Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #7958 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

informazzjoni dwar immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru, sa fejn hu possibli, jagħti n-numru ta' persuni barranin miżmuma f'Malta bħala immigranti illegali ( u li ma jaqgħux taħt id-definizjoni ta' refuġjati), nisa u irġiel, etajiet u livell ta' edukazzjoni jew ħiliet li għandhom dawn in-nies?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Self employed — Familiy friendly policies

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra liema miżuri qed jittieħdu mill-Gvern vis-a-vis self employed biex jiġu implimentati family friendly policies?

Response (FENECH, TONIO)

Mhux magħruf għal xhiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant meta jistaqsi fuq family friendly policies vis-à-vis is-self employed, meta min jaħdem għal rasu intrinsikament jirregola lilu n-nifsu x’sistemi juza fil-prattika tax-xogħol tiegħu.

Triq li tgħaqqad Ħaż-Żabbar mal-Fgura -Girdle Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Girdle Road li tgħaqqad Ħaż-Żabbar mal-Fgura li hi fi stat diżastruż u liema triq hi wiesgħa u tista' sserraħ mhux ftit il-konġestjoni tat-traffiku lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parti ta’ Triq il-Labour bejn Triq il-Kunsill tal-Ewropa (magħrufa wkoll bħala Girdle Road) u Triq il-Madonna Medjatrċi ġewwa Haż-Żabbar, hija parti mid-diversion route li ser tintużha waqt il-kostruzzjoni tal-link Road lejn Smart City u għaldaqstant ser jinħareg tender biex din il-parti tat-triq tiġi rranġatha.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Labour - re-surfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir re-surfacing ta' Triq il-Labour, f'Ħaż-Żabbar, b'mod partikolari 0,3km tat-triq bejn Girdle Road u Misraħ il-Madonna Medjatriċi, liema triq qisa baħar imqalleb u hi ferm traffikuża?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 7960.
Leg 11 PQ #7962 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar San Luqa — użu tajjeb mill-bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax li l-istat tal-bini fl-ex sptar San Luqa qiegħed dejjem sejjer lura minħabba li mhux qed jintuża? Jidhirlu l-Ministru li wasal iż-żmien li tittieħed deċiżjoni politika ħalli dan il-bini nazzjonali iservi lill-komunità Maltija bħal per eżempju l-ħafna anzjani li qed jistennew illum biex jiddaħlu ġo home, flok jiġrilu bħalma gralhom ħafna bini li kienu ħallew l-Forzi Ingliżi wara l-1979?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Qtugħ tas-servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6536 u 7363 u jgħid kemm kien hawn persuni li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma sena b'sena mis-sena 2004 sas-sena 2008 u matul l-ewwel xahrejn ta' 2009? Kemm kien hemm persuni fl-istess perjodu li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Toroq li ġew lesti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7115, 6838 u 7364 u jgħid lokalità b'lokalità liema toroq residenzjali tlestew sa tmien l-2008 mill-programm ta' xogħol li kien tħabbar f'Awwissu 2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Nisa li daħlu lura għax-xogħol — Sena eżenzjoni mill-income tax

