Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #7735 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Art f'Malta u f'Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 6917 u cioè: Bħala persentaġġ mill-art kollha Maltija u Għawdxija, jista' jgħid kemm hemm art (i) xagħri (ii) saqwi (iii) żviluppat? Kemm tikkompara din ir-rata ma' għaxar snin, 20 sena u 30 sena ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaddiema mal-Gvern — Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-persuni kollha li daħlu jaħdmu mal-Korpi tal-Gvern qabel l-1979, imma li mbagħad f'data li tiġi wara l-1979 ġew assorbiti mal-Gvern bħala ħaddiema tiegħu jieħdux pensjoni inqas vantaġġjuża mill-bqija tal-ħaddiema li ġew impjegati mal-Gvern wara l-1979? Għaliex?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond Art. 21 tal-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet, il-pensjoni tat-Tezor huma eliġibli għaliha biss dawk il-persuni impjegati mas-servizz pubbliku ta’ Malta qabel il-15 ta’ Jannar, 1979. Għalhekk dawk il-persuni li daħlu jaħdmu mal-Korpi tal-Gvern qabel il-15 ta’ Jannar 1979 u ġew assorbiti mal-Gvern wara il-15 ta’ Jannar 1979 u dawk il-ħaddiema li ġew impjegati wara il-15 ta’ Jannar 1979 mhumiex eliġibli għal-pensjoni tat-Teżor.

Wied il-Għajn — Wied iz-Ziju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex tikber is-sigurtà eżatt biswit l-għelieqi fl-inħawi ta' Wied iz-Ziju, f'Wied il-Għajn, stante li l-barriera li hemm fiż-żona waslet eżatt max-xifer tar-raba'?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #7746 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Wied il-Għajn — Ċitazzjonijiet waqt il-quddies

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-ħinijiet tal-quddies ta' Sant'Anna, f'Wied il-Għajn jingħataw struzzjonijiet biex il-Pulizija ma jagħtux ċitazzjonijiet lill-karozzi li jipparkjaw fid-daħla tat-triq li ddur mal-knisja u li minnha toħroġ għat-triq prinċipali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi xi drabi l-Pulizija tirċevi rapporti li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant tkun imblukkata minn vetturi li jkunu pparkjati b'tali mod li vetturi oħra ma jkunux jistgħu jgħaddu. Għalhekk il-Pulizija tieħu l-passi meħtieġa skont il-Liġi, għax m'għandux ikun permess li t-toroq jiġu mblukkati.
Leg 11 PQ #7764 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pijunieri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ftit taż-żmien ilu ħarġux xi fondi għal dawk li kienu fil-pijunieri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7764 ninsab infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta ma ħarġu l-ebda fondi lil dawk li kienu impjegati fil-pijunieri.

Dipartiment tal-manutenzjoni u tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li d-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Tiswija m'għadux jagħti s-servizz ta' manutenzjoni f'postijiet b'kera tal-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Awtorita’ tad-Djar ma waqfet l-ebda servizz ta’ manutenzjoni fi propretajiet tal-Gvern. Pero’ biex ikun hemm aktar kontrolli,qabel ma’ jingħata dan is-servizz, irid ikun hemm means testing ta’ l-applikant ħalli l-għajnuna tingħata lil min veru għandu bżonn u ma jistax iħallas għal din il-manutenzjoni.
Leg 11 PQ #7807 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ġbir ta' flus minn kontribuzzjonijiet ta' anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabru flus matul is-sena 2008 mill-kontribuzzjonijiet tal-anzjani: a) fir-residenza San Vincenz de Paule, b) fid-djar residenzjali tal-gvern, c) fi djar privati permezz tal-private public partnership, d) mill-home help/care service u e) minn fondi oħra?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #7811 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali kull sena mill-2005 'l hawn? Minn liema lokalitajiet kienu? Kemm-il applikazzjoni ġiet allokata akkomodazzjoni kull sena u minn liema lokalità kienu?

