Jista' l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament ikun jista' jkun sid ta' daru wara li żmien twil ilu għamel talba għal dan il-każ?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant sabiex jghti aktar informazzjoni preciza sabiex ikun jista’ jinghata d-dettalji mitluba.
Peress li l-prezz taż-żejt illum nieżel taħt id-$84 il-barmil, jista' l-Ministru jgħid jekk hemm possibilità li r-rati tad-dawl u ilma jkunu aġġustati 'l isfel fl-interess tal-konsumatur u l-operaturi ekonomiċi speċjalment fid-dawl ta' tnaqqis fl-ekonomija matul l-ewwel tliett xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun akkwistatat il-proprjetà tal-Iskema HOS 1979 ta' Farsina f'Ħal Qormi biex ikunu jistgħu jsiru l-kuntratti ta' akkwisti li għadhom pendenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lil Ministru kkoncernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet li fihom il-Bord tal-Appell tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tat raġun lil min kien għamel l-appell, li iżda wara din id-deċiżjoni ġiet appellata mill-awtorità stess, fil-Qrati ta' Malta, matul il-perjodu 2008 - 2011?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet li fihom il-Bord tal-Appell tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma laqgħax it-talbiet tal-appell li kienu saru, u l-applikanti li ma kellhomx it-talba tagħhom milqugħa, li huma talbu lill-Qorti ta Malta, biex ibiddlu dik id-deċiżjoni,matul l-2008 sa l-2011?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet għal bidla tal-perit, minn klijenti li kellohom applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, matul l-ewwel hames xhur ta' din is-sena?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-Selmun Palace Hotel għadhiex għall-bejgħ inkella le? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jiġi finalizzat dan il-bejgħ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-process għall-bejħ fuq il-Lukanda Selmun għadu għaddej.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Port Ruman - servizzi mgħoddija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Triq il-Port Ruman, f'San Pawl il-Baħar, għandhiex is-servizzi tas-drenaġġ u l-ilma mgħoddija fit-tul kollu tagħha, b'mod permanenti? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk matul l-aħħar ftit ġimgħat sarx xi xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'din it-triq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-każ ta' expression of interest, biss, mingħajr tender formali jistax ikun hemm kunsilli lokali li jagħtu kuntratti, mingħajr mal-istess expression of interest tkun segwita minn sejħa formali għal tender, u cioè expression of interesttieħu post proċess ta' tendering?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li la fir-Regolamenti dwar Offerti tal-Kunsilli Lokali u lanqas fil-Public Procurement Regulations ma jeżisti l-kunċett ta’ “expression of interest”. Għaldaqstant meta Kunsill Lokali joħroġ tali talba jagħmel dan biex jara xi jkun hemm fis-suq qabel joħroġ it-tender tiegħu.
Jista' l-Prim Ministri jgħid min hu kkonsidrat bħala l-proprjetarju tal-billboards li huma mwaħħlin f'diversi postijiet madwar Malta li ħafna minnhom qed jintużaw biex fuqhom jitwaħħlu reklami? Min hu responsabbli għalihom? Jekk ir-reklami li qed jitwahhlu fuqhom humiex bi hlas, jinħtieġ permess għalihom? Min hu responsabbli għall-ħruġ tagħhom u għand min jgħaddu l-flus tar-reklami?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata xi seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Bord tal-Governanza jikkonsidrax rappreżentazzjonijiet li jkunu anonimi, bħalma jsir f'kull entità oħra, stante li l-liġi dwar il-Whistleblower Act għadha ma ġietx quddiem il-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Governanza ġie mwaqqaf wara l-aħħar emendi fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali permezz ta’ Avviż Legali numru: LN 63/2010.
Mill-kontenut ta’ dak l-Avviż Legali ma jidhirx illi l-Bord għandu l-funzjoni illi jirċievi ilmenti anonimi pero m’huwiex eskluż illi l-informazzjoni anonima mogħtija lill-Bord tista’ tintuża minnu, jekk jidhirlu li tkun kredibbli u li fiċ-ċirkostanzi għandu jużaha, fit-twettiq tal-funzjonijiet ta’ stħarriġ tiegħu u barra l-ambitu ta’ proċeduri kontenzjużi fejn il-prinċipju hu illi min jallega jrid jipprova. Jien infurmat illi sa llum il-Bord qatt ma rċieva ilment anonimu.
