Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Substance Abuse Policy

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti fil-prattika s-Substance Abuse Policy tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Substance Abuse Policy ta' l-MCAST ġiet ifformulata bl-għan: Li tipprovdi mekkaniżmu ta' appoġġ għall-istudenti, l-għalliema u l-impjegati tal-Kulleġġ li jesperjenzjaw il-vizzju tad-droga u l-abbuż tax-xorb alkoħoliku. Li tqajjem aktar kuxjenza fost l-istudenti, l-għalliema, l-impjegati u l-komunita' in ġenerali dwar id- drug policy tal-kulleġġ. Li toħloq kuxjenza dwar ir-responsabbilta' individwali u dik tal-Kulleġġ rigward it-tmexxija fl-eventwalita' ta' inċidenti marbuta mad-droga kif ukoll fuq l-appoġġ meħtieġ mill-istudenti li jesperjenzjaw l-abbuż tad-droga. Li tipprovdi gwida ċara dwar l-imġiba u aspetti ta' dixxiplina. Il- Policy tagħti struzzjonijiet ċari fl-eventwalita' ta': Sejba ta' xi drogi u apparat relatat mat-teħid tad-droga fil-Kulleġġ. Imġiba mhux aċċettabbli minn studenti, għalliema u impjegati b'suspett ta' użu minn xi sustanzi llegali. Stqarrijiet minn studenti, għalliema u impjegati dwar użu ta' xi sustanzi llegali. Pussess, konsum, promozzjoni u traffikar ta' xi tip ta' droga fil-Kulleġġ. L-għan finali hu li kemm jista' jkun jinħoloq ambjent ta' Kulleġġ ħieles minn sustanzi llegali u fl-istess waqt jingħata l-appoġġ meħtieġ lil dawk l-individwi li jinħakmu mill-vizzju tad-droga.

MCAST — Edukazzjoni sesswali

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena li għaddiet u matul din is-sena kurrenti ittieħdu jew se jittieħdu xi inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni sesswali fl-MCAST fid-dawl taż-żieda tas-sess każwali miż-żgħażagħ tagħna bla ma jipproteġu lilhom infushom bil-konsegwenzi li qed jizdiedu fost iż-żgħażagħ l-infezzjonijiet trasmessi sesswalment u t-tqala bikrija u mhux ippjanata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena jsiru bosta attivitajiet extra kurrikulari għall-iżvilupp u l-formazzjoni ħolistika ta' l-istudenti. Is-sena l-oħra , waħda minn dawn l-attivitajiet li ġiet organizzata mill-Counsellors b'kollaborazzjoni mal-Kunsill ta' l-Istudenti u bl-għajnuna tal-Health Promotion and diseases Prevention Department kienet ġimgħa ta' attivitajiet bejn it-2 u s-7 ta' Diċembru. Waqt din il-ġimgħa saru taħdidiet ma' l-istudenti dwar mard u infezzjonijiet trasmessi sesswalment, fertilita' u tqala. Tqassam ukoll xi materjal stampat filwaqt li numru ta' youth workers kemm Maltin kif ukoll barranin fil-breaks tħalltu ma' l-istudenti u tkellmu magħhom dwar drittijiet u rispett lejn il-ġisem uman. Bħas-snin ta' qabel, din is-sena l-Kulleġġ ser jorganizza numru ta' laqgħat taħt diversi forom ma' l-istudenti dwar is-suġġett tas-sesswalita' u l-imġiba sesswali. Barra minn hekk, minn din is-sena akkademika, l-istudenti kollha qed isegwu kors ta' tagħlim fl-ewwel livell, qed jingħataw lezzjonijiet fuq l-iżvilupp personali (PSD) fejn fost temi oħra hemm dik ta' l-imgiba sesswali.

