B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7304, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-125 li għadhom jaħdmu full-time sal-lum u mid-29 li għadhom jaħdmu part-time sal-lum qed jaħdmu Għawdex?
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7064, jista’ l-Ministru jgħid kemm passiġġieri jġorr kull wieħed mill-cruise liners imsemmija? Meta mistennija titqiegħed il-baga biex dawn il-cruise liners ikun jistgħu jorbtu magħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ninsab infurmat li l-baga mistennija titqiegħed lejn nofs din is-sena.
Tender għas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender għas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex ħarġitx sal-aħħar ta’ Marzu kif kien mistenni? Jekk fin-negattiv, għaliex? X’qed jagħmel il-Gvern biex jassigura x-xogħol għall-ħaddiema li qed jaħdmu mal-Gozo Channel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Għawdex — użu ta' sorsi alternattivi għall-enerġija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6745 u 7308 u jgħid jekk sarx xi studju ta’ cost-benefit biex jiġi stabbilit jekk jaqbilx li Għawdex jiġġenera l-enerġija kollha tiegħu bl-użu ta’ sorsi alternattivi? Jekk ma sarx, hemm il-ħsieb li jsir? Jekk fl-affermattiv, meta mistenni jsir? Jekk fin-negattiv għaliex il-Gvern ma jħossx li għandu jsir dan l-istudju?
Għajnuna finanzjarja għal titjib fl-ipproċessar u l-marketing tal-prodotti agrikoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset għajnuna f’Malta u Għawdex separatament taħt il-miżura kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea għal Titjib fl-Ipproċessar u Marketing tal-Prodotti Agrikoli?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Taħt il-Programm ta’ Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006 id-Dipartiment ta’ L-Iżvilupp Rurali nieda skema magħrufa bħala miżura 3.2 li kienet intenzjonata li tgħin lill-kumpaniji li joperaw fis-settur ta’ l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli biex ikunu aktar kompettitivi. L-għajnuna li ngħatat hi skond kif ġej:
Għajnuna lill-Għawdxin €916,955.44
Għajnuna lill-Maltin €1,715,862.71
Billi bosta dwal fl-inħawi tal-port taċ-Ċirkewwa (madwar il-mollijiet) ilhom maqtugħa għal xi żmien, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn jissewwew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lill-Awtorita' Marittima.
Nefqa ta' flus fuq ċelebrazzjoni tal-ħames sena mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jintnefqu flus bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet biex infakkru l-ħames sena mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport mhux se jagħmel spejjeż f’ċelebrazzjonijiet biex ifakkru l-ħames sena mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Nefqa fuq ċelebrazzjonijiet biex infakkru lil Malta fl-Unjoni Ewropea
Question
Tista' l-Ministru tgħid fis-snin 2005, 2006, 2007 u 2008 kemm intnefqu flus bħala parti miċ-ċelebrazzjoniet biex fakkarna s-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea?
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma sarx it-taraġ li kellu jsir bosta snin ilu fi Triq Baħar l-Iswed, minn fuq il-mina ta’ Triq Reġjonali sa taħt il-bridge ta’ San Giljan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-fond b’dettalji mehmuża jiġi magħluq speċjalment it-twieqi u l-gallariji minħabba li fil-preżent huma miftuħin u qed jikkaġunaw ħsarat lill-appartamenti ta' taħt?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li dan l-appartament huwa mikri lill-inkwilina u għalhekk l-Awtorita’tad-Djar m’għadiex aċċess biex tidħol fih.
Informat ukoll li kien hemm ħruq f’dan l-appartment u għalhekk dan il-fond ġie msakkar mill-Pulizija minħabba Inkjesta Maġisterjali.
Wieħed irid isemmi ukoll li l-Awtorita’ tad-Djar diġa bdiet tagħmel xogħol fil-komun ta’ dan il-blokk ta’ appartamenti ħalli titranġa il-ħsara li ġrat f’dan il-ħruq.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm facilitators jaħdmu fl-iskejjel tal-Gvern fis-snin 2007 u 2008? Kemm min dawn huma każwali u full-time? Kemm minnhom huma gradwati? Kemm studenti applikaw biċ-ċertifikati biex ikollhom facilitators u t-talba tagħhom s'issa ma ġietx milqugħa? Għaliex it-talbiet ma ġewx milqugħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jiġi rranġat inkonvenjent li ilu madwar tmien snin f'residenza privata li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament jigifieri ilma\drenagg dieħel f'garaxx?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta' l-individwu konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega x'inhi l-iskema konnessa mal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha jingħataw ross u għaġin lill-familji fil-bżonn? Min jirregola t-tqassim ta' dan l-ikel? Kif jigi aċċertat li kollox jimxi skond is-sewwa?