Peress li fl-aħħar ġimgħat il-problemi fuq ir-rampi tal-Gozo Channel, li ovvjament qed joħolqu ħafna inkonvenjent, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kawża ta' dan kollu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena, waqt li kienet qed issir spezzjoni regolari tar-rampi tal-vapur Gaudos ġie skopert qsim fi travu strutturali tar-rampa tal-poppa. Minħabba periklu li tista’ ssir aktar ħsara fir-rampa ġie deċiż li r-rampa ma tintużax sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji. Il ħin kien is-sebgħa ta’ filgħaxija. Minnufih bdew isiru il-preparazzjonijiet u spezzjoni tal-ħsara mill-klassi tal-vapuri biex jsiru t-tiswijiet, l-għada, matul il-lejl, biex is-servizz tal-vapuri jibqa’ jopera b’żewġ vapuri peress li l-vapur Ta’ Pinu kien għadu t-tarzna fejn kien qed jiġu installati car decks ġodda.
Ix-xogħol ta’ tiswija fuq ir-rampa tal-Gaudos inbeda tul il-lejl bejn l-ewwel u t-tieni ta’ Ġunju wara li waqaf il-vapur mis-servizz. It-tiswijiet baqgħu sejrin matul il-lejl u twaqqfu x‘ħin ir-rampa setgħet tingħalaq mingħajr periklu fil-għaxra ta’ filgħodu. It-tiswijiet ma kienux lesti għalkollox u tkomplew il-lejl ta’ wara fejn tlestew qabel ma l-Gaudos daħal fis-servizz kif skedat filgħodu.
Ninsab infurmat ukoll li f’każ ieħor separat, fid-9 ta’ Ġunju, waqt li l-Malita kien dieħel iċ-Ċirkewwa fis-7.15 ta’ filgħodu, wieħed miċ-ċilindri idrawliċi li jiftħu r-rampa ġralu ħsara – inkiser l-ankeraġġ taċ-ċilindru mal-istruttura tar-rampa u din kellha tingħalaq b’emerġenza fuq ċilindru wieħed sakemm jindidel iċ-ċinildru difettuż. Il-bdil taċ-ċilindru nbeda dak il-lejl u tkompla fil-lejl ta’ wara.
Ħsarat fir-rampi ta’ dawn il-vapuri huma inevitabbli meta tqis li dawn ir-rampi jiżnu aktar minn 30 tunellata u li jkunu nfetħu iktar minn 30,000 darba. Spezzjonijiet regolari jsiru biex xi ħsara tiġi skoperta fil-bidu qabel ma’ tikber u tiżviluppa fi ħsara ferm ikbar jew xi inċident.
Jista' l-Prim Ministru permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jgħid matul liema medda ta’ żmien kien qed jopera l-proġett pilota tal-GreenMT qabel ma nħarġitilhom il-liċenzja formali u jekk dan dejjem kellux l-awtorizzazzjoni tal-Aworità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha? Kemm kien hemm membri li ħadu sehem f’dan il-proġett pilota? X’kien il-persentaġġ tar-recovery tal-packaging waste kif ukoll x’kien ir-recovery f’termini ta’ volum u l-ammont/persentaġġ riċiklat? L-Awtorità ta' Malta dwar l-Amjent u l-Ippjanar taċċetta l-ispjegazzjoni pubblika li saret mill-GreenMT li d-dwemien fit-tiġdid tal-operating permit tagħhom kien dovut biss għall-fatt li l-GRTU kienet qed tuża l-Wasteserv bħala r-receiving facility tagħha? Jikkonferma li l-awtorità għamlet żmien ma taċċettax id-dikjarazzjoni tar-riċevuti tal-GRTU mibgħuta lil din il-faċilità
mill-Wasteserv? Meta ħarġet il-
final receiving certificate
tagħha u liema perjodu kien ikopri dan? Billi l-GRTU ddikjarat uffiċjalment li rkuprat 1,427 tunnellata f’sitt xhur, kif wieħed jirrikonċilja d-dikjarazzjoni pubblika li rkupraw 12,000 tunnellata fi 12-il xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-proġett pilota tal-GreenMT kien permess li jopera mill-1 ta’ April 2009 u kien validu sa l-aħħar tas sena. Fil-fatt tħaddem bejn Lulju 2009 u Diċembru 2009. Erbatax il-membru ħadu sehem f’dan il-proġett pilota.
GreenMT issottomettew li rkupraw 12,000 tunellata fl-ewwel sena ta’ ħidma tagħhom.