MCAST — Accreditation of Prior Learning

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xoghol tal-MCAST biex jipprovdi l-Accreditation of Prior Learning?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki beda proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-accreditation of prior learning. F’Gunju 2007 tnieda dokument dettaljat dwar it-tħaddim ta’ dan il-proċess u bħalissa qed isiru proposti biex dan jibda jitħaddem. Flimkien mad-Direttorat ta’ l-iStandards u l-Kwalita’ fl-Edukazzjoni tfassal ukoll School Leaving Certificate li fih hemm ir-rikonoxximent tat-tagħlim informali u mhux formali u allura ta’ tagħlim li jsir barra mis-sistema formali ta’ edukazzjoni.

MCAST — Pjan strateġiku ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol tal-MCAST biex ifassal pjan strateġiku ġdid għas-snin li ġejjin għal meta jispiċċa dak preżenti u x'konsultazzjoni interna, esterna, nazzjonali u internazzjonali beħsiebu jagħmel biex ifassal dan il-pjan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Pjan Strateġiku li għaddej bħalissa fl-MCAST ikopri mill-2007 sa l-2009. Matul dawn is-snin, minbarra li qed jitwettaq il-pjan, qed isiru diskussjonijiet regolari mal-membri kollha tal-istaff tal-Kulleġġ, kemm permezz ta’ organi statutorji kif ukoll permezz ta’ laqgħat li jiġu organizzati regolarment mal-membri tal-istaff mid-Diretturi tal-Istituti u mid-direzzjoni ċentrali tal-Kulleġġ. Barra minn dan, isiru laqgħat ukoll ma’ organizzazzjonijiet lokali kif ukoll internazzjonli u istituzzjonijiet li joffru korsijiet professjonali u vokazzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ. Minn dak li qed joħroġ minn dawn il-laqgħat se jinbena Pjan Strateġiku 2010 – 2012, imsejjes ukoll fuq il-pjan li għaddej bħalissa biex ikun hemm kontinwita’.
Leg 11 PQ #6073 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Avviż biex tieqaf u ta' twettiq