Response (DALLI, JOHN)

Ser inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Tabella A hawn turi n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni alternattiva li daħlu mis-sena 2005 ‘l hawn, filwaqt li Tabella B turi l-applikazzjonijiet li ġew allokati mis-sena 2005 ‘l hawn.
Leg 11 PQ #7812 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Impjegati fi djar residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-impjegati fid-diversi gradi - full-timeu part-time - li jifformaw l-istaff tad-djar residenzjali tal-Furjana, l-Imsida, il-Gżira, Bormla, il-Mosta u l-Imtarfa?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #7837 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu — għajnuna fuq slielem, bins u faċilitajiet oħra turistiċi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li l-Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu matul l-istaġun tas-sajf li ġej tagħti l-għajnuna tagħha biex fl-inħawi ta’ Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar, is-slielem ta’ ħdejn il-baħar, il-bins fuq il-bajjiet u faċilitajiet turistiċi oħra jitwaħħlu kmieni biżżejjed qabel l-istaġun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #7838 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Beach cleaners — kontribuzzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li s-sezzjoni tal-beach cleaners matul dan is-sajf, tagħti l-kontribut tagħha biex il-bajjiet f’Malta uf’Għawdex jinżammu kemm jista’ jkun nodfa, u fejn hemm bżonn twettaq ħidma neċessarja flimkien mal-kunsilli lokali rispettivi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sezzjoni tal-beach cleaners għaddejja b’ħidma kontinwa u bir-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni, biex ix-xtut jitnaddfu għall-istaġun tas-sajf. Ninsab infurmat li minn dejjem eżistiet koperazzjoni mal-Kunsilli Lokali f’dan il-qasam.
Leg 11 PQ #7839 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu — investiment għal benefiċċju għar-residenti u turistiċi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu tikkoordina aktar il-ħidma tagħha mal-kunsilli lokali biex l-investiment li twettaq ikun tal-aħjar benefiċċju għar-residenti u għat-turiżmu in ġenerali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Trasport skolastiku — Dokumenti fiskali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex matul is-sena finanzjarja 2008 ma jigix ripetut in-nuqqas gravi li kuntratturi tas-servizz tat-trasport skolastiku ma jgħaddux id-dokumenti fiskali neċessarji meta jressqu t-talbiet tagħhom għall-ħlas tas-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-2008 kien kuntrattur wieħed li ma kienx qiegħed jibgħat l-irċevuti fiskali. Dan il-kuntrattur bagħat l-irċevuti kollha neqsin din is-sena. Il-kuntratturi l-oħrajn kollha qegħdin jibagħtu l-irċevuti fiskali.

School Transport Section

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena skolastika kurrenti kemm hemm persuni jaħdmu fl-School Transport Section? Kermm minnhom huma uffiċjali pubbliċi u kemm minnhom m'humiex u dawk li m'humiex x’tip ta’ relazzjoni kuntrattwali għandhom mal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din is-sena ir-responsabbilta’ tat-tmexxija tat-trasport ta’ l-iskejjel ġiet mifruxa fuq diversi sezzjonijiet tad-Direttorat. Jagħtu sehem fl-andament tal-Unit hemm żewġ persuni mis-sezzjoni ta’ l-Accounts, Assistent Direttur mis-sezzjoni tal-Finanzi, il-Customer Care Unit u żewġ persuni mid-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi ta’ l-Iskejjel. Jagħtu sehem separat uffiċjali mill-iskejjel tal-Gvern taħt il-ħarsien tal-Prinċipali tal-Kulleġġi. Fil-preżent, ix-xogħol hu koordinat mid-Direttur għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi ta’ l-Iskejjel, fl-assenza ta’ Service Manager responsabbli għall-Educational Services tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Dawn il-persuni kollha huma uffiċjali pubbliċi minbarra persuna waħda li għandha l-grad ta’ Enforcement Officer II u hija mislufa lid-Direttorat mill-ADT.