Skont l-aħħar rapport annwali tal-GreenMT (July 2009 - December 2009), GreenMT qed jiddikjaraw li irreċiklaw 3,363 tunellata fl-2009. Mir-rapporti ta' kull 3 xhur jidher ukoll li l-ewwel sitt xhur tal-2010 Green MT irkupraw 6189 tunellata. Ta' min jgħid ukoll li-ammont li għandu jiġi rriċiklat minn skema jiddependi fuq kemm ipoġġu fuq is-suq kollettivament il-membri ta' dik l-iskema. Fl-ewwel snin tal-operat tal-iskemi kien hemm ftit membri li kienu fl-iskemi allura l-ammont kumulattiv ta' Packaging li kellu jiġi rkuprat kien zgħir.
Fil-każ tal-persentaġġ mitlub tar-recovery tal-packaging waste kif ukoll ir-recovery f’termini ta’ volum u l-ammont/persentaġġ riċiklat, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-MEPA għadha fil-proċess li tiġbor informazzjoni validata. L-informazzjoini tkun disponibbli hekk kif tiġi kkompilata.
L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkonferma li operating permit ma nħariġx għal fatt li GreenMT ma sottomettewx id-dokumentazzjoni (rappurtaġġ) neċessarja skont il-permess (EP/00016/09) li nħareġ fl-1 ta’ April 2009.
L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dejjem titlob lill-iskemi sabiex jagħtu audit trail komplut li juri ċar li l-packaging ġie rriċiklat. Kull ċertifikat ieħor li ma jurix b'mod konklussiv li l-packaging ġie rriċiklat/irkuprat ma hux aċċettabli.
Il-MEPA għandha f’idejha biss informazzjoni uffiċjali hekk kif tidher fir-rapport annwali u fir-rapporti ta' l-ewwel 6 xhur tal-2010. Il-MEPA mhix f'pożizzjoni li tikkonferma l-figura ta’ 12,000 tunellata.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika x’inhu l-final receiving certificate li qed jirreferi għalih.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess għall-ħruġ ta' permessi għall-bini ta' garaxxijiet industrijali fuq art tal-gvern fl-inħawi tat-Tomna fil-Mellieħa, mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar billi l-applikazzjonijiet għal dawn il-garaxxijiet ilhom li saru numru ta' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-applikazzjoni PA 7064/05 ġiet irtirata mill-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar minħabba nuqqas fis-sottomissjoni t'informazzjoni mitluba mill-istess awtorità neċessarja għall-ipproċessar ta' din l-applikazzjoni. Din l-applikazzjoni ġiet irtirata fl-24 ta' Novembru 2010 skont sezzjoni 32 (6) ta' l-Att ta l-1992 dwar l-ippjanar ta' l-iżvilupp.
Fir-rigward tal-appell li qed jiġi kkunsidrat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-applikazzjoni għall-iżvilupp tar-Ramla l-Ħamra għal liema raġuni ġie aċċettat li jinstema' dan l-appell meta l-kunsiderazzjoni tiegħu fiha nnifisha - kif ġie mfisser mill-Flimkien għal Ambjent Aħjar - suppost li lanqas biss ġie reġistrat billi ma kienx hemm prova li tħallsu il-fees tal-appell kollha u mhux biss parti minnhom? U dan aktar u aktar meta huwa mifhum li talbiet oħrajn simili li saru minn ċittadini oħrajn lanqas biss ġew kunsidrati għall-istess raġuni - li ma kenitx tħallset is-somma sħiħa tal-appell?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-ħlas ta' dan l-appell ta' Lm80 sar fit-3 ta' Diċembru 2007 meta sar id-depożitu fil-BOV plc, Victoria Branch, Għawdex.
F'dak iż-żmien, is-Segretarjat tal-Planning Appeals Board ma kienx ikollu disponibbli għalih id-dettalji tal-applikazzjoni u għalhekk ma kienet issir l-ebda distinzjoni f'dak l-istadju u kien jitħallas il-minimu rikjest mill-Liġi.
Sussegwentement dan l-aċċess għal din l-informazzjoni ingħata b'mod illi llum l-appellant jista' jiġi mitlub mis-Segretarjat li jħallas 5% tad-Development Permit Fee u mhux Euro 186.35 (Lm80) jekk ikun il-każ.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — infiq f'ċelebrazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma settur settur? Jista' jgħid ukoll il-gradi tas-salarji u benefiċċji oħra ta' kull kategorija?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29117.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ħaddiema impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma skont il-kategorija, matul is-sena 2011? Jista' jgħid kif saret is-sejħa għal kull impjieg?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29117.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq mobile phones
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30642 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-mobile phones (kemm xiri kif ukoll it-telefonati) għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30642.