Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi — feed-in tariffs
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7281, 6953, 6832 u 6569 u jgħid meta ser tiġi deċiża l-policy tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi dwar feed-in tariffs? Dawn se jkunu preferenzjali jew 1 : 1?
Hemm xi ħsieb li 'l quddiem titfassal feed-in tariff anke għall-intraprendituri barranin jew Maltin li jistgħu jitħajru jipproduċu enerġija alternattiva għas-suq lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skemi li jippromwovu l-ġenerazzjoni ta' enerġija alternattiva, jistgħu jsiru b'diversi mekkaniżmi fosthom tax credits, grants, u anke feed-in tariffs. Għalissa ġie deċiż li skemi ta' tax credits u grants f’qafas ta’ net metering huma l-aktar addattati għat-tip ta' skemi ta' enerġija alternattiva li għandna illum.
Il-mekkaniżmu ta’ ‘
net metering
’ joffri l-possibilità ta’ tpartit dirett ta’ konsum ma ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva, mingħajr limitazjoni ta’ ħin meta dan iseħħ. L-Enemalta tħallas lill-produttur ta’ l-enerġija għal elettriku li jkun daħħal fis-sistema.
Mhux eskluż li 'l quddiem
feed-in tariffs
ikunu applikati wkoll għal sitwazzjonijiet fl-industrija u għal proġetti medji jew kbar. Id-deċiżjoni tittieħed meta dawn il-proġetti jkunu definiti u fi stadju aktar avvanzat.
Każ ta' kopja li jaħdmu ma' l-uffiċju tal-Prim Ministru
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7114 u jikkonferma jekk hemmx każ ta' Direttur Ġenerali li tiġi l-mara ta' wieħed mill-uffiċjali għolja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli għad-dixxiplina fis-servizz pubbliku?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx xi każi ta’ dixxiplina fi ħdan id-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni u jekk dan l-uffiċjal huwiex inkarigat minn dawn il-każi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob l-Onorevoli Membru tara t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7114.
kwestoni ta' kopji miżżewġa responsabbli mid-dixxiplina fis-servizz pubbliku
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7113 u jgħid x’inhi l-policy li qed tiġi addottata dwar sitwazzjonijiet fejn uffiċjali għolja f’Dipartimenti jew Aġenziji tal-Gvern ikollhom żwieġhom responsabbli mid-dixxiplina fis-servizz pubbliku fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jaħseb il-Prim Ministru li dan jista’ joħloq sitwazzjonijiet mhux ġusti fil-konfront ta’ ċerti mpjegati li jinqabdu f’każ ta’ dixxiplina bejn dawn iż-żewġ uffiċjali?
Jaqbel li dawn l-anomaliji għandhom jispiċċaw ħalli fuq naħa waħda ħadd ma jħossu mpotenti biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu / tagħha u min naħa l-oħra jħossu komdu li se ssir ġustizzja miegħu f’xi każ ta’ dixxiplina? Jekk iva, x’rimedji qed jieħu biex din is-sitwazzjoni li tista’ toħloq inġustizzja tiġi eliminata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru tara t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7114.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7245, 6871, 5732, 5337, 4812 u 3539 u jgħid kemm huwa stmat li t-tneħħija tal-capping fuq dawl u ilma se tiswa lill-industrija globalment f'sena waħda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7241 u cioè: Peress li l-figura ta’ €417 miljun għall-ewwel 9 xhur tas-sena li għaddiet issemmiet mill-Prim Ministru f’diskors pubbliku li huwa għamel, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn ġiet din il-figura u ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari 6589 dwar investiment barrani?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7242 u jgħid x’ċifri għandu l-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2008 fejn jidħol l-investiment barrani u jagħti wkoll id-dettalji ta’ fiex jikkonsisti dan l-investiment?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7242.
Billi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7239, l-Prim Ministru żvela li l-Ministru diġà qabbad konsulenti privati biex iħejju l-istudji li huma neċessarji biex isir l-iStrategic Environmental Assessment jista' jgħid:
Kif intgħażlu dawn il-konsulenti?
Min huma?
Kemm ser jitħallsu ta' xogħolhom?
Meta mistenni jintemmu l-istudji neċessarji?
Meta nħatru?
Jekk inħatrux qabel ma ntemm il-perijodu ta' konsultazzjoni dwar id-dokument?
F'liema data rriżenja l-persuna, li ismu qed jintbagħat separatament, mill-Istrategy Team li fassal l-abbozz ta' konsultazzjoni dwar l-iStrateġija għall-Immanġġjar ta' l-Iskart?