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif waqt li fl-aħħar budget kien tħabbar li kull omm li kienet diġà taħdem jew li ma kenitx ilha nieqsa mix-xogħol ħames snin, u li kienet se tidħol lura għax-xogħol wara li jkollha tfal, kienet se tingħata sena eżenzjoni mill-income tax għat-tfal kollha li twieldu mill-2007 'l quddiem, issa iżda ttieħdet d-deċiżjoni li dawn in-nisa qed jiġu ntitolati għal eżenzjoni mit-taxxa sa massimu ta' €2,000 fis-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-benefiċċju, li japplika mis-sena bażi 2008, jikkonsisti fi kreditu ta’ taxxa sa massimu ta €2,000 għal kull wild taħt l-età ta’ sittax-il sena, jew għal kull wild imwieled mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘l quddiem, skont il-każ. Fid-diskors tal-baġit intużat il-kelma “eżenzjoni” minflok il-frażi teknika “kreditu ta’ taxxa” biex il-miżura tinftiehem aħjar mill-pubbliku ġenerali. Ta’ min jgħid li f’ħafna mill-każijiet, il-kreditu ta’ €2,000 ser jisarraf f’eżenzjoni totali, għax it-taxxa li kienet ser titħallas mill-omm li tirritorna għax-xogħol, li kieku ma kienx hemm il-kreditu ta’ taxxa, kienet tkun inqas minn €2,000. F’xi każijiet il-kreditu ta’ taxxa huwa ta’ benefiċċju akbar minn sena eżenzjoni, għax il-kreditu li ma jintużax f’dik is-sena li l-omm tirritorna għax-xogħol jista’ jintuża fit-tieni sena. Ta’ min jgħid li meta l-Gvern daħħal inċentiv simili għall-ewwel darba fis-sena 2005 biex iħajjar lin-nisa jirritornaw għax-xogħol, id-diskors tal-baġit għas-sena 2005 kien ukoll semma l-kelma “eżenjoni”. Madankollu dik il-miżura wkoll ġiet implimentata permezz ta’ kreditu ta’ taxxa.
Leg 11 PQ #7981 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Liġi ta' l-adozzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Gvern wara d-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali riċentement dwar kif il-Liġi ta' l-Adozzjoni fil-preżent tmur kontra d-drittijiet ta' koppji miżżewġin li jkunu jridu jadottaw tfal?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Każ ta' propjetà meħuda għal skop pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ dwar kumpens ta' din il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar post tagħhom li kienu jabitaw fih li kien ittieħed għal skop pubbliku u sal-lum għadhom ma ngħatawx kumpens raġonevoli? Minħabba li din il-familja llum interessata li minflok tingħata kumpens finanzjarju tingħata xi proprjetà alternattiva mingħand il-Gvern, jista' l-Ministru jgħid xi proċedura dawn għandhom isegwu f'dan il-każ?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Korp tal-Pulizija — Bandiera nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk nhar il-Erbgħa, 8 ta' April 2009 inħariġtx letter minute interna fi ħdan il-Korp tal-Puluzija bin-numru (a) li qed jidher separatament, bis-suġġett il-bandiera nazzjonali fejn jgħid illi b'referenza għal messaġġ numru (b) li qed jidher separatament, li kien jindika li l-bandiera ta' Malta ma kellix tittella' mezzasta fil-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għal ħrug ta' din l-ordni meta din tmur kontra s-sentiment nazzjonali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Korp tal-Pulizija fit-8 ta’ April, 2009 dwar it-tlugħ tal-bandiera Maltija dakinhar tal-Ġimgħa l-Kbira u l-għada s-Sibt kienu konformi ma' l-istruzzjonijiet speċifiċi li nħarġu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-istess data. Infurmat ukoll illi l-istess istruzzjonijiet li ġew mgħoddija lill-Korp kienu japplikaw ukoll għal kull bini pubbliku ieħor kemm f’Malta kif ukoll f'Għawdex.

Ħal Qormi — Ġnien li kien jagħmel parti mill-Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar meta ħarget il-permessi għal bini tal-ġnien li fl-antik kien jaghmel parti mill-Ghassa tal-Pulizija, Ħal Qormi u li nbniet fiż-żmien il-kavallieri, ħadetx in konsiderazzjoni li wara dan il-bini li qed ikun żviluppat hemm bini ieħor li huwa parti mill-binja antika ta' l-għassa u għaldaqstant ħaditx il-prekawzjonijiet meħtiega biex dan ma jiġġarrafx? Jekk iva, x'għamlet? Jekk le, x'se tagħmel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Bini antik wara l-għassa tal-Pulizija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux jittieħdu kull prekawzjoni biex ikun imħares il-bini antik li jmur lura għal żmien il-kavallieri wara l-ghassa tal-Pulizija, f'Ħal Qormi, fejn dan l-aħħar sar żvilupp fil-ġnien li fl-antik kien jagħmel parti minn din l-istess għassa mibnija fi żmien il-kavallieri? X'qed isir biex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtiega ħalli dan il-bini ma jiġġarrafx b'inġenji jew għodod oħra li jistgħu jintużaw fil-viċinanza minħabba dan l-iżvilupp? Tista' tgħid jekk hux ippjanat li jigi restawrat? U jekk iva, meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-2005 is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet ġibdet l-attenzjoni tad-Direttorat tal-Awtorita’ dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-importanza storika u arkitettonika tal-binja msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari. Is-Sovrintendenza rrakomandat illi din il-propjeta storika għandha tiġi protetta. Jirriżulta li fl-2007 l-Awtorita dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet permess għall-iżvilupp fil-ġnien li kien jifforma parti minn dan il-bini storiku (Ref: PA 2840/06). Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tieħu l-passi kollha neċessarji biex dan il-bini jkun protett, skond l-Att tal-Patrimonju Kulturali.
Leg 11 PQ #1681 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi mill-UE lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kunsilli lokali li rċevew fondi jew xi għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea? Għalfejn intużaw dawn il-fondi? Kemm kienu l-ammonti? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li t-talba tagħhom għall-fondi għadha ma ntlaqgħetx? Hemm kunsilli lokali li qatt ma applikaw għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Liema huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1681, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi il-fondi li l-Kunsilli Lokali rċevew mill-Unjoni Ewropea u għalixiex intużaw u Tabella B li turi l-applikazzjonijiet pendenti li għandhom il-Kunsilli għall-fondi mill-Unjoni Ewropea.