Question

B'referenza għall-Avviż biex Tieqaf u ta' Twettiq li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, datat 10 ta' Ottubru 2007, jista' l-Prim Ministru jistħarreġ għaliex l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar damet sas-7 ta' April 2008 biex tirtira dan l-Avviż meta l-allegat "ksur ta' kontroll ta' l-ippjanar" kien ġie rimedjat kważi tliet xhur qabel, hekk kif joħroġ minn dettalji li qegħdin jintbagħtu separatament? Jista' l-Prim Ministru jistħarreġ jekk kienx hemm xi reżistenza minn xi sezzjonijiet tal-Awtorità għall-irtirar ta' dan l-avviż minkejja illi, kif jidher mid-dettalji li qegħdin jintbagħtu separatament, is-sezzjoni kompetenti, jiġifieri l-Enforcement Unit, kien diġa' dehrilha li ma kienx hemm iktar "ksur ta' kontroll ta' l-ippjanar" saħansitra fis-17 ta' Jannar 2008, jiġifieri kważi tliet xhur qabel ġie rtirat l-Avviż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li uffiċjali mis-sezzjoni ta’ l-infurzar tal-MEPA iltaqgħu fuq is-sit flimkien ma’ l-iżviluppatur u rappreżentanti oħra tiegħu fis-17 ta'Jannar 2008 fejn hemmhekk ġie spjegat minn naħa ta’ l-iżviluppatur għaliex il-kundizzjonijiet 1(i) u 1(r) ma japplikawx għal dan l-iżvilupp. Uffiċjali tal-MEPA qablu mal-prinċipju kif ġie spjegat lilhom iżda riedu jsiru l-verifiki neċessarji ma’ sezzjonijiet oħra fi ħdan il-MEPA fosthom mas-sezzjoni tal-Pjanijiet Lokali rigward dak li ntqal mill-iżviluppatur biex jiġi stabbilit u mfisser dak li jgħid il-Pjan Lokali għal Għawdex f'policy GZ-URCO-2. Ir-risposta mis-sezzjoni tal-Pjanijiet Lokali waslet fil-25 ta' Frar 2008 u biha ġew issanati kundizzjoni 1(i) u 1(r). Wasal ukoll iċ-ċertifikat tal-Awtorità tat-Turiżmu ( Design Standards Compliance Certificate ) maħruġ fit-23 ta'Jannar skond ir-requiżiti ta' kundizzjoni 10. Dawn l-affarijiet kollha ġew evalwati mis-sezzjoni ta' l-infurzar u abbażi ta’ dan ġie deċiż li l-avviż ta' infurzar ma jibqax aktar fis-seħħ fl-4 ta' Marzu 2008. Il- file ECF 640/07 intbagħat (fl-4 ta' Marzu 2008) f'sezzjoni oħra biex jingħalaq u jsiru l-aġġornamenti meħtieġa fuq is-sistema tal-kompjuter skond il-proċeduri addottati abitwalment u dan sar fis-6 ta' April 2008.
Leg 11 PQ #6305 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gazzetta tal-Gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tiġi tiswa lill-Gvern biex joħroġ il-Gazzetta tal-Gvern printjata? Kemm tinxtara din il-gazzetta? Kemm isir qliegħ jew telf fuq l-istess gazzetta? Hemm il-ħsieb li tibda ssir anke issa li għandna E-Government?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ persuni abbonati fil-Gazzetta tal-Gvern ivarja minn xahar għall-ieħor, imma bejn wieħed u ieħor, ras għal ras, in-numru jitla’ għal 600 abbonat fis-sena. Meta tiżen sew l-ispejjeż tal-produzzjoni biex tiġi ppreparata u stampata l-Gazzetta tal-Gvern, wieħed mill-ewwel jinduna li d-dħul ġenerat mill-bejgħ tal-Gazzetta ma jkoprix l-ispejjeż tal-produzzjoni. Barra minn hekk, il-verżjoni elettronika tal-Gazzetta tal-Gvern li wieħed isib fuq is-sit elettroniku tad-DOI fl-istess ġurnata li tiġi stampata, hija bla ħlas. Irid jingħad ukoll, li barra l-obbligi legali biex tiġi stampata din il-pubblikazzjoni, il-Gvern iqis li parti mill-kontenut tal-Gazzetta hu ta’ natura soċjali. Qed ninkludi ukoll rendikont dettaljat tal-ispejjeż u d-dħul relatat mal-Gazzetta tal-Gvern għas-Sena 2008 li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #6322 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Applikazzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4684 mogħtija fis-seduta 71 tal-15 ta' Jannar, 2009 fejn jirriżulta li t-talbiet biex joħroġ il-permess skond paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6) tal-Att ġew kollha rifjutati minħabba li l-applikazzjonijiet jew kienu barra miż-żona ta' żvilupp jew ma kenux mibgħuta skont kif tipprovdi l-liġi, u b'mod partikolari b'riferenza għall-applikazzjoni PA 2734/08, li kienet sempliċiment talba biex jiġi mġedded t-terminu ta' permess għal iżvilupp b'referenza PA 1235/03 maħruġ mill-awtorità fl-2003, jista' l-Prim Ministru jitlob lill-awtorità tispjega għaliex ma nħariġx l-permess relattiv għall-applikazzjoni PA 2734/08 skont il-paragrafu (f) tas-subartiklu 36 (6) peress li din l-applikazzjoni ma kenitx barra miż-żona ta' żvilupp u kienet mibgħuta skont kif tipprovdi l-liġi, tant li ġiet approvata mill-awtorità fil-21 ta' Ottubru, 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li b'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari PQ 6315, fejn ġie spjegat il-proċedura li ġiet esegwita fl-ipproċessar tat-talba għal permess skond artikolu 36 ta' l-Att, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar issostni dan li ġej: Waqt il-laqgħa tat-30 ta' Settembru 2008, fil-preżenza ta' l-applikant u l-perit tiegħu, ġie deċiż li l-applikazzjoni PA 2734/08 timxi u tiġi deċiża flimkien ma' l-applikazzjoni PA 560/06. Minħabba l-ipproċessar li kien għad hemm bżonn fl-applikazzjoni PA 560/06, inkluż talba għal pjanti ġodda, tibdil fir-rapport u rakkommandazzjoni mis-Sanità, l-ewwel seduta li kien imiss kienet dik tal-21 t'Ottubru 2008. F'din is-seduta l-applikazzjoni PA 2734/08 ġiet milqugħa.