F'liema data ttieħdet id-deċiżjoni li għandu jsir SEA fuq ir-reviżjoni ta' l-iStrateġija dwar l-Immaniġġjar ta' l-Iskart mill-SEA Audit Team taħt ic-Chairmanship ta' din il-persuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-istudju dwar l-iStrategic Environmental Assessment fuq l-abbozz tal-Waste Management Strategy ilhom li nbdew u dawn kienu qed isiru minn uffiċjali fil-ministeru stess. Biex ikunu ndirizzati l-kompetenzi kollha neċessarji, l-Ministeru talab offerti minn kumpaniji biex jimla’ dan il-vojt. Il-kumpanija li ntgħażlet hi ADI Associates Environmental Consultants Ltd li ser titħallas 12,000 ewro inkluża l-VAT. Huma nħatru fit-18 ta’ Frar 2009 jiġifieri jumejn qabel intemmet il-konsultazzjoni.
L-istudji tlestew, imma bħalissa qed jiġu nklużi xi proposti li ħarġu mill-proċess ta’ konsultazzjoni.
Infurmat li l-ordni biex issir il-konsultazzjoni waslet il-Ministeru fl-20 ta’ Jannar 2009
Rigward is-seba’ domanda tal-mistoqsija, nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Billi ftit ilu l-Prim Ministru ddikjara li nħolqu 7000 impjieg, jista' jagħti breakdown tagħhom, jgħid kemm minnhom huma full time u/jew part-time, jekk il-figura hijiex waħda grossa jew netta u liema perijodu jkopri dan kollu ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din iċ-ċifra toħroġ mill-istatistika dwar il-Gainfully Occupied Population ta’ Ġunju 2008. Skond din l-istatistika, iż-żieda tal-gainfully occupied minn Ġunju 2007 kienet ta’ 4953 (3426 full time u 1527 part time). Ma’ dawn wieħed irid iżid l-2,033 redundancy li kien hemm fl-istess perjodu (li ovvjament ġew replaced b’impjiegi ġodda għax kieku l-gainfully occupied population kienet tiċkien).
Dan iwassal għal 6,986 impjieg ġdid.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7280 u 6919 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm inġibdu films f'Malta sena b'sena mill-1999 sal-lum? Kemm hu prospettat li jinġibdu films fil-bqija tas-sena? X'se jkun il-budget tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7280.
B'referenza għax-xogħlijiet li saru fuq l-Imtarfa bypass, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6924, 6619, 6206, 6120, 5616 u 5219 u jispjega kif f'diversi partijiet fuq iż-żewġ naħat tal-bypass hemm tarmac cracks fil-wiċċ tat-triq? Jista' jara li ssir inkjesta serja sabiex tiġi stabbilita eżatt in-natura li qed tikkawża dawn it-tarmac cracks? Jekk fl-affermattiv meta ser isir dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — nefqa globali ta' fuel/petrol
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6923, 6618, 6207, 6119, 5819, 5581 u 5122 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' fuel/petrol eċċ tal-ministeru, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħtu matul l-2008?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-nefqa globali ta' fuel/petrol eċċ matul 2008 kienet ta' €282,324,798.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — Għajnuna tal-benefiċċju fuq mard
Question
Fir-rigward tal-benefiċċju tal-għajnuna minħabba mard (SKA), kemm-il applikant ma nstabx eleġibbli minħabba d-dħul finanzjarju tiegħu/tal-familja matul l-2008? Jista' d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħti informazzjoni personalizzata lil min ikun se japplika għal benefiċċju means - tested biex ma jsirux applikazzjonijiet bla bżonn?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li qabel ma’ ssir applikazzjoni għal xi għajnuna, l-pubbliku jiġi nfurmat bil-kriterji meħtiega għal dik l-għajnuna. Ħafna drabi jiġri li għalkemm il-pubbliku jiġi infurmat u jkun jidher li ma’ jikkwalifikax għal tali għajnuna l-applikazzjoni issir xorta kemm il-darba jkun hemm insistenza mill-pubbliku li din issir.
Informat ukoll li n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna medika li ġew irrifjutati minħabba mezzi matul is-sena 2008 kien ta’ 987.