Kemm tqassmu ross u għaġin jew ikel ieħor taħt din l-iskema, sena b'sena minn kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea? F'liema rħula tqassmu? Kemm gawdew familji?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards — spezzjonijiet ta' lifts
Question
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm qed isiru spezzjonijiet ta' lifts residenzjali mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Avviż Legali 231 tal-2007 jiddistingwi bejn liftsinstallati qabel l-1 ta’ Lulju 2002 u dawk li ġew installati wara din id-data. Għal dawk li ġew installati qabel l-1 ta’ Lulju 2002, kien biss fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena li daħal l-obligu tar-reġistrazzjoni tagħhom ma’ l-MSA; fil-każ ta’ dawk installati wara din id-data, l-obligu tar-reġistrazzjoni daħal fl-1 ta’ Jannar 2008. Din id-distinzjoni hija importanti li tkun innotata minħabba li huwa biss permezz ta’ reġistrazzjoni bħal din (li fi ħmistax–il xhar mit-tnedija tagħha tlaħħaq diġa qrib 1,200 lift) li l-Awtorita’ qed issir taf is-siti fejn jinstabu lifts residenzjali (u dawk li jinstabu fuq post tax-xogħol u li għalhekk jaqgħu fir-responsabbilta’ tal-OHSA) f’Malta w’Għawdex u b’hekk ikunu jistgħu isiru spezzjonijiet mill-istess Awtorita’ meta u fejn meħtieġ.
Mingħajr ma nidħol f’dettalji tekniċi, hemm diversi tipi ta’ spezzjonijiet li jistgħu isiru fuq lifts, mhux biss mill-MSA iżda wkoll, f’isimha, minn dawk li fl-Avviż Legali jissejħu bħala “Authorised Conformity Assessment Bodies”: dawn qegħdin jagħmlu ċertu tip ta’ spezzjonijiet ta’ rutina skond frekwenzi stabbiliti fl-istess Avviż Legali. Is-sistema kollha għada qed tinbena u l-MSA qiegħda tara mill-qrib, permezz tad-Direttorat għall-Affarijiet Regolatorji u dak responsabbli mis-Sorveljanza tas-Suq, li l-provvedimenti tal-Avviż Legali 231 tal-2007 qed jiġu implimentati skond iż-żmienijiet stipulati fl-istess Avviż Legali. F’dan il-kuntest kollu u sa mill-1 ta’Frar 2008, minn meta d-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq sar jifforma parti mill-MSA, l-Awtorita’ rrispondiet għal sitt ilmenti fuq lifts residenzjali li waslu għandha permezz ta’ din is-sistema, filwaqt li għad hemm żewġ każijiiet quddiema pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' apprentistat li llum qed jissoktaw bix-xogħol fit-tarzna ta' Malta? X'inhuma siegħat tax-xogħol tagħhom? X'nazzjonalità għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
In-numru ta’ apprentisti li għadhom fl-apprentistat jammonta għal sittax (16).
Is-siegħat ta’ xogħol ivarjaw skond il-korsijiet li jattendu u huma mqassmin kif jidher hawn taħt:
Nhar ta’ Tnejn - 9 jattendu l-MCAST u 7 ikunu xogħol;
Nhar ta’ Tlieta - 9 jattendu l-MCAST u 7 ikunu xogħol;
Nhar ta’ Erbgħa - 6 jattendu l-MCAST u 10 ikunu xogħol;
Nhar ta’ Ħamis - 5 jattendu l-MCAST u 11 ikunu xogħol;
Nhar ta’ Ġimgħa - 7 jattendu l-MCAST u 9 ikunu xogħol.
Is-siegħat tax-xogħol huma bejn is-7.00 u t-15.00.
L-apprentisti huma kollha ta’ nazzjonalita’ Maltija.
