbli li jirrifletti aħjar il-ħtigijiet moderni tas-soċjeta’ Maltija fil-preżent u għall-futur.

Isla — Imħażen ta' San Mikiel - irranġar ta' soqfa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħdu l-awtoritajiet konċernati biex jirranġaw is-soqfa tal-imħażen ta' San Mikiel, l-Isla (minn fuq iċ-Ċentru tal-Persuni b'Diżabilità saċ-Ċentru Laburista)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Occupational Health and Saftey Authority hijiex infurmata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dwar it-talbiet magħmula lil dan id-dipartiment għall-benefiċċji soċjali rigward korrimenti fuq il-post tax-xogħol?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) jipprekludi lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurta' Soċjali milli jgħaddi informazzjoni personali dwar individwi li jagħmlu talbiet għal xi beneficcji taħt l-istess Att. Għaldaqstant, l-Awtorita' tirċievi mingħand id-Diviżjoni statistika globali dwar dawn it-talbiet, iżda li ma tkunx ta’ natura personali. Informat ukoll li l-Awtorita' kienet ipproponiet Memorandum of Understanding li kien ġie iffirmat bejn iż-żewg entitajiet biex l-Awtorita' tkun tista tinvestiga każijiet suspettati dwar talbiet li tkun irċeviet id-Diviżjoni. Barra minn hekk, il-formola li tintuża għal skopijiet ta’ talbiet għal benefiċċji dwar korriment u mard relatati max-xogħol ġiet emendata biex tkun tista taqdi l-ħtigijiet ta’ notifika taħt l-Att dwar l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-xogħol. Iż-żewg entitajiet qegħdin ukoll f’diskussjonijiet mal-Uffiċjju Nazzjonali tal-Istatistika biex tkun tista tinġabar statistika iktar robusta.
Leg 11 PQ #7607 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — allokazzjoni finanzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-allokazzjonijiet finanzjarji li ġew imqassma lil kull kunsill lokali f'Malta u Għawdex (jiġifieri lokal, lokal) skont il-funzjonijiet tagħhom għas-sena 2009/2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali għas-sena 2009/2010.