Trasport fl-iskejjel — Uffiċjali nkarigati

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu matul is-sena 2008 biex uffiċjali nkarigati mit-trasport fl-iskejjel ikunu jafu sew kif jaħdem dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment għall-Immaniġġjar tar-Riżorsi ta’ l-Iskejjel organizza żewġ serje ta’ laqgħat, waħda għall-kapijiet ta’ l-iskejjel qabel il-vaganzi tas-sajf li għadda, u oħra għall-uffiċjali fl-iskejjel li huma risponsabbli mid-data entry fis-software il-ġdid li ġie żviluppat biex jinżammu rekords kompleti u preċiżi ta’ dak kollu li jsir waqt is-servizz tat-trasport. Fl-ewwel serje ta’ laqgħat li saret għall-kapijiet ta’ l-iskejjel ġie spejgat fid-dettal il-ftehim li jeżisti bejn il-Gvern u l-operaturi. Ġew spjegati wkoll it-termini kollha tal-ftehim u ta’ korrispondenza oħra li jagħmlu parti mill-ftehim. Dawn l-ispjegazzjonijiet tat-termini u kundizzjonijiet ġew inkwadrati fil-qafas tas- sfotware ġdid li ġie żviluppat. Wara l-vaganzi tas-sajf saret serje oħra ta’ laqgħat għall-uffiċjali li jagħmlu data input fis- software . Dawn il-laqgħat iċċaraw ħafna dubji dwar x’għandu jiġi rrapurtat u kif għandhom isiru dawn ir-rapporti. Wara l-esperjenza ta’ l-ewwel xhur, jidher li s-sistema qed tindara tajjeb u r-rżultati mixtieqa qegħdin jinkisbu. L-uffiċjali ġodda fl-iskejjel qed jingħataw taħriġ u tagħrif biex huma ikunu aġġornati wkoll.

Trasport skolastiku għal tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’kuntratt hemm bħalissa għall-provvista tas-servizz tat-trasport skolastiku għal tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jattendu skejjel primarji u sekondarji mainstream? Kemm hemm tfal jużaw dan is-servizz u kemm jiswa? Kemm hemm kuntratturi jipprovdu dan is-servizz, fuq kemm rotot u b’kemm vetturi? Dawn ir-rotot huma biżżejjed biex jaqdu t-tfal bi bżonnijiet speċjali jew jintużaw ukoll għal tfal oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iż-żewġ kuntratti li hemm bħalissa għall-provista tas-servizz tat-trasport skolastiku għal tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jattendu skejjel primarji u sekondarji mainstream huma: 1. Tal-Paramount Garage li ngħata permezz ta’ tender mid-Direttorat wara pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-Gvern ta’ l-1 ta’ Awwissu, 2008. 2. Tad-TDP ( Transport for Disabled Persons ) li ngħata b’tender tad-Dipartiment tal-Kuntratti kien estiż sa l-aħħar ta’ Diċembru 2008. Minn Jannar 2009 sa l-aħħar tas-sena skolastika 2008/2009 ngħata direct order bl-approvazzjoni meħtieġa, lit-TDP peress li t- tender li nħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti għadu qed jiġi ipproċessat. Hemm 22 student li jużaw dan is-servizz li jiswa €218.30 kuljum (tal-Paramount Garage) u €465.54 kuljum (tat-TDP Lifter Vans ). Il-Paramount Garage jipprovdu dan is-servizz fuq 10 rotot b’10 vetturi waqt li t-TDP jipprovdu dan is-servizz fuq 5 rotot b’5 vetturi. Dawn ir-rotot jintużaw biss għal tfal bi bżonnijiet speċjali. Barra minn hekk, 5 studenti oħra bi bżonnijiet speċjali qed jiġu provduti bis-servizz ta’ trasport minn 5 vetturi tad-Direttorat fuq 5 rotot.