The Eden and Razzett Foundation — iffirmar ta' ftehim

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iffirmax xi ftehim finanzjarju mal-Fondazzjoni l-ġdida The Eden and Razzett Foundation? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji? Jekk fin-negattiv, xi ftehim hemm bejn il-Ministru u dawn iż-żewġ fondazzjonijiet separatament?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #6756 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċirkewwa — Bini ta' passenger terminal

Question

B'refernza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6067, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ġiet sottomessa applikazzjoni ġdida lill-Unjoni Ewropea għall-fondi għal dan il-proġett? Meta kienet saret l-applikazzjoni oriġinali? Jista’ jekk jogħġbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni oriġinali għall-fondi mill-Unjoni Ewropea, bil-pjanti preċedenti, kienet ġiet sottomessa f’Jannar 2008. Wara li l-pjanti tat-terminal taċ-Ċirkewwa inbidlu, din l-istess applikazzjoni ġiet riveduta, u se tkun sottomessa fil-ġimgħat li ġejjin, taħt is-sejħa ristretta għall-Cohesion Funds li nfetħet għall-perjodu bejn id-9 ta’ Marzu u s-17 t’April 2009. L-applikazzjoni tkun tista’ titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wara li tkun approvata.
Leg 11 PQ #6862 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — ħlasijiet mal-kuntratturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi ħlasijiet għandha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma' kuntratturi u refunds tal-permessi u kemm ilhom pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlasijiet pendenti li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha ma' kuntratturi jammontaw għal €718,902.85 u dawn għal perijodu bejn Novembru 2008 sal-31 ta’ Jannar 2009 filwaqt li t-total għar-refunds tal-permessi huwa ta’ €162,671.35 minn Novembru 2008 sat-28 ta’ Frar 2009.

Sptar Mater Dei — ħaddiema volontiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa r-rwol tal-volontiera li hemm fl-Isptar Mater Dei? Kemm hemm minn dawn l-volontiera fil-qasam tas-saħħa? Se jiġu rikonoxxuti b'xi mod għal dan ix-xogħol siewi li qed jagħmlu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li fl-iSptar Mater Dei bħalissa hemm madwar 200 voluntiera li jattendu b’mod regolari. Dawn jinkludu 38 student li qegħdin jagħmlu ‘posting’ qasir li huwa parti mis-‘Systems of Knowledge Project’. Ir-rwol principali tal-voluntiera huwa li jassistu lill-pazjenti u lil kull min jattendi fl-iSptar Mater Dei biex jindikawlhom it-triq u jgħinu wkoll biex is-servizz ikun provdut ahjar. Rwol iehor importanti huwa li jitkellmu ma’ pazjenti f’certi swali meta ma jiġux iżuruhom il-qraba. Voluntiera jservu te, kafe, bibiti friski jew ilma provduti mill-isptar lill-pazjenti, qraba u membri tal-istaff fl-Outpatients Department waqt li jkunu qegħdin jistennew għal-vista. Informat ukoll li permezz ta’ partnership li l-gvern iffirma sentejn ilu ma’ SOS Malta, dawn jieħdu ħsieb li l-voluntiera jingħataw support psikoloġiku u morali, kif ukoll taħriġ skond il-ħtieġa biex ikunu jistgħu jagħtu servizz komplet u mill-aħjar lill-pazjenti. SOS Malta tgħin ukoll biex isir reklutaġġ regolari ta’ voluntiera matul is-sena. Ix-xogħol tal-voluntiera jiġi rikonoxxut permezz ta’ għoti ta’ mementos waqt ricevimenti u attivitajiet li jsiru matul is-sena. Tinħareg uniformi u badge tal-identita għal kull persuna.