Trasport skolastiku — Ħlas

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu biex kuntratturi tas-servizz tat-trasport skolastiku jitħallsu tas-servizz tat-trasport li jipprovdu iżda mhux iżjed milli jipprovdu kif hemm indikat li baqa’ jiġri mis-sena 2002 sal-lum skond kif indikat fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur għas-sena 2007 f’paġna 97 taħt ‘Invoicing and Issuing of Payments’?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fir-rigward tal-invoices li jintbagħtu mill-kuntratturi tat-trasport għall-iskejjel qed isir checking kemm mis-Sezzjoni tat-Trasport ta’ l-Iskejjel fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u kemm mill-Assistent Direttur (Servizzi Finanzjarji) biex jiġi żgurat li l-invoices jkunu korretti. Barra minnhekk, qed jiġi applikat software ġdid li l-għan tiegħu huwa li jinkludi aktar informazzjoni biex jiġi evitat li jsiru pagamenti żejda. Ġew organizzati laqgħat mall-kapijiet u assistenti kapijiet ta’ l-iskejjel kif wkoll mas-segretarji ta’ l-istess skejjel fejn ingħataw informazzjoni dwar it-tħaddim ta’ dan is- software . Għal dan il-għan l-iskejjel ġew mitluba biex jgħatu aktar informazzjoni preċiża rigward il-vjaġġi li jkunu saru mill-kuntratturi. Is-Sessjoni tat-Trasport ta’ l-Iskejjel qed tkompli tinforma lis-Sezzjoni ta’ l- Accounts bil-bidliet kollha li jkun hemm matul is-sena.

School Transport Section — Ħlasijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhuma d-dmirijiet differenti li għandhom il-persuni li jaħdmu fl-Ischool Transport Section u min huwa nkarigat biex jivverifika l-ħlasijiet li jsiru minn din is-sezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rekords li jinġabru matul ix-xahar fl-iskejjel jintbagħtu lid-Direttorat eżatt kif jispiċċa x-xahar. Kopja diġitali minn kull skola tintbagħat lill-uffiċjali fis-Sezzjoni ta’ l-Accounts li jaħdmu database globali bir-rekords kollha. Kopja oħra stampata, iffirmata mill-Prinċipal tal-Kulleġġ, tintbagħat lid-Dipartiment għall-Immaniġġjar tar-Riżorsi ta’ l-Iskejjel. Din il-kopja tiġi iċċekjata mar-rekords u l-complaints li jkunu nġabru matul ix-xahar sew mill-Uffiċċju tat-Trasport, kif wkoll mill-Customer Care Unit. Jiġu applikati l-penali skond in-nuqqasijiet kommessi li wara jiġu diskussi u approvati mid-Direttur responsabbli. Dawn il-kopji stampati, flimkien mal-penali approvati skond il-ftehim bejn l-operaturi u d-Direttorat, jgħaddu għand l-Accounts Section, li wara li jagħmlu cross-checking mar-rekords globali, jaħdmu l-ħlasijiet. L-Assistent Direttur responsabbli mill-Finanzi jagħmel random checks tal-kontijiet li jgħaddu għal ħlas.

Servizz tat-trasport skolastiku — Overpayments

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inġabru lura mill-overpayments fis-sena finanzjarja 2007 li saru lill-kuntratturi li jipprovdu s-servizz tat-trasport skolastiku? Kemm jonqos jinġabru u x’qed isir biex jinġabru? X’verifika saret dwar jekk sarux overpayments simili fis-sena finanzjarja 2008 u x’passi ttieħdu jekk instab li saru overpayments?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ħafna mill-overpayments indikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Awditur irriżultaw li ma kienux, infatti, overpayments, fejn irriżulta li saru overpayments, dawn ġew miġbura. Fil-fatt inġabru €16,791. Mill-bidu tas-sena finanzjarja 2008, beda jsir checking mill-Assistent Direttur (Servizzi Finanzjarji) u fil-bidu tas-sena skolastika 2008/09 beda jiġi applikat software ġdid li l-għan tiegħu huwa li jinkludi aktar informazzjoni biex jiġi evitat li jsiru pagamenti żejda. Għal dan il-għan l-iskejjel ġew mitluba jagħtu aktar informazzjoni preċiża rigward il-vjaġġi li jkunu saru mill-kuntratturi.