Annual Audit Report — Nuqqasijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex jiġu ndirizzati n-nuqqasijiet indikati fl-Annual Audit Report 2007 tan-NAO paġna 96 taħt ‘Shortcomings in the contract of service’? Dawn il-passi huma sodisfaċenti biex l-istess nuqqasijiet ma jiġux ripetuti fis-sena finanzjarja 2008 u fis-snin finanzjarji li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm il-kuntratt iffirmat mas-service providers ma jistipulax b’mod preciż kif japplikaw ir-rati differenti, fil-prattika dawn jikkorrispondu mad-distanza, in-numru ta’ pick up points u n-numru ta’ bliet jew irhula li jkopri l-vjaġġ. Fin-negozjati li se jsiru għal ftehim ġdid, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi se jkun qed jara kif jistgħu jintużaw mezzi moderni li jgħinu biex tkun stabbilita b’mod aktar eżatt id-distanza ta’ kull vjaġġ. Meta jintużaw vetturi akbar minn dawk indikati fil-kuntratt, skont kif jipprovdi l-istess kuntratt, u għalhekk xi vjaġġi jkunu amalgamati, isir tnaqqis ta’ 20% fuq ir-rata l-baxxa skond kif ipprovdut f’ side letter tad-29 ta’ Jannar 2004.

Tfal bi bżonnijiet speċjali li ma jattendux skola — Trasport

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’jiġri meta tfal bi bżonnijiet speċjali ma jattendux skola? Jiġu avżati l-kuntratturi tat-trasport tagħhom? X'ħin jiġu avżati? Meta ma jagħmlux vjaġġ jitħallsu xorta waħda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tender il-ġdida tipprovdi li, meta student ma jkunx ser jattendi l-iskola, il-kuntrattur tat-trasport għandu jiġi avżat fil-ħinijiet tal-uffiċċju ġurnata qabel. Il-kuntrattur jitħallas 25% tar-rata meta l-vjaġġ ma jsirx. L-iskejjel ingħataw struzzjonijiet biex jinfurmaw lit-Taqsima tat-Trasport ta’ l-iSkejjel fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi meta tfal ma jkunux ser jattendu minħabba mard fit-tul biex il-kuntrattur tat-trasport jiġi infurmat mill-ewwel.

Servizz tat-trasport

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex matul is-sena finanzjarja 2008 il-kuntratturi tas-servizz tat-trasport skolastiku jaħdmu skond l-obbligi kollha li ntrabtu bihom u jinżammu records korretti tas-servizz li jipprovdu f’numru ta’ vetturi u fil-kwalita` tas-servizz u ma jibqgħux jitħallsu ta’ xogħol li ma jkunux għamlu u ma jibqgħux jiffullaw karozzi bl-istudenti meta suppost li għal raguni ta’ sigurta` u ta’ kumdita` t-tfal suppost jinġarru aħjar milli nġarru fuq għadd ta’ rotot tul is-sena finanzjarja 2007?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Saru diversi laqgħat bejn uffiċjali għolja fid-Direttorati u l-uffiċjali li jirrappreżentaw lill-operaturi biex jiġu ċċarati dak li ż-żewġ partijiet jistennew minn xulxin. Isiru skambji kontinwi ta’ idejat, ħsibijiet u esperjenzi ta’ l-andament tat-trasport ta’ l-istudenti. Isiru spezzjonijiet sew mill-uffiċjal tad-Direttorat li għandu l-grad ta’ Enforcement Officer II, kif ukoll minn uffiċjal ta’ l-ADT fejn u meta jinħass il-bżonn. Id-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi ta’ l-Iskejjel, flimkien mas-Sezzjoni ta’ l-Accounts, żviluppaw software ġdid li jżomm rekords preċiżi u kompleti tal-vjaġġi kollha li jsiru jew ma jsirux, jekk jaslux kmieni jew tard, eċċ. Peress li fis-software ġie inkluż il-kunċett ta’ data validation, id-data li jdaħħlu fih l-iskejjel hija ffukata ħafna u l-proċess kif maħsub u maħdum ma jħallix lok għal żbalji fid-data entry. Il-ftehim ma jagħtix lok li l-istudenti ma jkunux bilqegħda komdi waqt it-trasport. Il-Kapijiet għandhom struzzjonijiet li ma jħallux studenti jinġarru bil-wieqfa. Meta xi kultant jaslu rapporti ta’ nuqqas ta’ ħarsien ta’ xi waħda mill-kundizzjonijiet li hemm fil-ftehim qed jiġu applikati l-penali maħsuba.

Ufficcju Nazzjonali tal-Awditur — Pagamenti żejda

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekkil-pagamenti żejda li saru tul is-sena finanzjarja 2007 (Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Sena 2007, paġna 101) inġabrux lura? X’fadal jinġabru? Saru pagamenti żejda simili fis-sena finanzjarja 2008? Kemm saru u jekk saru x’qed isir biex jinġabru lura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pagamenti li saru żejda tul is-sena finanzjarja 2007 inġabru fis-sena 2008. Fis-sena finanzjarja 2008 ma sarux pagamenti żejda.