Persuna bi bżonnijiet speċjali — boarded out - allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna bi bżonnijiet speċjali tistax toħroġ boarded out jekk tkun għadha tgħix mal-ġenituri tagħha? Kemm irid ikun l-income tal-ġenituri/ħutha sabiex hija tieħu/ma tieħux allowances tal-bord? Kemm irid ikollhom flus il-bank sabiex dawn il-persuni ma jkunux jikkwalifikaw għall-benefiċċji tal-mard?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pensjoni tad-Disabilita` ma’ tiddependix fuq il-mezzi tal-membri tal-familja iżda tal-persuna li tapplika għall-pensjoni tad-disabilita`. Il-Pensjoni tad-Disabilita` għalkemm hija benefiċċju mhux kontributorju ma’ tiddependix fuq il-kapital, iżda biss fuq id-dħul tal-persuna li tagħmel it-talba għal din il-pensjoni. Id-dħul tagħha fil-ġimgħa, kalkolat skond id-disposizzjonijiet tat-Taqsima V tat-Tieni Skeda (skond l-Att tas-Sigurta Socjali Kap. 318) ma’ jkunx aktar mill-paga minima nazzjonali kif applikabbli lil persuni ta’ tmintax-il sena jew iżjed kif stabbilita b’Ordni ta’ Standard Nazzjonali taħt l-Att dwar l-impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. (Inżid ngħid li l-ammont tal-paga minima nazzjonali tintuża biss bħala kejl).

Persuni Boarded out — kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkategorizza b'liema kundizzjoni l-persuni li ħarġu boarded out matul is-sena 2008 ġew kwalifikati, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm kien hemm ċittadini li kellhom l-kundizzjonijiet identifikati kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-persuni li ħarġu boarded out skond il-kundizzjoni medika tagħhom u li sussegwentament ikkwalifikaw għal pensjoni tal-Invalidita’ kemm f’Malta kif ukoll f’ Għawdex hu kif jidher fit-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #6990 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żejtun — tneħħija ta' ħajt

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5987, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li mar jagħmel spezzjoni fuq il-post imsemmi sabx strutturi kemm temporanji u/jew permanenti, mibnija illegalment u mingħajr permess u dan b'periklu ċar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li saru investigazzjonijiet, irriżulta li hemm xi strutturi li mid-dehra nbnew snin ilu mingħajr permess, u li fuqhom inħarġet Enforcement Notice b’numru ECF 321/09 - (Building of Garage/Store and loft without permit) Tajjeb li ninforma illi l-vettura imsemmija f' PQ 5987 tneħħiet mill-post. Is-sit ser jibqa’ jkun sorveljat minn żmien għal żmien.

Qasam ta-saħħa — sejħiet għal promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6274 u jgħid min u kif jitfasslu s-sejħiet biex jittieħdu l-promozzjonjiet fil-qasam tas-saħħa? Min jiddeċiedi kemm hemm bżonn u minn liema professjoni? Huwa aċċettat li professjoni tkun qed tikkmanda professjoni oħra li fil-job description tagħha m'hemm l-ebda kelma li għandha tagħmel dan? Allura min jiddeċiedi min jikkmanda lil min?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Child Care Centres

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 6281 u tgħid kemm qed jattendu tfal fiċ-Child Care Centres ċentru b'ċentru? Kemm huma l-fees li trid tħallas biex tibgħat lit-tfal f'dawn iċ-ċentri? Fejn jinsabu dawn iċ-ċentri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi huwa responsabbli mill-proviżjoni ta’ Childcare Centres tal-Gvern. Ir-regolatur tas-settur ser jibqa’ d-Dipartiment tal-Istandards Soċjali li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Politika Soċjali.
Leg 11 PQ #7002 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Sptar ta' Għawdex — ECG Technicians