Dawn kienu mqassma hekk :-
Il-Kapital jeċċedi
272
Il-Kapital jeċċedi r-rata ta’ miżżeweġ
40
Il-Kapital jeċċedi r-rata ta’ persuna waħeda
41
Il-Mezzi jeċċedu
632
Il-Mezzi fil-ġimgħa jeċċedu
2
Total
987
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 7293, 6954, 6695, 6124 u 6267 u jgħid għalfejn il-kuntratturi li jaħdmu għall-Awtorità dwar it-Trasport idumu żmien twil ma jitħallsu b'detriment għall-istess kuntratturi li jkollhom pagi u materjal xi jħallsu u interessi fuq l-overdrafts? Veru li ċ-Chief Executive Officer jiffirma ċ-ċekkijiet ta' ħlas lil dawn il-kuntratturi darba fix-xahar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif saru l-ħlasijiet dawn l-aħħar xahrejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li ttini eżempju tal-fatti li qed issemmi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7294, 6957 u 6692 u jgħid għal kemm tammonta ċ-ċifra totali li l-Gvern idaħħal kull sena mill-magni tal-logħob li hemm allokati fl-erba' casinos li hawn f'Malta, jiġifieri gaming tax, income tax fuq il-kumpanniji, taxxi fuq il-qligħ, kontribuzzjonijiet soċjali ta' l-impjegati eċċ.?
Kemm-il persuna jimpjegaw l-erba' casinos f'pajjiżna?
Jikkonferma li hawn madwar 12,000 magna tal-logħob simili għal dawk li hemm fil-casinos imxerrdin fi ħwienet tal-logħob li qegħdin jinbtu f'kull belt u raħal ta' Malta?
Il-kondizzjonijiet għall-permessi għall-ftuħ ta' casinos f'pajjiżna jinkludu sbarrament ta' l-età, biex wieħed jidħol u jilgħab irid ikun għalaq 25 sena, self barring li jorbot għall-casinos kollha, skrutinju dettaljat tal-flejjes li jidħlu u joħorġu kif ukoll preżenza ta' uffiċjali responsabbli għas-setturi tal-gambling, taxxa, eċċ. Jista' jispjega jekk l-operaturi ta' dawn il-magni tal-logħob (mhux casinos) għandhomx l-istess regolamenti?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7224, 6880,6502, 5924, 5715, 5470 u 5293 u jagħti l-lista ta' toroq arterjali, distributorji u lokali li hu ppjannat li jsir xogħol fuqhom matul din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) għal kemm fondi strutturali / ta' koeżjoni Malta, kienet tapplika għas-snin 2007 u 2008?
b) kemm fil-fatt ġew utilizzati fondi strutturali/ ta' koeżjoni fis-snin 2007 u 2008? Kif intnefqu dawn il-fondi?
Jista' jagħti iktar informazzjoni dwar is-€46 miljun li ġew depożitati fil-Bank Ċentrali Malti? Meta ġew depożitati? F'liema dati? Kif se jintużaw?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn stante li f'din il-familja jgħixu żewġ persuni, it-tnejn bir-relief, wieħed minnhom qiegħed rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli? Jista' jgħid għalfejn inqata' s-servizz tad-dawl? Jaħseb li l-Gvern tramite l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellu jagħti ż-żmien għall-ħlas? Jaħseb li t-talba ta' €350 hija projbittiva biex jerġa' jiddaħħal id-dawl fid-dar de quo tenut kont iċ-ċirkostanzi soċjali tal-każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant hu ta' natura soċjali. Nitlob għalhekk lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet lill-Ministru konċernat minħabba li l-Gvern ma jeżerċitax il-politika soċjali tiegħu permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6599, jista' l-Ministru jipprovdi d-dħul tal-VAT li jaqgħu taħt il-faxxa in kwistjoni għall-fini tad-dipartiment tal-VAT?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa mitlub jispjega aħjar u fid-dettal x’informazzjoni qed jistaqsi dwarha.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6600, jista' l-Ministru jiprovdi d-dħul tal-VAT li jaqgħu taħt il-faxxa in kwistjoni għall-fini tad-dipartiment tal-VAT?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mhux possibli li jingħata d-dettal kif mitlub kif diġa spjegat fir-risposta għad-domanda Parlamentari numru 6600.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-fabbriki li hemm fil-qasam industrijali tax-Xewkija? Liema huma l-fabbriki li qed iħaddmuhom u kemm qed tħaddem kull waħda?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat biex iġib l-informazzjoni meħtieġa dwar il-fabbriki eżistenti, sabiex il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tkun tista tagħti l-informazzjoni mitluba.