Billi fir-risposta ta' mistoqsija parlamentari 7356 hemm referenza għall-Assoċjazzjoni tar-Residenti fil-Blokki, jista' l-Ministru jagħti tagħrif mill-informazzjoni miġbura għand l-Awtorita' tad-Djar, kemm huma l-blokki ta' flats tal-Gvern u kemm minn dawn għandhom Assocjazzjoni?
X'jiġri f'dawk il-każi fejn uħud mill-flats inbiegħu u fl-istess ħin fadal oħrajn li għadhom bil-kera?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li li s’issa l-Awtorita’ installat 89 lifts fi blokki eżistenti tal-Gvern jiġifieri proprjeta’ tad-Dipartiment tal-Artijiet. F’dawn il-każijiet kollha, ġiet iffurmata Assoċjazzjoni tar-Residenti sabiex tassumi r-responsabilita’ kollha tal-amministrazzjoni tal-lift. Kemm ir-residenti inkwilini, kif ukoll ir-residenti li xtraw il-post u li jixtiequ jagħmlu użu mil-lift, jiffurmaw parti mill-Assoċjazzjoni tar-Residenti u jħallsu sehemhom għall-ispejjeż kollha neċessarji għall-operat, manutenzjoni u tiswijiet in konnesjoni mal-lift.
F’każijiet ta’ blokki ġodda fejn ġie installat lift, u fejn l-inkwilini jħallsu l-kera lill-Awtorita’ tad-Djar, dawn ukoll ġew obbligati jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti. Il-ftehim tal-kirja f’dawn il-każijiet, jobbliga ‘l-inkwilini li jħallsu miżata flimkien mal-kera, sabiex l-amministrazzjoni tal-lift tkun f’’idejn l-Awtorita’. S’issa l-Awtorita’ għandha 32 blokk fejn qed taħdem din is-sistema.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 7590, jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibilità li d-diversi għaqdiet sportivi li għandna f'pajjiżna jissottomettu, wara talba għal ta' l-apposta min-naħa tal-Ministeru, t-talbiet tagħhom għall-ħlas ta' dawn il-kontijiet li l-għaqdiet għandhom mal-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6573 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, cioè: Billi minn din is-sena nbidlu l-kriterji li abbażi tagħhom wieħed iħallas il-liċenzja (road tax) annwali tiegħu, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt bniedem li jbiddel il-magna tal-vettura tiegħu, mingħajr ma jbiddel il-vettura hux ser ikun jista' jitlob għar-reviżjoni tal-ħlas dovut, abbażi ta' l-emissjonijiet li l-magna mqiegħda ġdida fil-fatt tipproduċi?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Ħaġar Qim u l-Imnajdra — distanza bejn it-tempji u strutturi tat-tined
Question
Tista' l-Ministru tagħti l-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari 7291, jiġifieiri d-distanza minima bejn il-ġebel tat-tempju u l-istruttura tat-tined?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħala riżulatat tal-ġeometrija rregolari tal-fdalijiet megalitiċi, d-distanza minnhom sal-istrutturi prottetivi li qed jiġu installati fuqhom hija varjabbli ħafna.
Fil-każ tal-Imnajdra, f’punt wieħed fejn megalita waħda tisporġi ħafna l-fuq mill-ġebel ta’ madwarha tasal sa ftit aktar minn metru mill-materjal tat-tinda.
Bl-eċċezzjoni ta’ dan il-punt wieħed, m’hemm ebda punt ieħor fejn l-istruttura protettiva ta’ l-Imnajdra hija eqreb minn żewġ metri mill-fdalijiet li qed tipproteġi. Id-distanza medja bejn il-fdalijiet tal-Imnajdra u l-istruttura protettiva hija ta’ aktar minn sitt metri.
Fil-każ ta’ Ħaġar Qim, il-punt fejn l-istruttura protettiva toqrob l-aktar lejn il-bini megalitiku ewlieni huwa fejn waħda mill-arkati li jsostnu t-tinda tgħaddi madwar 1.2 m bogħod minn megalita waħda li tisporġi sewwa il-fuq mill-ġebel ta’ madwarha.
Bl-eċċezzjoni ta’ dan il-punt wieħed, m’hemm ebda punt ieħor fejn l-istruttura protettiva hija eqreb minn żewġ metri mill-fdalijiet li qed tipproteġi. Id-distanza medja bejn il-fdalijiet ta’ Ħaġar Qim u l-istruttura protettiva hija ta’ aktar minn ħames metri.