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex iż-żewġ ECG Technicians li ilhom snin sħaħ jaħdmu fl-Isptar t'Għawdex għadhom jidhru fuq il-kotba li qed jaħdmu fil-ECG Department tal-Isptar Mater Dei u ż-żewġ ħaddiema għadhom jiġu mħallsa mill-isptar f'Malta? Hemm raġuni għal dan u meta hemm ħsieb li dawn iż-żewġ ħaddiema jsiru uffiċjalment trasferiti f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-trasferimenti mid-Diviżjoni tas-Saħħa lejn il-Ministeru għal Għawdex jaqgħu taħt ir-responsabilita' ta' l-istess Diviżjoni u jsiru bl-approvazzjoni tal-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 11 PQ #7050 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Malta għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku — qagħda soċjali u ekonomika ta' Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku, iddiskutiex il-qagħda soċjali u ekonomika ta’ Għawdex kif jiena, permezz tal-Aġent Skrivan tal-Kamra u bil-permess tal-istess Kamra, tlabt lill-Kunsill fl-14 ta’ Novembru, 2008? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid f’liema laqgħa u meta l-Kunsill iddiskuta u fela l-qagħda soċjo-ekonomika t’Għawdex? X’kien l-eżitu tad-diskussjoni? X’azzjoni ġiet rakkmandata mill-Kunsill biex Għawdex ikun jista’ jikseb l-istess livell ta’ żvilupp ta’ Malta? Jekk fin-negattiv, għaliex il-Kunsill għadu ma ddiskutiex il-qagħda f’Għawdex? Meta mistenni li din tkun diskussa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kunsill Malti għall-iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ħatar Kumitat għal Għawdex bil-għan li jiġu diskussi materji relatati mal-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ Għawdex u temi oħra ta’ relevanza għal progress tal-gżira. L-għan prinċipali ta’ dan il-Kumitat huwa li jissottometti pariri lill-Gvern għall-konsiderazzjoni tiegħu. Permezz ta’ dan il-proċess il-Gvern wessa’ l-funzjoni tal-MCESD sabiex ikun jista’ jirċievi suġġerimenti u proposti rigward is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika ta’ Għawdex direttament mill-operaturi Għawdxin. Dan il-Kumitat twaqqaf formalment fit-18 ta’ Settembru 2008 u l-membri tiegħu ġejjien minn oqsma differenti tas-Soċjetà Ċivili Għawdxija. Il-lista tal-ismijiet tal-membri fuq dan il-Kumitat ingħatat f’risposta parlamentari numru 5904. F’perjodu ta’ seba` xhur sa mit-twaqqif tiegħu, l-Kumitat iltaqa’ tlettax-il darba u iddiskutta diversi temi li għandhom impatt fuq il-qagħda soċjo-ekonomika ta’ Għawdex. 1. 3 ta’ Ottubru 2008 2. 10 ta’ Ottubru 2008 3. 22 ta’ Ottubru 2008 4. 30 ta’ Ottubru 2008 5. 21 ta’ Novembru 2008 6. 25 ta’ Novembru 2008 7. 27 ta’ Novembru 2008 8. 11 ta’ Diċembru 2008 9. 22 ta’ Jannar 2009 10. 24 ta’ Jannar 2009 11. 29 ta’ Jannar 2009 12. 5 ta’ Marzu 2009 13. 26 ta’ Marzu 2009 Temi prinċiplali li ġew diskussi waqt dawn il-laqgħat kienu: § Statistika reġjonali għal Għawdex § Riforma tat-trasport pubbliku § Proposti għall-baġit 2009 § Fondi mill-Unjoni Ewropeja § Prospetti fil-qasam turistiku § L-insularità doppja tal-gżira ta’ Għawdex Aġġornament ta’ l-istrateġija tal-immaniġjar ta’ l-iskart
Leg 11 PQ #7079 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Applikazzjonijiet pendenti - żona ODZ

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħalissa fl-inħawi meqjusa bħala outside development zone? Kif inhuma maqsuma dawn l-applikazzjonijiet, maqsuma skond il-lokalitajiet differenti, madwar Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha elf seba' mija u tlett (1703) applikazzjonijiet għal l-ewwel deċiżjoni għal żvilupp fl-inħawi meqjusa bħala outside development zone madwar Malta u Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi lista ta' dawn l-applikazzjonijiet.

każ fuq ċens ta' art ta' garaxx

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar it-talba li huwa ressaq biex jifdi ċ-ċens ta' l-art ta' garaxx li huwa jokkupa? Din l-applikazzjoni saret madwar tliet snin ilu.

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.